Month: March 2026

PR260490

Il-Kulleġġ St Edward, li jinsab taħt ir-responsabbiltà tal-Awtorità tal-Artijiet, ġie trasferit b’titolu ta’ enfitewsi temporanja għall-perjodu ta’ ħamsa u sittin sena. Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-pass jassigura stabbiltà fit-tul għal din l-istituzzjoni edukattiva prestiġjuża, filwaqt li jippermetti aktar investiment fil-faċilitajiet u fl-iżvilupp kontinwu tagħha.

Il-Kulleġġ St Edward huwa wieħed mill-iskejjel l-aktar stabbiliti u rispettati f’Malta. Jinsab fil-Birgu u twaqqaf fl-1929 bil-għan li jipprovdi edukazzjoni ta’ livell għoli. Din l-istituzzjoni edukattiva privata tilqa’ 670 student, toffri edukazzjoni mill-primarja sas-sekondarja, u tinkludi wkoll sistema fejn studenti li għandhom ħdax-il sena u aktar jistgħu jgħixu fil-kulleġġ matul is-sena skolastika.

Illum, il-kulleġġ jilqa’ fih studenti minn 38  pajjiż differenti, fatt li jkompli jsaħħaħ il-karattru internazzjonali ta’ dan il-kulleġġ. Kulleġġ li huwa magħruf għad-dixxiplina, il-valuri sodi u l-impenn lejn l-iżvilupp olistiku tal-istudenti.

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li dan il-ftehim tal-lum, għal perjodu ta’ ħamsa u sittin sena, huwa ferm aktar minn pass amministrattiv, imma huwa wkoll investiment ċar u intenzjonatfl-istabbiltà, fil-kontinwità u, fuq kollox, fil-futur tal-edukazzjoni f’pajjiżna.

“Dan il-ftehim jipprovdi ċ-ċertezza fit-tul meħtieġa biex il-Kulleġġ ikun jista’ jippjana ’l quddiem b’fiduċja, jinvesti fil-faċilitajiet tiegħu u jkompli jevolvi skont il-ħtiġijiet edukattivi taż-żminijiet tal-lum,” saħaq Dr Abela. 

Dr Abela nnota kif f’dawn l-aħħar snin f’pajjiżna saru investimenti bla preċedent fis-setturi kollha tal-edukazzjoni. Intlaħqu ħames ftehimiet settorjali li jkopru l-iskejjel tal-Istat, l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel indipendenti, u dan l-aħħar intlaħaq ukoll ftehim ieħor importanti għall-istaff akkademiku fl-Università ta’ Malta. Issaħħaħ ukoll l-appoġġ mill-Gvern għall-iskejjel indipendenti, filwaqt li ġie rrikonoxxut aktar l-irwol vitali li għandhom fl-ekosistema edukattiva tagħna. Permezz ta’ inizjattivi oħra, fosthom l-investiment ta’ €27 miljun mifrux fuq ħames snin, il-Gvern qed jassigura li dawn l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jkomplu jipprovdu edukazzjoni ta’ kwalità, filwaqt li jibqgħu aċċessibbli u sostenibbli.

“Dawn l-investimenti qed iħallu riżultati konkreti. L-edukaturi qed jirċievu r-rikonoxximent li jixirqilhom permezz ta’ kundizzjonijiet aħjar, allowances marbuta mal-kwalifiki tagħhom, u aġġustamenti ġusti għax-xogħol li jwettqu. Fl-istess waqt, l-istudenti qed jibbenefikaw minn ambjenti ta’ tagħlim modern, adegwat u attrezzat sew”, qal il-Prim Ministru.

Huwa rrimarka li bħala pajjiż qed immexxu ’l quddiem l-edukazzjoni diġitali u nsaħħu l-enfasi fuq is-suġġetti STEM, biex niżguraw li Malta tibqa’ fuq quddiem nett fl-innovazzjoni, fl-iżvilupp u fil-progress.

