Month: October 2023

PR231701

Ġie ssiġillat il-ftehim nazzjonali għal żieda fil-paga minima, f’ċerimonja tal-iffirmar flimkien mal-imsieħba soċjali, ippreseduta mill-Prim Ministru Robert Abela. 

Ftehim biex tiżdied il-paga minima kull sena għall-erba’ snin li ġejjin, apparti ż-żidiet li jingħataw bil-COLA kull sena.

Qiegħed jiġi ppubblikat id-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela. 

Dettalji dwar iż-żieda fil-paga minima nazzjonali: https://bit.ly/PagaMinimaNazzjonali

PR231693

F’Summit tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Mexxejja Ewropej iddiskutew temi ta’ importanza relatati mal-iżviluppi fl-Ukrajna u Lvant Nofsani, ir-reviżjoni f’nofs il-perjodu tal-Budget Ewropew għal perjodu 2021-2027, l-ekonomija u l-immigrazzjoni. Is-Summit sar bejn is-26 u s-27 ta’ Ottubru fi Brussell u jkompli jibni fuq dak straordinarju li sar b’mod virtwali l-ġimgħa l-oħra. 

“Irrid infaħħar il-progress li sar sa issa u nappoġġja l-pjan biex jiġi żgurat ftehim b’saħħtu sa tmiem is-sena. Dan il-ftehim għandu jkun pakkett u jinkludi fondi addizzjonali essenzjali biex tiġi indirizzata l-isfida tal-immigrazzjoni fost l-oħrajn; sfida li qed taffettwa ħafna mill-istati membri tal-Unjoni Ewropea.” Kien dan il-messaġġ importanti li tkellem dwaru l-Prim Ministru Abela fil-kuntest tal-Budget Ewropew magħruf bħala l-Multiannual Financial Framework (MFF). Huwa sostna li azzjoni konkreta hija kruċjali. Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ riżorsi addizzjonali għal prijoritajiet esterni u b’mod aktar konkret nibnu alleanzi strateġiċi ma’ pajjiżi ġirien tagħna. Dan anke fl-isfond tal-fatt li ħafna mir-riżorsi allokati għal prijoritajiet bħal dawn meta oriġinarjament ġie maqbul dan il-Budget kellhom jiġu assenjati biex tingħata assistenza lill-Ukrajna. 

Fi Brussell, Dr Abela tkellem ukoll fuq l-aħħar żviluppi relatati mal-gwerra fl-Ukrajna u dik bejn l-Iżrael u l-Hamas. “L-appoġġ internazzjonali, speċjalment mill-pajjiżi tal-G7, jibqa’ wieħed fundamentali. Il-Gvern Malti jibqa’ jtenni s-sejħa għar-responsabbiltà ta’ dawk kollha li wettqu reati kontra l-Ukrajna, xprunati mill-prinċipji tal-liġi internazzjonali,” stqarr il-Prim Ministru fil-kuntest tal-gwerra fl-Ukrajna. Huwa rrimarka wkoll dwar l-irwol ta’ pajjiżna bħala aġent tal-paċi, partikolarment bis-sehem ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà u l-laqgħa ta’ livell għoli favur il-paċi fl-Ukrajna li se jospita pajjiżna fi tmiem din il-ġimgħa stess.

Rigward il-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru kkundanna bla riservi l-attakk tal-Hamas fuq l-Istat Iżraelit u laqa’ l-ħelsien ta’ numru ta’ ostaġġi filwaqt li rrimarka dwar il-ħtieġa li jinħelsu l-ostaġġi kollha maqbudin f’Gaża. “L-għan aħħari tagħna huwa u jibqa’ s-sigurtà kemm taċ-ċittadini Iżraeljani, iżda wkoll li naraw li dawk Palestinjani ma jiġux massakrati. Dak li għaddej f’Gaża jinkwetana mhux ftit. Għalhekk filwaqt li nirrikonoxxu d-dritt tal-Iżrael li jiddefendi ruħu, nisħaq dwar l-importanza li l-azzjonijiet sussegwenti jkunu proporzjonati u konformi mal-liġi internazzjonali biex jipproteġu liċ-ċittadin komuni,” saħaq il-Prim Ministru. F’dan il-kuntest, Dr Abela afferma mill-ġdid dwar l-aspett umanitarju ta’ din it-traġedja fil-Lvant Nofsani.

“Il-kriżi umanitarja f’Gaża hija severa, u filwaqt li xi għajnuna waslet fir-reġjun, irid isir aktar. L-għajnuna umanitarja għall-Palestinjani għadha kruċjali u l-umanità trid tirbaħ.” Il-Prim Ministru laqa’ wkoll l-aħbar tal-Kummissjoni Ewropea li tittripla l-għajnuna umanitarja għall-Palestinjani filwaqt li tenna dwar l-għajnuna umanitarja li Malta qed toffri lill-Aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Għajnuna u x-Xogħlijiet. F’dan ir-rigward, il-Prim Ministru spjega wkoll kif Malta tibqa’ temmen fis-soluzzjoni ta’ żewġ stati u li għandu jsir kull sforz biex jiġu faċilitati diskussjonijiet dwar il-paċi.

Fuq is-suġġett tal-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-prevenzjoni tat-tluq mill-pajjiż tal-oriġini tibqa’ l-element ewlieni biex nindirizzaw l-isfidi li lkoll qed naffaċċjaw minħabba s-sitwazzjoni attwali tal-immigrazzjoni irregolari. “Għalhekk jeħtieġ li nżidu b’mod sinifikanti l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi ta’ oriġini billi nimplimentaw sħubija qawwija u strateġika bbażata fuq fiduċja reċiproka li konsegwentement tindirizza l-għeruq tal-isfida.”

