Month: February 2025

PR250326

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru qed jippubblika t-Termini ta’ Riferenza ta’ Inkjesta Amministrattiva maħtura mill-Prim Ministru biex tistabbilixxi l-fatti u ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-serqa ta’ reżina tal-kannabis li kienet maħżuna fil-Kwartieri tal-Forzi Armati ta’ Malta f’Ħal Safi, fil-lejl ta’ bejn it-22 u t-23 ta’ Frar, 2025.

Din l-inkjesta, li hi indipendenti mill-investigazzjonijiet kriminali u jew proċedimenti legali oħra bħall-inkjesta Maġisterjali, ser titmexxa mill-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia. 

L-inkjesta, bit-Termini ta’ Riferenza kif ippubblikati, għandha titlesta sal-14 ta’ Marzu 2025, mingħajr preġudizzju għat-twettiq xieraq tat-Termini ta’ Riferenza. 

Il-Prim Ministru talab direzzjoni mingħand l-Imħallef Valenzia dwar il-pubblikazzjoni tal-inkjesta bil-għan li tkun ssalvagwardjata l-integrità tas-Sigurtà Nazzjonali u l-proċess ġudizzjarju.

PR250320

Il-Kabinett tal-Ministri jesprimi l-fiduċja sħiħa tiegħu fid-deċiżjoni tal-Prim Ministru li ma jaċċettax ir-riżenja tal-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri. 

Il-Kabinett iqis l-offerta ta’ riżenja tal-Ministru Camilleri bħala sinjal ta’ responsabbiltà. Fl-istess waqt, il-Kabinett esprima l-fiduċja tiegħu fil-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol li dejjem qeda l-irwol tiegħu b’korrettezza u integrità, inkluż f’dan il-każ partikolari. Il-ħidma ssarrfet f’investiment kontinwu fil-korpi dixxiplinati, soluzzjonijiet konkreti għall-immigrazzjoni rregolari u ġlieda aktar b’saħħitha kontra l-kriminalità. 

Il-prijorità tal-Gvern f’dawn iċ-ċirkostanzi hija li jkomplu jsiru l-isforzi kollha possibbli, bir-riżorsi kollha li hemm bżonn, sabiex il-Korp tal-Pulizija jsolvi dan il-każ, dawk responsabbli jaffaċċjaw il-ġustizzja malajr kemm jista’ jkun u tkun magħrufa l-verità kollha.

Il-Gvern iħares ’il quddiem għall-konklużjonijiet tal-inkjesta amministrattiva sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li seħħew f’dan il-każ u r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapport. 

Fl-aħħar nett, il-Gvern jappella biex f’dawn il-mumenti jkun hemm kawtela u responsabbiltà, u ma jkun hemm l-ebda aġir jew kliem li jista’ jfixkel l-investigazzjonijiet.

PR250317

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-General Workers’ Union dwar il-binja tal-Workers’ Memorial Building biex tibqa’ tiġi żgurata l-vuċi tal-ħaddiema. Il-ftehim, riżultat ta’ riżoluzzjoni approvata b’vot favur mill-Gvern, ġie ffirmat bejn l-Awtorità tal-Artijiet u t-tmexxija u r-rappreżentant tal-unjin.

Il-ftehim se jiżgura s-sostenibbiltà futura tal-unjin b’ġustizzja mal-Istat fejn il-GWU se tkun qed tħallas kważi €2 miljun kif stabbilit minn espert indipendenti u tuża ż-żoni tal-binja mingħajr restrizzjonijiet preċedenti. Dan wara snin ta’ inċertezza minn kawża fil-Qrati miftuħa mill-Oppożizzjoni.

F’diskors li għamel qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Prim Ministru Robert Abela fisser dan il-ftehim importanti bħala wieħed li jkompli jagħti stabbiltà lill-GWU, li fi storja ta’ ’l fuq minn 80 sena ħadmet favur il-ħidma soċjali u l-mixja ’l quddiem tal-ħaddiem Malti. Qal li ma hemm l-ebda dubju li fost l-ilħna progressivi li xprunaw it-tibdil f’pajjiżna kien hemm il-GWU fejn bil-kontribut qawwi tagħha, il-ħaddiema kellhom kisbiet kbar. 

Dr Abela fisser il-unjin bħala waħda li dejjem tkellmet għall-ħaddiema kollha. “Il-pajjiż huwa grat lejkom u ridna nkomplu nappoġġjawkom bi ftehim ġust anki mal-Istat”, irrimarka l-Prim Ministru, li spjega kif il-GWU fadlilha twettaq aktar favur il-vuċi tal-ħaddiema. Qal li fiċ-ċiklu tar-relazzjonijiet industrijali rridu nibqgħu nżommu djalogu miftuħ għax wara kull ftehim irridu nibqgħu naħdmu flimkien u nitkellmu biex nissiġġilaw oħrajn futuri. 