“Fil-qalba tal-Viżjoni Malta 2050 hemm impenn ċar u b’saħħtu: li npoġġu l-edukazzjoni fil-qalba tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku fit-tul ta’ pajjiżna, u nirrikonoxxuha bħala l-muturewlieni għal aktar opportunitajiet, aktar innovazzjoni u kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd,” sostna il-Prim Ministru Robert Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici qal li dan it-trasferiment huwa pass importanti biex jiġi assigurat li istituzzjoni ta’ valur storiku u edukattiv bħall-Kulleġġ St Edward’s tkompli tissaħħaħ u tħares lejn il-futur b’kunfidenza. Huwa sostna li dan il-ftehim jagħti l-pedamenti meħtieġa biex il-kulleġġ ikompli jinvesti fil-kwalità tal-edukazzjoni u fil-benesseri tal-istudenti tiegħu, filwaqt li jħares il-wirt storiku uniku tiegħu.

L-istorja ta’ dan il-kulleġġ tmur lura għall-1878, meta oriġinarjament inbena bħala l-Isptar Militari tal-Kottonera, iddisinjat fuq stil ta’ arkitettura militari Ingliża u marbut ma’ pjanti attribwiti lil Florence Nightingale. Dan il-bini kellu rwol importanti matul l-Ewwel Gwerra Dinjija u kkontribwixxa biex Malta kisbet it-titlu ‘L-Infermiera tal-Mediterran’. Fl-1929, l-isptar ġie kkonvertit f’skola, u minn dakinhar ’l hawn il-kulleġġ kompla jespandi u jiżviluppa, inkluż permezz ta’ faċilitajiet edukattivi u sportivi moderni li jikkumplimentaw il-wirt storiku tiegħu.

It-trasferiment ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella, flimkien mar-rappreżentanti tal-Kulleġġ St Edward.

PR260487

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, żar il-kumpanija MedservRegis plc. Din il-kumpanija bbażata f’Malta, tipprovdi servizzi integrati ta’ loġistika u appoġġ lill-industriji tal-enerġija, taż-żejt u l-gass, kif ukoll tal-minjieri.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema tal-kumpanija u ngħata tagħrif dwar l-operat estensiv ta’ din il-kumpanija, li kompliet issaħħaħ il-preżenza tagħha f’diversi reġjuni, fosthom fl-Afrika, fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani. Il-kumpanija toffri firxa ta’ servizzi li jinkludu l-ħażna, l-ispezzjoni, il-manutenzjoni, l-akkwist u t-trasport ta’ tagħmir użat fl-esplorazzjoni u fil-produzzjoni tal-enerġija.

Il-Prim Ministru żar ukoll il-mud plant tal-kumpanija, impjant mibni u mħaddem internament li jipproduċi materjal essenzjali għat-tħaffir għaż-żejt u l-gass. Dan kien deskritt bħala wieħed mill-assi ewlenin tal-kumpanija. Fl-istess waqt, ġie enfasizzat ukoll l-impenn tal-kumpanija lejn is-sostenibbiltà, fosthom permezz tal-investiment tagħha f’wieħed mill-ewwel solar farms li saru fiż-żoni industrijali ta’ Malta.

Il-Prim Ministru Robert Abela faħħar il-ħidma ta’ MedservRegis u sostna li kumpaniji bħal dawn juru kif Malta tista’ tibni ekonomija moderna bbażata fuq servizzi speċjalizzati, kompetenza teknika u investiment sostenibbli.

Il-progress ta’ kumpaniji Maltin bħal MedservRegis plc jikkonferma li pajjiżna għandu l-kapaċità mhux biss li jattira l-investiment, iżda wkoll li jsostni kumpaniji stabbiliti biex jkunu protagonisti f’setturi internazzjonali ta’ importanza strateġika.

Iż-żjara ntemmet b’laqgħa mat-tmexxija tal-kumpanija, li matulha ġew diskussi aktar fid-dettall il-prijoritajiet ta’ MedservRegis plc għaż-żmien li ġej.

PR260484

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, inawguraw l-uffiċini ta’ Blockchain.com – kumpanija bi klijentela u pjattaforma globali għall-assi diġitali. 

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li pajjiżna dejjem għażel li jkun minn ta’ quddiem nett biex jesplora u jibni qafas regolatorju li jattira industriji innovattivi u emerġenti. “Dan rajnieh f’setturi differenti, mis-servizzi finanzjarji sar-remote gaming, mill-fintech sal-assi diġitali. Malta konsistentament poġġiet lilha nnifisha bħala ġurisdizzjoni li lesta tifhem mudelli ġodda u tirregolahom b’ċarezza. Dak l-approċċ sawwar it-tip ta’ ekonomija li qed nibnu,” saħaq Dr Abela.