B’rabta mas-settur ekonomiku, il-Prim Ministru qal li l-iżviluppi ġeopolitiċi u ekonomiċi reċenti, inkluż ir-rata tal-inflazzjoni, urew l-importanza tal-għaqda Ewropea quddiem dawn l-isfidi globali. Mill-ġdid, il-mexxejja Ewropej irrimarkaw dwar l-importanza tal-investiment fis-settur tal-enerġija. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-provvisti tal-enerġija suffiċjenti u affordabbli huma prerekwiżit għas-suċċess taċ-ċittadini u n-negozji tagħna. “Huwa ċar li jekk irridu nsaħħu l-vantaġġ kompetittiv tal-Unjoni Ewropea f’xenarju globali ta’ sfidi dejjem akbar, irridu nkomplu nibnu ekonomija robusta u reżiljenti,” temm jgħid Dr Abela.

PR231681

Il-Budget li se jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn li ġej se jkun wieħed li se jibqa’ jsostni lill-familji, b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli, u lin-negozji. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela matul laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji dwar il-Budget 2024.

Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela fisser il-perjodu ta’ wara l-pandemija bħala perjodu importanti hekk kif setturi ewlenin tal-ekonomija Maltija bdew jirkupraw, ewlenin fosthom it-turiżmu u s-suq tax-xogħol. “Issa jeħtieġ li nħarsu lejn il-futur ta’ dan il-pajjiż u għalhekk il-ħtieġa ta’ deċiżjonijiet immirati li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin”, saħaq il-Prim Ministru. Hawnhekk elenka numru ta’ riformi u inizjattivi biex jissaħħaħ is-suq tax-xogħol. Semma r-riforma fl-istipendji, iċ-Ċentru Tekniku tas-Snajja’ fl-MCAST, u l-introduzzjoni tal-Iskills Passport fil-qasam tal-ospitalità.

Dwar l-inflazzjoni, Dr Abela qal li fil-Budget li ġej, il-Gvern se jżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, miżura li se tkun qed tolqot kemm lill-famlji kif ukoll lis-sidien tan-negozji. Dwar l-iżvilupp u l-bini, il-Prim Ministru qal li anke dan is-settur għandu rwol fit-tranżizzjoni ekonomika li għaddej minnha l-pajjiż. Qal li r-riforma fil-liċenzjar tal-kuntratturi hija bidla akkumpanjata minn serjetà u rispett fuq il-lant tax-xogħol, lejn il-ħaddiema u l-ġirien.

Huwa temm jgħid li bħalma tkellem dwar diversi proposti ma’ persuni ġejjin minn faxex differenti tas-soċjetà, hekk ukoll se jkun qed jisma’ lill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji biex flimkien ifasslu t-triq ’il quddiem.

Preżenti għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul u d-Deputati tal-Gvern Alex Muscat u Katya De Giovanni.

PR231679

Madwar elfejn membru tal-Korp tal-Pulizija se jgawdu minn pagi u kundizzjonijiet aħjar permezz ta’ ftehim settorali ġdid li ġie ffirmat bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tal-ħaddiema fil-Korp. Meta fl-Akkademja għall-Korpi Dixxiplinarji ltaqa’ ma’ bosta uffiċjali u anki rekluti, li huma wkoll se jibdew igawdu minn dan il-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif l-investiment fl-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija huwa investiment dirett fil-ħaddiema li huma ta’ fejda, ta’ servizz u protagonisti fil-ġid komuni.

Il-ftehim iffirmat, fost oħrajn fil-preżenza tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, huwa xhieda tal-impenn tal-Gvern li jinvesti fir-riżorsa umana ta’ pilastru importanti fis-sigurtà ta’ pajjiżna, fosthom fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin. Il-ftehim settorali se jfisser żidiet fil-pagi u allowances fost benefiċċji oħra bħal progress iżjed mgħaġġel fl-iskali. Il-ftehim jirrikonoxxi wkoll li l-ħaddiema fil-Korp tal-Pulizija jiltaqgħu ma’ bosta xenarji imprevedibbli u għalhekk l-uffiċjali se jkunu koperti bi protezzjoni legali b’rabta ma’ ħidmiethom.

Waqt diskussjoni ma’ uffiċjali tal-Korp, il-Prim Ministru Robert Abela sema’ dwar ħidmet l-uffiċjali u l-importanza tat-taħriġ kontinwu filwaqt li huwa rrimarka li l-Gvern irid jibqa’ jagħti l-għodda permezz ta’ investiment kontinwu fil-Korp favur iż-żamma tal-ordni u l-ġid fil-komunità.

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema permezz taż-żewġ unions, jiġifieri l-Police Officers Union fi ħdan il-General Workers’ Union u l-Malta Police Union, laqgħu b’sodisfazzjon il-ftehim settorali li ġie ffirmat minnufih wara li ntemm dak preċedenti u rrimarkaw għad-djalogu u rispett li kien hemm fin-negozjar dwar il-ftehim il-ġdid. Il-POU-GWU fissret il-ftehim bħala wieħed pożittiv għaliex jirrikonoxxi l-Korp tal-Pulizija bħala pilastru kruċjali favur iż-żamma tal-ordni u jibni fuq ta’ qablu billi jtejjeb il-pagi u l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali kollha. Min-naħa tagħha, l-MPU qalet li dan hu ftehim li ċertament se jkun qiegħed isaħħaħ l-kundizzjonijiet preżenti u ta’ bażi soda għall-futur.