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-prinċipji ewlenin jibqgħu dak ta’ xogħol li jagħti ġieħ u bi dħul diċenti għall-ħaddiema. Il-Prim Ministru qal li favur il-ħaddiema se nibqgħu nġibu bidliet importanti u għalhekk pajjiżna issa se jkollu l-Malta Labour Migration Policy li tagħraf id-dinjità tal-ħaddiema.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi qal li jemmen fit-tisħiħ tal-ħidma trejdunjonistika f’pajjiżna. “Dan il-ftehim kien possibbli grazzi għall-ħidma tal-Awtorità tal-Artijiet biex tinstab soluzzjoni ġusta u adegwata. Il-GWU, sa mit-twaqqif tagħha kienet fuq quddiem nett fil-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema. L-iffirmar ta’ dan il-kuntratt jikkonferma l-pożizzjoni tal-Gvern li GWU għandha tibqa’ taħdem għall-ġid tal-ħaddiema mill-Workers’ Memorial Building bl-aħjar riżorsi biex jibqa’ jissaħħaħ il-moviment trejdunjonistiku ta’ pajjiżna”, qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.

F’din l-okkażjoni tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, li qal li llum huwa mument storiku għall-GWU u għall-ħaddiema. “Mument fejn qed nibdew era ġdida fl-istorja tagħna. Din il-kisba mhix biss xhieda tal-għaqda, ir-reżiljenza u l-viżjoni tagħna imma wkoll l-impenn tagħna lejn futur, fejn id-drittijiet tal-ħaddiema jibqgħu jiġu protetti u rispettati”, qal Bugeja. Saħaq li bl-għajnuna tal-Prim Ministru, tal-Gvern u ta’ kull min emmen f’din il-viżjoni, qegħdin nassiguraw futur b’saħħtu u sostenibbli għall-akbar għaqda tal-ħaddiema. Josef Bugeja sostna li se jkollna futur li se jiżgura li l-Workers’ Memorial Building se jibqa’ d-dar naturali tal-ħaddiema. “Flimkien, nibqgħu niġġieldu għall-ġustizzja soċjali, għad-dinjità, l-ugwaljanza, xogħol diċenti, paga xierqa u futur aħjar għall-ħaddiema u s-soċjetà kollha”, temm jgħid is-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

PR250299

Fiż-żona industrijali ta’ Ħal Far, il-Prim Ministru Robert Abela inawgura fabbrika ġdida ta’ E&L Enterprises li espandiet minn mal-fabbrika li kellha għal oħra bi spazju ġdid ta’ 4,000m2. Dan l-investiment fil-fabbrika l-ġdida jiżboq iż-€2.6 miljun u jikkumplimenta investiment ieħor li sar mill-kumpanija f’makkinarju ġdid. Dan l-investiment sar ukoll bil-għajnuna ta’ skemi ta’ appoġġ tal-Malta Enterprise u INDIS tat l-allokazzjoni tal-art fejn inbniet il-fabbrika l-ġdida biswit dik ta’ qabel.

F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif din il-kumpanija li hi fdata wkoll bi proġetti infrastrutturali f’pajjiżna bdiet b’negozju tal-familja self-employed u llum tħaddem in-nies u espandiet. Saħaq li negozji bħal dawn huma s-sinsla tal-ekonomija ta’ pajjiżna u għalhekk ħaqqhom kull appoġġ.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif aktar investiment ta’ kwalità qed isir f’pajjiżna. Qal li s-settur tal-manifattura huwa qasam li b’investiment qed jagħti l-valur miżjud lill-ekonomija. Hawn fisser l-istrateġija tal-Malta Enterprise li qed tiffoka fuq appoġġ lill-investimenti li jagħtu aktar kwalità milli kwantità. Fil-fatt spjega kif fl-aħħar tliet snin, bejn l-2022 u l-2024, il-Malta Enterprise approvat investimenti ta’ investituri Maltin li jlaħħqu l-€132 miljun u li huma ta’ kwalità. “L-għażliet li qed tagħmel il-Malta Enterprise huma strateġiċi biex nattiraw investimenti li jġibu teknoloġiji avvanzati”, spjega Dr Abela.