Huwa żied jgħid li bħala pajjiż dejjem rajna li nattiraw kumpaniji li joħolqu valur miżjud u li jeħtieġu għarfien espert, u li jikkontribwixxu għal struttura ekonomika aktar b’saħħitha u reżiljenti.

Il-Prim Ministru qal li matul is-snin, pajjiżna mexa minn ekonomija fejn l-opportunitajiet kienu limitati, għal waħda fejn inħolqu perkorsi ta’ karrieri ġodda u ta’ kwalità. Huwa tenna li din it-trasformazzjoni mhijiex inċidentali, imma frott ta’ għażliet intenzjonati, sforz tal-kapaċità li naddattaw, fejn meħtieġ, u li ninvestu f’setturi li jwessgħu l-firxa ta’ opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin.

“Fl-aħħar mill-aħħar, dan jorbot ma’ ambizzjoni sempliċi iżda importanti, dik li Malta ssir post fejn uliedna jistgħu realistikament jaspiraw li jibnu l-karrieri li joħolmu bihom, mingħajr ma jħossu li jridu jitilqu minn pajjiżna biex jagħmlu dan,” innota il-Prim Ministru Abela. Dan filwaqt li saħaq li l-Gvern se jibqa’ impenjat li jassigura li l-ambjent ekonomiku ta’ pajjiżna jżomm il-pass ma’ dawk l-aspirazzjonijiet.

Dr Abela rrefera għall-viżjoni fit-tul ta’ pajjiżna – il-Viżjoni Malta 2050, li hija ċċentrata fuq li nsostnu ekonomija xprunata mill-għarfien, l-ispeċjalizzazzjoni u l-allinjament aħjar mal-industriji tal-futur. Kif ukoll fuq it-tisħiħ tar-rabta bejn l-edukazzjoni, ir-regolamentazzjoni, u l-iżvilupp ekonomiku. Il-Viżjoni Malta 2050 qed tiżgura t-tkabbir ekonomiku li jissarraf f’opportunitajiet reali għal kulħadd, snin itwal ta’ ħajja b’saħħitha, dħul aħjar u kwalità ta’ ħajja aktar vibranti.

F’dan il-kuntest, tenna l-Prim Ministru, l-iżvilupp kontinwu ta’ setturi bħall-finanzi diġitali għandu rwol importanti. Mhux bħala pilastru iżolat, iżda bħala parti minn ekosistema usa’ li tappoġġa l-innovazzjoni filwaqt li żżomm il-fiduċja u l-obbligu ta’ rendikont.

“Il-flessibilità, l-abbiltà li naddattaw, l-impenn sostnut u l-istabbiltà li joffri pajjiżna, jippermettu lill-kumpaniji jkomplu joperaw f’pajjiżna b’fiduċja. Huwa propju dak li jippermetti ekonomija bħal tagħna biex tibqa’ rilevanti f’xenarju li dejjem qed jinbidel,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Il-Ministru Silvio Schembri nnota kif b’madwar 30 kumpanija u aktar minn 400 persuna li issa qed jaħdmu fl-industrija tal-blockchain u tal-crypto, qed naraw il-viżjoni stabbilita fl-2018 għall-ekonomija diġitali tieħu l-ħajja b’mod deċiżiv. “Mibnija fuq protezzjoni qawwija tal-investitur u ċarezza regolatorja, din l-ekosistema tkompli tattira operaturi ta’ kwalità għolja filwaqt li tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett fl-innovazzjoni emerġenti. Hekk kif qed inħarsu ’l quddiem, qed nesploraw b’mod attiv fruntieri ġodda bħas-swieq tat-tbassir, qasam ta’ momentum globali dejjem jikber li jiżgura li l-innovazzjoni tkun akkumpanjata minn qafas leġislattiv ċar, responsabbli u li jħares ’il quddiem,” qal il-Ministru Schembri. 

Imwaqqfa fl-2011 fir-Renju Unit, Blockchain.com bdiet bħala waħda mill-ewwel pjattaformi li tippermetti lill-klijenti jużaw tranżazzjonijiet tal-Bitcoin. Maż-żmien, il-kumpanija kibret f’pjattaforma globali għall-assi diġitali, b’diversi servizzi, biex illum taqdi madwar 90 miljun klijent madwar id-dinja.

