Month: March 2026

PR260428

Waqt laqgħa tal-Kabinett man-nies tħabbar li:

  • Il-Korp tal-Pulizija investa fi flotta ta’ 30 vettura ġodda għat-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit (RIU).
  • Sas-sajf se tidħol l-ewwel skwadra speċjalizzata f’Paceville.
  • Id-diskussjoni dwar ftehim ieħor għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili waslet fi stadju avvanzat.  Malli jiġi ssiġillat dan il-ftehim se jkunu ffirmati żewġ ftehimiet għal kull korp dixxiplinat fi spazju ta’ ftit snin. 

Ġewwa l-faċilitajiet tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-membri tal-Kabinett tal-Ministri u rappreżentati tal-forzi tal-ordni u s-sigurtà ta’ pajjiżna,  iltaqgħu għal laqgħa li ffukat fuq is-sigurtà nazzjonali.

Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela tenna li minkejja l-isfidi internazzjonali li qed taffaċċja d-dinja, Malta hija preparata u tibqa’ pajjiż sigur. Sostna li f’pajjiżna jibqa’ jkollna ċ-ċertezza u serħan il-moħħ lin-nies. 

Waqt din il-laqgħa il-Prim Ministru ħabbar li l-Korp tal-Pulizija investa fi flotta ta’ 30 vettura ġodda għat-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit (RIU). Vetturi ġodda mgħammra sew għall-forzi tal-ordni u li joffru sens t’awtorità u viżibbiltà qawwija. Il-vetturi l-ġodda għandhom il-ħġieġ rinfurzat u għalhekk joffru aktar sigurtà għall-uffiċjali li jkunu fihom. Din l-inizjattiva tirrifletti investiment li jqarreb iż-żewġ miljun ewro. Il-vetturi l-ġodda skedati li jkunu fit-toroq sax-xahar id-dieħel. 

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif f’dawn l-aħħar jiem inżamm djalogu kostanti ma’ diversi awtoritajiet dwar is-sitwazzjoni tat-tanker abbandunat li qed jinġarr mal-kurrent fil-baħar Mediterran. F’dan il-kuntest, huwa faħħar is-serjetà u l-impenn tal-forzi u tal-awtoritajiet Maltin li qed jaħdmu biex jipproteġu s-saħħa u s-sigurtà tal-poplu tagħna.

Dr Abela enfasizza li l-forzi dixxiplinati jixirqilhom kull investiment u sostna li fl-aħħar snin il-Gvern żied b’mod sostanzjali l-investiment f’dawn il-korpi. Huwa fakkar li kien dan il-Gvern li introduċa l-ewwel ftehimiet kollettivi għall-korpi dixxiplinati, wara li fl-2015 daħħal bidla leġiżlattiva li tat dritt lil dawn il-ħaddiema jissieħbu f’unjin.

“Illum wasalna viċin biex nagħlqu t-tmien ftehim għal sezzjoni oħra ta’ ħaddiema fil-korpi dixxiplinati. Wasalna biex nissiġġillaw ftehim ieħor għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili”, qal il-Prim Ministru. Huwa spjega li ladarba dan il-ftehim jiġi konkluż, il-Gvern ikun iffirma żewġ ftehimiet għal kull korp dixxiplinat fi spazju ta’ ftit snin. 

Il-Prim Ministru faħħar ukoll ix-xogħol siewi tal-forzi tal-awtoritajiet biex Malta tibqa’ pajjiż sigur. Huwa semma kif sa ftit ġimgħat ilu, waqt il-maltemp qawwi li laqat lil pajjiżna, il-forzi dixxiplinati flimkien ma’ ħaddiema oħra taw prova ċara tad-dedikazzjoni u s-servizz li dawn jagħtu lejn il-komunità.

Huwa rrimarka li l-forzi tagħna dejjem iqumu għall-okkażjoni, dan hekk kif ipoġġu lilhom innfushom f’periklu biex jipproteġu lis-soċjetà. Għalhekk aħna grati lejhom. Grati għax-xogħol tant importanti li jwettqu biex iħarsu s-sigurtà ta’ pajjiżna,” saħaq il-Prim Ministru. Dan filwaqt li afferma l-fiduċja li l-pajjiżna għandu fihom u ħeġġiġhom biex jibqgħu jaħdmu għal Malta u Għawdex.

