- Imwettqa 82% tal-miżuri tal-manifest
- Fuq livell ekonomiku, Malta kompliet tikseb riżultati eċċezzjonali
- Malta kienet l-uniku pajjiż Ewropew li ma għolliex il-prezz tal-elettriku, tal-fjuwils u tal-gass, b’investiment ta’ kważi biljun ewro
- Mill-2022 sal-ewwel kwart tal-2026, il-Gvern investa aktar minn sitt biljun ewro f’investiment soċjali
Erba’ snin wara li ngħata l-akbar mandat elettorali fl-istorja ta’ Malta sovrana, il-Gvern immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela kompla jwettaq il-miżuri li ressaq quddiem il-poplu permezz tal-manifest Malta Flimkien, b’riżultati konkreti li qed jinħassu fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji Maltin u Għawdxin.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-kumpless sportiv tal-Marsa, proġett li sar f’din il-leġislatura, il-Prim Ministru Robert Abela ta rendikont tal-ħidma. Saħaq li minkejja sfidi internazzjonali l-Gvern baqa’ jżomm sod mal-wegħdiet li ta u qed iwettaqhom. Huwa żied jgħid li sal-lum, 82% tal-proposti tal-manifest Malta Flimkien ġew imwettqa.
Tul dawn l-erba’ snin, kompliet tingħata prijorità assoluta lill-familja. Dan sar permezz ta’ żidiet sostanzjali fiċ-Children’s Allowance, tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema u l-ġenituri li qabżu sew dak li kien imwiegħed, kif ukoll permezz ta’ politika soċjali progressiva li tejbet il-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Dr Abela semma kif tul dawn l-erba’ snin sar ukoll progress sinifikanti f’oqsma sensittivi u essenzjali għall-ġid tal-familji, fosthom permezz tal-emendi fil-liġi tal-IVF biex aktar persuni jingħataw l-opportunità jsiru ġenituri f’pajjiżhom stess, it-tisħiħ tas-servizzi f’Għawdex, ir-riforma fil-Qorti tal-Familja, il-ftehimiet kollettivi li tejbu l-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ eluf ta’ ħaddiema, fost ħafna miżuri oħra.
Il-Prim Ministru nnota wkoll kif fuq livell ekonomiku, Malta kompliet tikseb riżultati eċċezzjonali. Għall-ewwel darba, il-ġid nazzjonali qabeż il-medja taż-Żona Ewro, filwaqt li pajjiżna issa jinsab fost l-aqwa għaxar ekonomiji fl-Unjoni Ewropea. Malta saret ukoll il-pajjiż bl-anqas rata ta’ qgħad fl-UE u kisbet l-aqwa rata ta’ impjiegi fl-istorja. Dawn huma ċertifikati ċari ta’ ekonomija b’saħħitha li qed taħdem għan-nies.
Din is-saħħa ekonomika ppermettiet lill-Gvern ikompli jkun it-tarka tal-familji u n-negozji. Fl-aħħar erba’ snin, Malta kienet l-uniku pajjiż Ewropew li ma għolliex il-prezz tal-elettriku, tal-fjuwils u tal-gass, b’investiment ta’ kważi biljun ewro biex jinżammu l-prezzijiet stabbli. Barra minn hekk, il-Gvern għandu mal-kwart ta’ biljun ewro allokati biex ikompli joffri serħan il-moħħ u stabbiltà quddiem l-inċertezza internazzjonali.
Dr Abela qal li mill-2022 sal-ewwel kwart tal-2026, il-Gvern investa aktar minn sitt biljun ewro f’investiment soċjali, filwaqt li kompla jinvesti b’mod qawwi fl-infrastruttura, fis-saħħa, fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp sostenibbli tal-gżira Għawdxija.
Fl-istess ħin, il-Gvern qed iħares ’il quddiem b’viżjoni ċara għal pajjiżna. Bil-Viżjoni Malta 2050, il-prijorità issa hija li jinbnew ħiliet ġodda għall-futur. Dan jidher ukoll fl-akbar Budget fl-istorja ta’ pajjiżna, li jinkludi investiment ta’ €100 miljun fl-AI u d-diġitalizzazzjoni, €40 miljun għan-negozji biex itejbu l-pagi, il-ħiliet u jimmodernizzaw l-operat tagħhom, kif ukoll l-akbar pakketti ta’ għajnuna favur l-għalliema, il-letturi, l-istudenti u l-ġenituri.
Dr Abela saħaq li x-xogħol tal-Gvern se jkompli b’pass qawwi fix-xhur li ġejjin, b’numru ta’ proġetti u riformi li ser ikomplu jwettqu l-manifest elettorali, u li jkomplu jibnu pajjiż aħjar. Fost dawn hemm il-bidu tax-xogħol fuq il-proġett ta’ Project Green f’Bormla, il-proġett tal-Organic Waste Renewable Energy Generation Plant, skejjel ġodda f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex, tliet distribution centres ġodda tal-elettriku, strateġija dwar il-mard rari, infrastruttura ġdida għat-trasport bil-baħar, skwadra ġdida tal-Pulizija f’Paceville, stazzjon tat-tifi tan-nar ġdida fil-Magħtab, skema ġdida ta’ enerġija rinnovabbli għall-familji, il-proġett tal-Qorti ta’Għawdex, kif ukoll riformi importanti fil-qasam tal-ġustizzja u n-negozju, fost l-oħrajn.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dak li nkiseb s’issa huwa biss il-bidu. Dan il-Gvern mhux biss huwa garanzija li l-kisbiet tal-lum se jibqgħu tal-poplu għada u pitgħada, iżda huwa wkoll il-garanzija tal-aqwa futur li jistgħu jaspiraw għalih il-familji Maltin u Għawdxin.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg elenka erba’ prioritajiet ewlenin li kiseb dan il-Gvern f’dawn l-erba’ snin – Malta bi stabbiltà għall-familji u n-negozji, Malta reżiljenti għall-isfidi internazzjonali, Malta b’vuċi globali għall-paċi u d-djalogu u Malta li kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni u tikseb fiduċja – għanijiet li jkomplu jibnu fuq dak li stinka għalih l-moviment progressiv u għaqli tal-poplu Malti f’dawn l-aħħar 13-il sena.
“Taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Robert Abela, dan il-Gvern se jkompli jħares ’il quddiem, se nibqgħu saqajna mal-art, u se nibqgħu nistinkaw flimkien, bħala poplu wieħed, biex dak li ksibna fl-aħħar snin insarrfuh f’ħajja aħjar għall-familji tagħna, f’ekonomija b’rabtiet internazzjonali aktar diversifikati, f’opportunitajiet akbar għal uliedna, u f’Malta aktar reżiljenti – Malta mħejjija għall-isfidi tal-lum u tal-ġejjieni,” żied jgħid Dr Borg.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi sostna li għal darb’oħra l-Gvern wera l-impenn tiegħu li jwettaq il-programm elettorali. “Kull sena jingħata rendikont tal-miżuri li jkunu twettqu matul dawk it-tnax-il xahar, filwaqt li ġie assigurat li jkun hemm ministru responsabbli minn dan il-proċess bħala parti mill-ħidma tal-Gvern fit-twettiq tal-programm elettorali. Ir-riżultati li qed jitħabbru llum ikomplu jikkonfermaw li dak li jitwiegħed mhux biss ikun imfassal u maħsub, imma anke sostnut minn pjan sħiħ sabiex il-wegħdi jitwettqu għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi.
Recent Comments