Month: June 2026

PR261008

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Keith Azzopardi Tanti u l-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Omar Farrugia, iltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) dwar il-prijoritajiet imfassla minn dan il-Gvern għal matul il-ħames snin li ġejjin. 

Il-Prim Ministru Abela qal li l-MCESD u l-imsieħba soċjali huma pedina importanti fid-djalogu soċjali u biex bħala pajjiż nkomplu mixjin ’il quddiem. 

Dr Abela tenna li dan il-Gvern se jkompli jipprijoritizza l-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali kollha. Huwa rrefera  ukoll għal relazzjoni ta’ rispett u ħbiberija li nbniet fl-aħħar snin, fosthom f’mumenti kritiċi bħall-pandemija, meta l-Gvern, flimkien mal-imsieħba soċjali, ħadem biex jissalvagwardja l-ħaddiema, il-familji, min iħaddem u l-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż.

Huwa semma wkoll il-ħidma konġunta li l-Gvern kellu flimkien mal-MCESD fuq il-Viżjoni Malta 2050 u fuq diversi ftehimiet settorjali u kollettivi li tejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Qal li fid-diskussjonijiet u l-ħidma dejjem kien hemm rispett u impenn lejn il-ġid komuni.

Il-Prim Ministru enfasizza li l-Gvern se jkompli jagħti ċertezza, stabbiltà u serħan il-moħħ, b’mod partikolari fil-qasam strateġiku tal-enerġija. Huwa qal li Malta tinsab b’saħħitha, b’ekonomija soda u f’qagħda fiskali li tippermetti lill-Gvern ikompli jinvesti fil-familji u fin-negozji.

Dr Abela rrimarka li l-programm ta’ ħidma tal-Gvern huwa wieħed ambizzjuż u riformista, li se jeħodna pass eqreb lejn ir-realizzazzjoni tal-Viżjoni Malta 2050, b’enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-mobbiltà sostenibbli, l-ambjent u d-diġitalizzazzjoni.

Il-Prim Ministru temm jgħid li fl-ewwel mitt jum ta’ din il-leġiżlatura l-Gvern se jibgħat sinjal ċar li se jkun qed ikompli jwettaq il-bidliet neċessarji, filwaqt li tenna l-impenn li d-djalogu soċjali jkompli jissaħħaħ għall-ġid tal-poplu.

Il-Ministru Keith Azzopardi Tanti qal li l-progress sostenibbli ma jistax jiġi impost minn-naħa waħda biss, iżda għandu jinbena flimkien permezz ta’ djalogu fejn it-tkabbir ekonomiku jimxi id f’id mal-progress soċjali u l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema. “Bħala Gvern, aħna kommessi li naħdmu mal-imsieħba soċjali kollha biex l-użu tal-fondi Ewropej u d-deċiżjonijiet tagħna jkomplu jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies u ma jħallu lil ħadd lura,” tenna l-Ministru Azzopardi Tanti.

Iċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, Maria Micallef qalet li l-fatt li waħda mill-ewwel attivitajiet ta’ din il-leġiżlatura hija propju laqgħa tal-MCESD, huwa sinjal ċar tal-importanza li l-Gvern qed jagħti lid-djalogu soċjali u l-imsieħba soċjali. Hija saħqet ukoll li bħala pajjiż irridu nimxu ’l quddiem permezz tal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni li l-Kunsill tal-MCESD kien strumenti biex titnieda. Hija semmiet li l-valur ta’ din il-Viżjoni ma jitkejjilx biss mill-aspirazzjonijiet tagħha, iżda wkoll mill-kapaċità tagħna li nibqgħu ffukati fuq l-implimentazzjoni u l-miri identifikati.

Maria Micallef saħqet li jekk kulħadd ikun kommess għad-djalogu, bħala pajjiż nistgħu mhux biss nindirizzaw l-isfidi tal-lum imma wkoll nibnu futur aktar sostenibbli, inklużiv u prosperu għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada sabiex b’hekk inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja u l-benesseri tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana qal li l-amministrazzjoni pubblika hija lesta li tisma’, imma fuq kollox li tmexxi l-implimentazzjoni meħtieġa. “Tmexxija moderna tfisser li noħolqu viżjoni ċara, li nieħdu deċiżjonijiet b’kuraġġ fejn ikun hemm bżonn, u li niffaċilitaw il-bidla neċessarja biex Malta tibqa’ kompetittiva, inklużiva u sostenibbli, mingħajr ħadd ma jibqa’ lura u fejn kulħadd jista’ jgawdi mill-ġid komuni,” tenna Tony Sultana. 

Min-naħa tiegħu s-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol irrimarka li diġà nbeda x-xogħol neċessarju biex jibda l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Manifest Elettorali, filwaqt li titkompla l-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri li kienu għadhom qed jiġu implimentati fil-leġiżlatura preċedenti. Huwa għamel ukoll referenza għall-Wellbeing Index – indiċi li għandu l-għan li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja b’25%. Ryan Spagnol tenna li kull miżura se tkun qed tikkontribwixxi biex nilħqu din il-mira ewlenija li għandu pajjiżna.