Il-Prim Ministru Abela qal li lill-forzi tagħna qed intuhom ukoll l-aqwa riżorsi. Dr Abela tenna li dan il-Gvern jifhem li wara kull ħaddiem hemm familja, għalhekk investa fil-bodycams – inizjattiva li qed tagħti l-frott anki fuq livell ta’ qbid ta’ kriminalità u fil-proċessi ta’ investigazzjonijiet. Iddaħħlu ukoll il-panic alarms għall-vittmi ta’ vjolenza domestika u fil-komunità qed jitwettaq il-proġett tal-Community Policing. 

“Dan investiment ieħor favur Malta dejjem aktar sigura, investiment li nistgħu nagħmluh għax għandna ekonomija b’saħħitha, ekonomija li trendi u li tagħtina l-ispazju li ninvestu. Ninvestu favur il-familji, favur il-komunità u biex il-poplu tagħna jibqa’ jgħix fis-serenità”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Il-laqgħa tal-Kabinett indirizzaha wkoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. Qali li Malta preparata u Malta sigura ma ġewx b’kumbinazzjoni. Huma riżultat tal-preparazzjoni, tal-prevenzjoni u tal-azzjoni. Il-Ministru Camilleri spjega, “Il-preparazzjoni bl-investiment fit-taħriġ u fl-għodda, il-prevenzjoni bi strateġiji studjati biex nipprevjenu mhux biss insolvu, li jiġu attwati, wasslu biex il-familji Maltin u Għawdxin illum jgħixu f’pajjiż fost l-aktar siguri fid-dinja, bl-inqas rata ta’ kriminalità.

Tenna li minkejja li dan il-Gvern wettaq ħafna f’dan is-settur, u dan qed jgħixuh in-nies filwaqt li jiċċertifikawh rapporti internazzjonali bħal World Justice Report, qegħdin jitwettqu aktar miżuri. Fil-fatt ħabbar, li mis-sajf li ġej ser tibda topera l-ewwel skwadra speċjalizzata f’Paceville, li ser tingħaqad mal-ħidma li qegħda ssir permezz ta’ kameras li ġew installati, inkluż f’lokalitajiet oħra. B’mod parallel, qegħdin jitfasslu l-emendi legali li ser jintroduċu on-the-spot fines għal min mhux residenti Malta.

“Irridu wkoll ċittadini dejjem aktar preparati, għalhekk ser jitqassam ktejjeb f’kull dar dwar il-prevenzjoni flimkien ma’ fire blanket, għaliex l-għan tagħna huwa l-prevenzjoni familji dejjem aktar siguri”, qal il-Ministru.

Il-Ministru Byron Camilleri rrefera wkoll għal aktar riżultati miksuba, fosthom it-tnaqqis fil-wasliet ta’ immigranti rregolari b’93% ikkumplimentata ma’ waħda mill-ogħla rati ta’ ritorn fl-Unjoni Ewropea. Filfatt, is-sena li għaddiet ġew ritornati 2,316 persuna li 111 wettqu atti kriminali. Finalment, tenna l-impenn għal aktar ħidma u riżultati.

Qabel bdiet din il-laqgħa tal-Kabinett, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru Byron Camilleri żaru l-istazzjon tat-tifi tan-nar tad-Dipartiment tal Protezzjoni Ċivili, fejn apparti li ltaqgħu mal-ħaddiema ta’ dan id-dipartiment, ingħataw ukoll dimostrazzjoni ta’ tifi ta’ ‘fire wall display’ anke permezz tal-fire engines il-ġodda.

PR260422

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, żar is-Soċjetà Filarmonika Leone, it-Teatru tal-Opera Aurora u s-Soċjetà Filarmonika La Stella u t-Teatru tal-Opera Astra fir-Rabat Għawdex. Matul dawn iż-żjarat il-Prim Ministru tenna l-importanza tal-għaqdiet kulturali fil-ħajja soċjali u artistika tal-gżira Għawdxija.

Iż-żjara fis-Soċjetà Filarmonika Leone u t-Teatru tal-Opera Aurora, huma fost l-aktar spazji kulturali importanti f’Għawdex u marbuta mill-qrib mat-tradizzjoni mużikali u operistika tal-gżira. Iż-żjara ntemmet b’laqgħa qasira mal-membri tas-soċjetà, fejn ġiet diskussa l-kontribuzzjoni kulturali tas-soċjetà u l-importanza li jiġu sostnuti l-għaqdiet volontarji kulturali f’Għawdex.

Il-Prim Ministru Abela żar ukoll it-Teatru Astra u s-Soċjetà Filarmonika La Stella. Matul iż-żjara, il-Prim Ministru dar mal-binja tas-soċjetà u t-teatru storiku, li huwa wkoll wieħed mill-aktar spazji kulturali importanti f’Għawdex. Dr Abela ra wkoll il-palk tat-teatru u s-setup tal-produzzjoni għall-musical ‘Singin’ in the Rain’, li se jittella’ fit-Teatru Astra bejn l-14 u t-22 ta’ Marzu 2026.