F’Malta, Blockchain.com ibbażat preżenza strateġika, iffukata fuq il-governanza, il-konformità u l-kontroll regolatorju. Din il-kumpanija hija liċenzjata mill-MFSA u qed tħares li tkompli tespandi l-operat tagħha fis-suq Ewropew.

PR260474

Il-Prim Ministru Robert Abela, fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport (AiMS), f’Santa Venera.

Akkumpanjati mill-Kap Eżekuttiv Kevin Azzopardi u miċ-Chairman tal-Awtorità l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi, il-Prim Ministru Abela u l-Ministru Grima daru l-uffiċini u l-faċilitajiet moderni, mifruxa fuq medda ta’ 800 metru kwadru.

Il-faċilitajiet il-ġodda tal-Awtorità issa huma aktar aċċessibbli għall-pubbliku li jkollu bżonn jagħmel użu minn xi servizz li toffri l-Awtorità. Fl-istess waqt dawn l-uffiċini qed jintużaw ukoll mill-Uffiċjali tal-Kontroll tad-Doping (Doping Control Officers), kif ukoll mill-Uffiċjali Edukattivi li jagħtu s-servizz tagħhom lill-Awtorità fuq bażi part-time.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li sa mit-twaqqif tal-AiMS lura fl-2021, din l-Awtorità qed  tikkontribwixxi bi sħiħ għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-isport Malti. Dr Abela tenna li l-viżjoni tal-Gvern, permezz tal-liġi li biha twaqqfet l-AiMS, qed tħalli r-riżultati mixtieqa. Huwa nnota kif diversi pajjiżi Ewropej, kif ukoll oħrajn minn kontinenti differenti, qed iħarsu lejn il-mudell Malti sabiex huma wkoll jimxu lejn it-twaqqif ta’ awtorità simili, li tinkorpora mhux biss il-qasam tal-anti-doping, iżda wkoll it-tliet pilastri l-oħra tal-integrità, jiġifieri dawk tal-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-manipulazzjoni tal-attivitajiet sportivi u s-settur edukattiv.

Sal-lum, madwar 70 assoċjazzjoni u federazzjoni sportiva rreġistraw b’suċċess mal-AiMS wara li għaddew mill-iskrutinju amministrattiv.  Issa beda wkoll il-proċess biex jiġu rreġistrati l-klabbs sportivi kollha ta’ Malta u Għawdex.

Il-Prim Ministru Robert Abela wera r-ringrazzjament tiegħu liċ-Chairman, lill-Bord tad-Diretturi, lill-Kap Eżekuttiv u lill-ħaddiema kollha fi ħdan din l-Awtorità, filwaqt li awguralhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom sabiex pajjiżna jibqa’ jkollu settur sportiv li jkompli jagħmel il-poplu Malti u Għawdxi kburi mhux biss fuq livell lokali iżda wkoll fuq livell internazzjonali.

Il-Ministru Clifton Grima saħaq li l-inawgurazzjoni ta’ dawn l-uffiċini l-ġodda tal-Awtorità Maltija għall-Integrità fl-Isport hija pass ieħor importanti biex ikomplu jsaħħu l-governanza tajba, it-trasparenza u l-kredibbiltà fis-settur sportiv Malti. “Bħala Gvern, nemmnu li l-isport għandu jkun mibni fuq valuri sodi ta’ ġustizzja, dixxiplina u integrità, u għalhekk nibqgħu ninvestu f’strutturi u istituzzjonijiet li jħarsu dawn il-prinċipji. L-AiMS qed tagħmel ħidma kruċjali biex tkompli tressaq ’il quddiem standards għoljin fl-isport tagħna, kemm fuq livell lokali kif ukoll internazzjonali,” temm jgħid il-Ministru Grima.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-AiMS, l-Imħallef Emeritu Antonio Mizzi enfasizza fuq l-importanza tal-integrità fl-isport Malti u li din għandha tkun il-pedament tal-ħidma fir-rigward ta’ amministrazzjoni tal-assoċjazzjonijiet u l-federazzjonijiet sportivi, kif ukoll fil-ħidma tal-Awtorità nnifisha. Huwa rringrazzja lill-impjegati kollha tal-Awtorità għall-ħidma li jwettqu u li jservu ta’ eżempju ta’ integrità tul ħidmiethom.