PR261007

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u l-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, żar tliet negozji mmexxija minn familji Għawdxin fis-settur tal-ospitalità li qed jagħtu kontribut importanti lejn it-tisħiħ tal-ekonomija Għawdxija u lejn it-titjib tal-prodott turistiku Għawdxi.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru żar BLOCK Hotel u RITUAL Dive fix-Xlendi, kumpless turistiku li jinkludi akkomodazzjoni, skola u faċilitajiet ta’ għadis taħt saqaf wieħed. Dan in-negozju, li beda fl-2019, kiber f’kumpless li jattira turisti minn madwar id-dinja, partikolarment dawk li jżuru Għawdex għall-għadis.

Il-Prim Ministru żar ukoll View Point Boutique Living, lukanda żgħira ġewwa x-Xlendi li tħaddan l-identità Maltija u Għawdxija bħala parti mill-esperjenza li toffri lill-viżitaturi. Il-proprjetà żammet il-karattru lokali tagħha permezz tad-disinn, l-użu ta’ xogħlijiet ta’ artisti Maltin u Għawdxin u elementi li jirriflettu l-wirt naturali tal-gżira Għawdxija.

L-aħħar żjara saret f’Santa Lucia Boutique Hotel, negozju ieħor immexxi minn familja Għawdxija li jiffoka fuq esperjenza ta’ kwalità għall-klijenti ta’ din il-lukanda permezz ta’ ambjent naturali u trankwill li toffri. 

“Għawdex għandu dak kollu li hu meħtieġ biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu bħala destinazzjoni unika fil-Mediterran. Il-fatt li qed naraw aktar investiment ta’ livell għoli, li jirriflettu l-identità u l-karattru tal-gżira, juri kif nistgħu nattiraw turiżmu li jħalli valur akbar u li jgawdi minnu l-komunità Għawdxija matul is-sena kollha”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru saħaq li l-familji li jinvestu fin-negozji tagħhom huma parti essenzjali mis-suċċess ekonomiku ta’ Għawdex. “Dawn huma familji, imprendituri, li jemmnu fil-gżira tagħhom, li joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol u li jibnu esperjenzi li jagħtu isem tajjeb lil Għawdex barra minn xtutna. Il-Gvern se jibqa’ jkun ta’ spalla għal min għandu din il-viżjoni u qed jaħdem biex ikompli jkabbar l-ekonomija b’mod sostenibbli”, qal il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern se jibqa’ jappoġġja dawn l-investimenti li jkomplu jagħtu ħajja ġdida lill-ekonomija Għawdxija. Dan hekk kif il-manifest elettorali ġdid tal-Gvern jagħti prijorità lil Għawdex b’100 impenn speċifiku għall-gżira, inkluż miżuri favur turiżmu aktar sostenibbli, investiment fil-prodott turistiku, taħriġ speċjalizzat u titjib tal-faċilitajiet.

Il-Gvern se jkompli jinvesti sabiex Għawdex jibqa’ destinazzjoni ta’ kwalità, filwaqt li jħares l-identità u l-karattru uniku tal-gżira.

Fir-Rabat Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, żar il-kumpanija Michael Grech Financial fejn iltaqa’ mat-tmexxija u l-ħaddiema. Din il-kumpanija qed timmarka 25 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha.

Il-kumpanija toffri servizzi finanzjarji lill-klijenti Maltin u Għawdxin u hija liċenzjata mill-MFSA. Twaqqfet fl-2001 u għandha uffiċini fil-Belt Victoria, f’Għawdex u f’Birkirkara f’Malta. Sid il-kumpanija, Michael Grech, huwa meqjus bħala pijunier fl-industrija tas-servizzi finanzjarji f’Għawdex u fl-2015 ingħata Midalja għall-Qadi tar-Repubblika mill-President ta’ Malta.

Waqt iż-żjara l-Prim Ministru  faħħar is-suċċess ta’ dan in-negozju tal-familja u tenna li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli joffri appoġġ kontinwu lin-negozji, partikolarment dawk żgħar u medji. Huwa nnota  kif dan in-negozju matul is-snin offra opportunità ta’ apprendistat lil studenti tal-MCAST u l-Università ta’ Malta li jkunu għaddejjin b’studji fuq is-servizzi finanzjarji u li jgħinhom fil-perkors edukattiv tagħhom u fl-istess waqt jitgħallmu ħiliet ġodda.

Dr Abela għamel referenza wkoll għall-emendi li l-Gvern kien għamel fl-Att dwar in-Negozji tal-Familja u semma t-tnaqqis fit-taxxa tal-boll fit-trasferiment ta’ negozju bejn membri tal-familja u nnota b’sodisfazzjon kif dan in-negozju se jkun qed jgħaddi għand it-tieni ġenerazzjoni tal-familja.