Hawnhekk il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll mad-direttur tal-musical, mal-atturi u mal-membri tal-crew, li qed jaħdmu biex itellgħu produzzjonijiet kulturali ta’ livell għoli f’Għawdex. Iż-żjara ntemmet b’laqgħa qasira mal-membri tal-każin, fejn ġew diskussi l-attivitajiet kulturali tat-teatru u l-produzzjonijiet li qed isiru.

Il-Gvern impenjat biex ikompli jsaħħaħ is-settur kulturali f’Malta u Għawdex, dan anke kif indikat fil-Viżjoni Malta 2050. Viżjoni li tirrikonoxxi l-kultura u l-industriji kreattivi bħala pilastri importanti għall-iżvilupp sostenibbli, l-identità tal-komunità u t-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru Abela enfasizza li għaqdiet bħal dawn is-Soċjetajiet Filarmoniċi għandhom rwol kruċjali fil-ħarsien tal-wirt kulturali ta’ Għawdex filwaqt li jkomplu jrawmu l-kreattività u l-parteċipazzjoni fil-komunità. Huwa sostna li l-Gvern jibqa’ impenjat li jappoġġja t-tisħiħ tal-kultura u jinvesti fi spazji li jippermettu lill-arti u l-kultura jkomplu jiffjorixxu kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.

PR260420

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żaru s-Sixth Form Sir M.A. Refalo ġewwa r-Rabat Għawdex, fejn kienu milqugħa mill-kap tal-iskola Frankline Zammit Galea.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema amministrattiv u żar diversi faċilitajiet edukattivi, fosthom il-laboratorji tal-bijoloġija u l-kimika, il-librerija tal-iskola, u l-faċilitajiet li minnhom taħdem Aġenzija Żgħażagħ. Il-Prim Ministru kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ u jiddiskuti ma’ bosta studenti li jattendu f’dan l-istitut edukattiv.

L-iskola tas-Sixth Form Sir M.A. Refalo qiegħdha kull ma jmur issaħħaħ l-irwol tagħha bħala ċentru edukattiv dinamiku għal studenti li jixtiequ jkomplu l-istudji tagħhom fil-livell preterzjarju. Din l-istituzzjoni tilqa’ madwar 380 student u madwar 68 għalliem.  L-iskola toffri firxa wiesgħa ta’ korsijiet akkademiċi fil-livell avvanzat u intermedju li jippreparaw lill-istudenti għad-dħul fl-Università, istituzzjonijiet oħra ta’ edukazzjoni ogħla jew fid-dinja tax-xogħol. Barra minn hekk, din l-iskola toffri wkoll korsijiet ta’ reviżjoni fil-livell ordinarju biex l-istudenti jkunu jistgħu jiksbu l-kwalifiki meħtieġa għall-progress akkademiku tagħhom.

L-esperjenza tal-istudenti f’Sir M. A. Refalo tmur lil hinn mill-istudju fil-klassi, dan hekk kif l-istudenti huma mħeġġa jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom permezz ta’ programm extra-kurrikulari varjat, matul is-sena akkademika. Ta’ kull sena l-iskola ttella’ il-Youth Performing Arts Fest, fejn matul din l-attività jiġu ċċelebrati l-kreattività u t-talenti tal-istudenti fil-mużika, iż-żfin u arti performattiva oħra.

L-iskola hija akkreditata taħt il-programm Erasmus+. Permezz ta’ dan il-programm, l-istudenti u l-istaff akkademiku qed ikollhom l-opportunità jipparteċipaw f’korsijiet u taħriġ f’diversi pajjiżi fosthom l-Italja, ir-Rumanija, il-Polonja u l-Iżvezja, filwaqt li jiltaqgħu ma’ studenti u għalliema minn pajjiżi oħra għal skambji edukattivi u esperjenzi ta’ job shadowing.

Dawn l-inizjattivi jmorru id f’id mal-Viżjoni Malta 2050, li tpoġġi l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-ħiliet diġitali fiċ-ċentru tal-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiżna. F’dan il-kuntest, il-miżura ‘AI għal Kulħadd’ imħabbra fil-Budget għal din is-sena tkompli ssaħħaħ din id-direzzjoni, billi toffri korsijiet bla ħlas u ċertifikazzjoni. Barra minn hekk, kull min itemm dawn il-korsijiet ikun eliġibbli għal sottoskrizzjoni għal servizz ta’ AI biex dawn l-għodod jintużaw b’mod aktar effettiv fl-istudju, fix-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum.