Tkellem ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità, Kevin Azzopardi, li semma l-ħidma kostanti tal-Awtorità fid-diversi setturi tagħha. Huwa rringrazzja liż-żewġ Kapijiet Eżekuttivi li servew fil-kariga qablu, u sostna li se jkompli jaħdem u jmexxi din l-Awtorità bl-ogħla standards possibbli ta’ etika u integrità. Huwa nnota b’sodisfazzjon li l-AiMS mhux biss qed issib koperazzjoni mill-assoċjazzjonijiet u l-klabbs sportivi, iżda wkoll minn entitajiet u stakeholders oħra fis-settur sporti. Huwa semma r-relazzjoni tajba li diġà teżisti ma’ SportMalta, mal-Malta Gaming Authority, mal-Korp tal-Pulizija, kif ukoll mal-Kumitat Olimpiku Malti. Innota wkoll li, fuq livell internazzjonali, l-AiMS tgawdi fiduċja sħiħa mhux biss mill-Aġenzija Dinjija Kontra d-Doping, iżda wkoll mill-International Testing Agency, li ftit jiem ilu inkarigat lill-AiMS biex tieħu għadd ta’ testijiet waqt kompetizzjoni internazzjonali li saret f’Malta. Dan apparti r-relazzjonijiet tajbin ħafna li l-AiMS għandha ma’ diversi organizzazzjonijiet u federazzjonijiet sportivi internazzjonali oħra, fosthom il-European Aquatics, il-UEFA u l-European Olympic Committees.

PR260471

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, inawgura uffiċjalment Ċentru ġdid tas-Servizzi għat-Tfal, l-Adolexxenti u ż-Żgħażagħ (CAYS) f’Birkirkara. 

CAYS huwa ċentru modern li jiġbor taħt saqaf wieħed firxa wiesgħa ta’ servizzi speċjalizzati għall-kura tat-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ. Din il-faċilità issa qed tgħaqqad flimkien żewġ servizzi li qabel kienu jaħdmu separatament, dak taċ-Child Development Assessment Unit (CDAU) u ċ-Child and Young People’s Services (CYPS).

Il-ftuħ ta’ dan iċ-ċentru qed iwassal biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn is-servizzi u b’hekk il-familji jibbenefikaw minn aċċess aktar faċli, effiċjenti u komprensiv f’post wieħed.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilitajiet ta’ dan iċ-ċentru, fejn iltaqa’ mal-professjonisti u l-impjegati, kif ukoll ma’ tfal, adolexxenti u l-familji tagħhom li kienu qed jibbenefikaw mis-servizzi offruti.

Dan iċ-ċentru joffri kura ħolistika li tindirizza kemm il-ħtiġijiet fiżiċi kif ukoll dawk relatati mas-saħħa mentali. Fost is-servizzi offruti hemm in-neurodevelopmental paediatrics, community paediatrics, child and adolescent psychiatry, psychology u psychotherapy, flimkien ma’ servizzi kliniċi speċjalizzati oħra bħal audiology, ophthalmology, dietetics, speech and language therapy, occupational therapy u physiotherapy.

Barra minn hekk, CAYS jinkludi tim wiesa’ ta’ professjonisti, fosthom tobba, infermiera fil-qasam tas-saħħa mentali u fiżika, social workers, terapisti, u ħaddiema speċjalizzati oħra li joffru appoġġ lill-pazjenti. Il-faċilità tinkludi wkoll spazji mfassla biex itejbu l-esperjenza ta’ dawk li jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru, bħal quiet room, breastfeeding room u spazji oħra adattati għall-bżonnijiet tat-tfal u tal-familji tagħhom.

Dan l-investiment huwa konformi mal-Viżjoni Malta 2050, li qed timbotta ’l quddiem servizzi tas-saħħa dejjem aktar aċċessibbli u moderni. Il-Viżjoni tenfasizza l-importanza ta’ kura ta’ kwalità għolja, intervent bikri, prevenzjoni, użu ta’ teknoloġija tas-saħħa moderna u t-tisħiħ tas-servizzi fil-komunità, sabiex il-pazjent u l-familja tiegħu jingħataw l-aħjar kura u appoġġ possibbli.

Il-Prim Ministru flimkien mal-Ministru Jo Etienne Abela, kixfu plakka kommemorattiva li tfakkar il-ftuħ uffiċjali ta’ dan iċ-ċentru ġdid.