Il-Prim Ministru sostna li l-investitur Malti huwa ħolqa importanti fil-ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità għaż-żgħażagħ tagħna u għalhekk ukoll l-investiment fil-ħiliet tal-ħaddiema. Dwar dan titkellem ukoll il-Malta Labour Migration Policy li wara l-proċess ta’ konsultazzjoni wiesa’ issa hemm l-analiżi tal-proposti li daħlu biex tibda mbagħad il-fażi tal-implimentazzjoni tal-miżuri. Il-Prim Ministru Robert Abela semma wkoll l-importanza tat-taħriġ vokazzjonali u s-saħħa tal-ekonomija li tibqa’ tattira investiment li jissarraf f’suċċess.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Maniġerjali ta’ E&L Enterprises Joseph Camilleri rringrazzja lill-Gvern tal-appoġġ u l-fiduċja fl-investiment li wettqet il-kumpanija u spjega kif it-taħriġ kontinwu fil-ħaddiema jibqa’ pedina importanti fis-suċċess tal-kumpanija. Qabel l-inawgurazzjoni ta’ dan l-investiment, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-fabbrika u ra l-makkinarju ġdid u l-operat tal-kumpanija. Hemmhekk ra wkoll struttura li qed tinħadem għall-proġett maġġuri tal-Imsida Creek.

PR250282

F’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela lill-ambaxxaturi ta’ pajjiżna f’missjonijiet diplomatiċi madwar id-dinja, huwa saħaq li r-rappreżentanti ta’ pajjiżna lil hinn minn xtutna għandhom sehem importanti fil-ħidma favur il-prosperità ta’ pajjiżna.

Dr Abela spjega kif pajjiżna għaddej biex ikollu viżjoni ħolistika għall-2050, b’miri intermedjarji għall-għaxar snin oħra. “Din hi viżjoni li fiha nsawru ta’ fejn nixtiequ mmorru u dan l-ippjanar għall-ġejjieni ma jistax jinfatam mill-prijoritajiet internazzjonali ta’ pajjiżna,” saħaq il-Prim Ministru. Qal li l-ekonomija Maltija hi msejsa fuq diversi setturi fosthom anki l-kummerċ internazzjonali, il-prodott turistiku u s-servizzi bħal dawk finanzjarji u ta’ loġistika. 

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li matul is-sena li għaddiet dawn l-oqsma komplew jissaħħu fil-kontribut tagħhom lejn il-valur miżjud nazzjonali u spjega kif l-ambaxxaturi ta’ pajjiżna jridu jkomplu jwasslu messaġġ importanti li Malta se tibqa’ miftuħa għall-kummerċ, għall-investiment barrani li f’Malta se jsib ekosistema ta’ industriji u servizzi li faċli tadatta ruħek fihom.

Il-Prim Ministru nnota kif issa l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għandu d-dekasteru tat-turiżmu fejn komplejna niksbu suċċess għax Malta hi pajjiż imsejsa fuq il-kapaċità li naħtfu l-opportunitajiet. Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif pajjiżna se jkompli jservi fil-komunità internazzjonali bil-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa u qal li f’kuntest internazzjonali li qegħdin ngħixu fih irridu nifhmu li hemm sfidi differenti. Hawn semma l-prospett tal-paċi fosthom fil-Mediterran.

Qal li l-leħen ta’ Malta madwar id-dinja għandu jkompli jinstema’ u pajjiżna jistenna li l-ambaxxaturi tagħna jkomplu jagħtu dan il-kontribut importanti b’mod effettiv. Il-Prim Ministru Robert Abela temm jirringrazzja lill-ambaxxaturi għall-ħidma tagħhom b’ħila u mpenn b’risq il-poplu Malti u Għawdxi.

Wara l-Prim Ministru tkellem id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu, Ian Borg, li rrimarka li minkejja diversi sfidi internazzjonali, is-sena 2024 kienet sena notevoli għal Malta fix-xena globali, u saħaq dwar il-kisbiet tal-pajjiż fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda u tal-OSCE, fost oħrajn. Malta issa qed tħejji għas-sitt xhur tal-Presidenza tagħha fil-Kunsill tal-Ewropa, bejn Mejju u Novembru ta’ din is-sena, b’enfasi fuq il-vuċi taż-żgħażagħ, il-protezzjoni tat-tfal u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza.

B’ħarsa għall-ġejjieni, Dr Borg qal, “Qegħdin issa nibdew il-preparamenti biex nippreżentaw il-kandidatura ta’ Malta bħala membru fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għat-terminu 2032-2034. Malta qatt ma serviet fuq dan il-Kunsill importanti qabel, u din il-kandidatura turi l-impenn tagħna għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem għas-snin li ġejjin.”