Għal darb’oħra l-ġenituri tal-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw wara l-età obbligatorja se tingħatalhom għotja ta’ €500 kull sena għal tliet snin. Filwaqt li din is-sena l-istudenti kollha raw żieda ta’ 15% fl-istipendji. Żieda li qed tmiss madwar 16,600 student.

Dawn il-miżuri flimkien ma’ oħrajn ikomplu juru kemm Malta qed tinvesti fil-ħiliet tal-futur u f’edukazzjoni li tħares ’il quddiem.

Sir M. A. Refalo Sixth Form tibqa’ impenjata li taddatta għar-realtajiet tal-edukazzjoni moderna, billi tħaddan it-teknoloġija u tinvesti fl-iżvilupp professjonali kontinwu tal-istaff tagħha, sabiex tipprovdi lill-istudenti vjaġġ edukattiv mill-aqwa.

PR260408

Waqt attività li fakkret l-għoxrin sena mill-ftuħ tal-lukanda Malta Marriott Resort & Spa, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li matul dawn l-aħħar għoxrin sena din il-lukanda stabbiliet ruħha bħala parti integrali mis-settur turistiku Malti. Huwa qal li investimenti massiċċi bħal ma sar fil-Malta Marriott Resort and Spa jibgħat sinjal ċar ta’ fiduċja fil-pajjiżna, u juri li kemm investituri lokali kif ukoll marki internazzjonali jemmnu fil-potenzjal tal-ekonomija Maltija u fil-futur tat-turiżmu f’pajjiżna. Huwa żied jgħid li dan kollu  jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni għal turiżmu ta’ kwalità u valur għoli, hekk kif allinjat fil-Viżjoni Malta 2050. 

Bħala parti min-netwerk globali ta’ Marriott International, il-lukanda tgħin biex Malta tkompli tissaħħaħ fis-swieq internazzjonali, b’mod partikolari fl-Istati Uniti, speċjalment fid-dawl tat-titjiriet diretti bejn New York u Malta li se jibdew joperaw minn dan is-sajf.

Il-Prim Ministru qal li f’mument ta’ inċertezza ġeopolitika f’diversi reġjuni tad-dinja, l-istabbiltà tibqa’ wieħed mill-akbar assi li għandu pajjiżna.  Il-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jsaħħaħ il-prodott turistiku tal-pajjiż, itejjeb l-infrastruttura u jinkoraġġixxi investiment ta’ kwalità li jkompli jgħolli l-livell tal-industrija.

Dr Abela rrimarka li s-sena li għaddiet Malta laqgħet aktar minn erba’ miljun turist, b’infiq mit-turisti li laħaq kważi €4 biljun, żieda ta’ madwar 13% fuq is-sena ta’ qabel. Illum Malta tattira viżitaturi minn swieq diversi matul is-sena kollha, li jfittxu esperjenzi ta’ kwalità, kultura, gastronomija, benesseri u ospitalità Mediterranja awtentika.

Il-General Manager tal-Malta Marriott, Alex Incorvaja qal li din iċ-ċelebrazzjoni ta’għoxrin sena hija tragward sinifikanti għal kull min kien parti minn dan il-vjaġġ, mis-sidien u l-assoċjati sal-mistednin u s-sħab involuti. “Il-marka ewlenija tal-lukanda Marriott f’Malta hija aħbar eċċellenti għall-industrija tat-turiżmu lokali, għaliex tagħti firxa globali b’ aktar minn 270 miljun vjaġġatur, membru tal-programm Marriott Bonvoy Loyalty, li jipprovdi pjattaforma promozzjonali dinjija,” temm jgħid Alex Incorvaja.

Din il-lukanda fetħet il-bibien tagħha fl-2006 u ġiet rebranded fl-2020 b’parti minn programm ta’ investiment ta’ €40 miljun. Investiment li poġġa lil din il-lukanda fost il-lukandi lussużi ewlenin ta’ ħames stilel f’pajjiżna. Il-Malta Marriott Resort & Spa għandha 301 kamra, tilqa’ madwar 850 viżitatur u timpjega madwar 225 persuna.

PR260404

Waqt avveniment imtella’ ġewwa l-Kulleġġ Ġ. F. Abela Junior College, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar pass importanti li jsaħħaħ il-fiduċja tal-Gvern fil-potenzjal taż-żgħażagħ Maltin permezz ta’ qafas legali ġdid li jippermetti lil żgħażagħ minn 16-il sena ’l fuq jibdew kumpanija tagħhom b’sistema regolata u responsabbli.