PR260983

F’konferenza tal-aħbarijiet li mmarkat l-ewwel titjira diretta minn New York għal Malta mil-linja tal-ajru Delta Airlines, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan l-iżvilupp bħalaċelebrazzjoni tat-triq ta’ pajjiżna favur it-tisħiħ tal-konnettività u l-ambizzjoni li għandna bħala pajjiż biex nimxu dejjem aktar ’il quddiem.

Fil-preżenza tal-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg u rappreżentanti mil-linja tal-ajru Delta Airlines, il-PrimMinistru Robert Abela saħaq li t-titjira bejn l-Amerka u Malta hija turija oħra ta’ fiduċja f’pajjiżna.

Quddiem il-fatt li t-titjiriet mill-ajruport ta’ J. F. Kennedy fi New York u Malta se jsiru tliet darbiet fil-ġimgħa, Dr Abela qal li pajjiżna mhux biss se jkompli jilqa’ turisti ta’ kwalità iżda anke investituri u familji li jiġu jżuru pajjiżna. Qal li għandna opportunità akbar biex inkomplu nsaħħu l-koperazzjoni ekonomika mal-Istati Uniti.

Il-Prim Ministru nnota riżultati pożittivi li qed jikseb pajjiżna fit-turiżmu u f’dak li għandu x’jaqsam mal-investiment li għaddej fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Qal li għall-ewweldarba, mill-ajruport għaddew miljun passiġġier fir-rebbiegħa. Dr Abela rrimarka għall-istrateġija tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu li timbotta lil Malta bħala destinazzjoni turistika li tolqot il-ħtiġijiet ta’ kulħadd.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li gvern ġdid immexxi minnu se jkompli jagħti l-istabbiltà u s-serħan il-moħħ fis-settur tal-enerġija u f’dak li għandu x’jaqsam mal-provvista biex l-industrija tal-avjazzjoni tkompli għaddejja bl-operat tagħha. Sostna li jħares ’il quddiem lejn aktar koperazzjoni biex it-turiżmu jibqa’ jħalli valur miżjud f’pajjiż li qed ikompli jikseb ċertifikati ekonomiċi li juru s-saħħa ta’ pajjiż bħalma hi Malta.

Dan hekk kif fl-aħħar jiem, il-EUROSTAT innota li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, Malta kellha l-aqwa tkabbir ekonomiku filwaqt li S&P Global Ratings ikkonfermaw rating u outlook stabbli għall-ekonomija Maltija.

PR260972

Il-Prim Ministru Robert Abela attenda s-Summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li sar f’Tivat, il-Montenegro. Waqt dan is-Summit il-Mexxejja ddiskutew kif jistgħu jkomplu jsaħħu l-kollaborazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-reġjun fi żmien ta’ sfidi ġeopolitiċi li dejjem qed isiru aktar kumplessi.

Matul il-laqgħat, il-Prim Ministru enfasizza dwar l-importanza li l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-Balkani tal-Punent ikomplu jaħdmu flimkien biex jissaħħu s-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tal-kontinent kollu. Huwa sostna li permezz ta’ djalogu miftuħ, kooperazzjoni konkreta u sħubijiet b’saħħithom, l-Ewropa tkun f’pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-isfidi preżenti filwaqt li tibni futur aktar sigur għaċ-ċittadini tagħha.

“Fir-realtajiet li qed ngħixu fihom, bl-isfidi li ħerġin mil-gwerer bejn l-Ukrajna u r-Russja u dawk tal-Golf Għarbi, il-kumplessità għall-kontinent tagħna qiegħda kulma jmur tiżdied. U allura ċertament it-triq ’il quddiem hija żgur dik li nwessgħu l-kooperazzjoni tagħna mad-dinja. U dan ir-reġjun huwa strateġikament wieħed mill-aktar importanti għalina biex nikkonsolidaw il-kontinent, insaħħu l-għaqda u l-prosperità għall-popli tagħna,” tenna l-Prim Ministru.

Id-diskussjonijiet waqt dan is-Summit iffukaw ukoll fuq il-progress fil-proċess ta’ integrazzjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fuq inizjattivi li qed iġibu benefiċċji konkreti liċ-ċittadini u lin-negozji fir-reġjun. Il-Prim Ministru saħaq li l-koperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u dawn il-pajjiżi hija importanti ħafna biex tissaħħaħ il-qagħda ekonomika, ir-reżiljenza demokratika u s-sigurtà Ewropea.

“It-triq ’il quddiem hija li nkomplu nsostnu lil dawn il-pajjiżi fil-mixja tagħhom biex jibqgħu qrib l-Unjoni Ewropea u biex anke meta jkun il-waqt, jiġifieri meta jseħħu r-riformi kollha neċessarji u jilħqu l-kriterji stabbiliti kif kellna nilħqu lkoll kemm aħna, jissieħbu wkoll fil-familja tagħna,” qal il-Prim Ministru Robert Abela.