Kif kien imħabbar fil-Budget għal din is-sena, it-twettiq ta’ din il-miżura, hekk imsejħa Intrapriża16, se tkun qed tiftaħ opportunitajiet ġodda għal żgħażagħ li għandhom ideat u spirtu imprenditorjali. 

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li din l-inizjattiva twieldet minn esperjenzi reali, fejn żgħażagħ li jibdew proġetti imprenditorjali kien qed ikollhom jieqfu minħabba limitazzjonijiet legali qabel jagħlqu 18-il sena. Dr Abela qal li bil-qafas legali l-ġdid, dan l-ostaklu issa mhux biss ġie indirizzat, imma ġiet ukoll żviluppata struttura serja, sigura u responsabbli biex tassisti bl-aħjar mod possibbli lil dawn iż-żgħażagħ b’assistenza mill-Malta Business Registry, l-Aġenzija Żgħażagħ, u JA Malta.

Il-Prim Ministru nnota li Malta issa hija minn tal-ewwel fl-Ewropa li qed toffri din l-opportunità liż-żgħażagħ. Dr Abela nnota kif matul is-snin dan il-Gvern, b’mod konsistenti, investa fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, saħħaħ l-opportunitajiet f’oqsma ġodda tal-ekonomija u ħoloq ekonomija b’saħħitha li toffri impjiegi ta’ kwalità, karrieri aħjar u prospetti konkreti għal futur dejjem ahjar.

Il-Prim Ministru fakkar kif bl-introduzzjoni tal-Vot 16 pajjiżna kien ukoll fost l-ewwel fl-Unjoni Ewropea li ta din l-opportunità liż-żgħażagħ. Huwa kompla jgħid li llum żgħażagħ minn 16-il sena ’l fuq għandhom ukoll l-opportunità jservu ta’ sindki jew viċi sindki tal-lokalità li jikkontestaw fiha. “Għall-ewwel darba fl-istorja ta’ pajjiżna waqqafna Kabinett taż-Żgħażagħ, il-Youth Advisory Forum. Kabinett li fih qed jiġu diskussi temi, proposti, ideat u inizjattivi li mhux biss jagħmlu sens fuq il-karta, imma li qed iwasslu għal impatt konkret,” qal Dr Abela.

Huwa nnota kif l-Intrapriża16 hija riflessjoni ċara tat-tip ta’ pajjiż li rridu nibnu permezz tal-Viżjoni Malta 2050. Pajjiż modern, b’aktar innovazzjoni, aktar parteċipazzjoni u aktar fiduċja fil-ġenerazzjoni li se tmexxi lill-pajjiż fis-snin li ġejjin.

“Iż-żgħażagħ huma wieħed mill-aktar elementi importanti fis-soċjetà tagħna. Iż-żgħażagħ iġibu magħhom enerġija, determinazzjoni, ideat ġodda, viżjoni ġdida. Huma kapaċi jmexxu lil dan il-pajjiż ’il quddiem. U għalhekk huwa kruċjali li nagħtuhom spazju ewlieni biex ikunu ta’ kontribut fit-tfassil tal-futur politiku, soċjali kif ukoll ekonomiku ta’ pajjiżna,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri saħaq li ż-żgħażagħ tagħna dejjem għandhom isibu l-appoġġ meħtieġ biex iwettqu dak li joħolmu. “B’Intrapriża16, mhux biss qed nuru li nemmnu fl-ideat tagħhom, iżda qed nagħtuhom iċ-ċavetta biex jegħlbu l-biża’ mill-falliment u jibnu negozji b’saħħithom. B’hekk qed niftħu bibien ġodda, u nippreparaw mil-lum stess lil dawk li se jkunu l-mutur tal-ekonomija ta’ pajjiżna għada,” sostna l-Ministru Schembri.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti qal li l-Intrapriża 16 mhijiex sempliċiment bidla fil-liġi, iżda dikjarazzjoni ċara ta’ fiduċja f’ġenerazzjoni ġdida ta’ intraprendituri li huma l-mutur preżenti ta’ Malta. “Permezz ta’ dan il-qafas legali u l-appoġġ professjonali ta’ Aġenzija Żgħażagħ, qed nagħtu liż-żgħażagħ tagħna l-għodda biex jibdlu l-ideat tagħhom f’realtà b’responsabbiltà, integrità u kuraġġ,” qal is-Segretarju Parlamentari Azzopardi Tanti.