Month: April 2023

PR230624

Meta kompla jżur il-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol ftit jiem qabel il-festa ta’ Jum il-Ħaddiem, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li t-tisħiħ fl-investiment għandu jservi biex itejjeb il-qagħda tal-ħaddiema u biex l-istess ħaddiema jibqa’ jkollhom opportunità jimxu ’l quddiem. Il-Prim Ministru Robert Abela qal dan waqt żjara fil-Food Factory tal-kumpanija James Caterers f’Bulebel.

Il-Prim Ministru Abela ltaqa’ ma’ bosta ħaddiema kif ukoll mat-tmexxija tal-kumpanija li spjegat lill-prim ministru kif it-tkabbir tal-kumpanija se jwassal għal żieda fl-ispazju għa​ll-produzzjoni tal-ikel. Ġie nnotat li l-kumpanija kompliet timraħ fis-suq Malti u anke dak barrani biex illum timpjega mal-erbat elef ruħ, b’ħaddiema b’ħiliet u minn sfond differenti li lkoll jikkontribwixxu lejn is-suċċess tal-kumpanija.

Dr Abela saħaq li l-gvern jibqa’ kommess li joħloq ambjent fejn min jixpruna l-investiment ikun appoġġat b’deċiżjonijiet strateġiċi bħas-sussidju favur stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Deċiżjoni li ħarset l-impjiegi daqskemm għenet lill-istess ħaddiema u lill-familji tagħhom biex ma jerfgħux huma dan il-piż riżultat ta’ realtajiet internazzjonali. Il-prim ministru fisser dawn id-deċiżjonijiet akkumpanjati minn inċentivi favur operat sostenibbli bħala passi oħra meħtieġa li jwasslu biex jinħolqu iżjed opportunitajiet ta’ xogħol ta’ kwalità li jtejbu l-qagħda tal-familji f’pajjiżna.

Jakkumpanjaw lill-prim ministru fiż-żjara kien hemm id-deputati tal-gvern, Omar Farrugia u Cressida Galea.

PR230606

Il-ġustizzja tibqa’ punt importanti li ssir u tidher li qed issir. Kien dan il-messaġġ li għadda l-Prim Ministru Robert Abela f’laqgħa li kellu fil-Berġa ta’ Kastilja mal-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja Didier Reynders. Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Abela semma l-fatt kif il-Gvern Malti kkonsulta bi sħiħ u b’mod kontinwu mal-Kummissjoni Ewropea fost oħrajn dwar l-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ riformi favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt, il-ġustizzja u l-governanza f’pajjiżna.​​

Il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Gvern qed ikompli jġib riformi li jkomplu jsaħħu iżjed il-ġustizzja f’pajjiżna. Dr Abela nnota riformi mbuttati mill-Gvern fosthom il-bidla fil-proċess tal-kumpilazzjonijiet li għandha l-għan li żżid l-effiċjenza fil-proċess ġudizzjarju. Fil-laqgħa f’Kastilja, il-Prim Ministru spjega numru ta’ riformi oħra li qed taħdem fuqhom din l-amministrazzjoni fosthom emendi fil-Kodiċi Kriminali biex tiġi protetta saħħet u ħajjet l-omm f’każ li din tkun f’periklu gravi riżultat ta’ kumplikazzjonijiet mediċi waqt it-tqala, emendi li jsaħħu l-ġlieda kontra l-kriminalità fejn f’każ ta’ reati serji ħafna l-Pulizija jkollha d-dritt titlob il-permess tal-Maġistrat biex testendi l-arrest għal iktar minn 48 siegħa u anki emendi li jikkjarifikaw aktar il-pieni fuq każijiet fejn ikun hemm aggravar. Dan apparti emendi mressqa u diskussa fil-Parlament li jkomplu jsaħħu l-ġlieda tal-pajjiż kontra l-vjolenza domestika.

Il-Prim Ministru elenka numru ta’ riformi li wettqet din l-amministrazzjoni fosthom il-metodu ġdid ta’ ħatra tal-President ta’ Malta u l-ħatra u t-tneħħija ta’ ġudikanti, inkluż tal-Prim Imħallef, fejn il-Gvern reħa l-poter minn idu. Dan apparti metodu ġdid ta’ ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija bl-iskrutinju parlamentari, il-ħolqien ta’ servizz separat tal-Prosekuzzjoni u t-tisħiħ fil-funzjonijiet ta’ żewġ istituzzjonijiet tant importanti, jiġifieri dak tal-Ombudsman u tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzjoni.

Il-Prim Ministru Robert Abela fisser lill-Kummissarju Ewropew Didier Reynders ir-riżorsi bla preċedent li l-Gvern ta lill-Qrati u lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Dan ġie kumplimentat minn fondi parti mill-Programm ta’ Rkupru u Reżiljenza li ġew investiti fid-diġitalizzazzjoni tal-operat tal-Qrati. Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-abbozzi ta’ liġi li se jagħtu l-ogħla protezzjoni fl-istorja lill-ġurnalisti u kif il-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja għaddej b’konsultazzjoni pubblika wara li l-Gvern aċċetta t-talba taċ-Chairperson tal-istess Kumitat biex issir estensjoni għall-konsultazzjoni. Il-Prim Ministru temm jisħaq li l-qasam tal-ġustizzja jibqa’ wieħed li fih iridu jsiru riformi kontinwi bħal dawk li saru biex pajjiżna kiseb il-fiduċja tal-FATF u l-MoneyVal.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru Abela fil-laqgħa ma’ Didier Reynders kien hemm il-Ministri Owen Bonnici, Byron Camilleri u Jonathan Attard, is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Glenn Micallef.

PR230603

Daqskemm irridu ninvestu fl-edukazzjoni formali, irridu ninvestu fl-edukazzjoni informali u l-gvern se jibqa’ jieħu l-passi biex it-tfal kollha jkunu f’pożizzjoni li jiżviluppaw il-ħiliet kollha tagħhom. Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela waqt żjara f’Theatre Lab Malta f’Ħaż-Żebbuġ, ċentru li joffri diversi workshops tad-drama, fosthom lit-tfal.​​

Il-prim ministru fisser li bil-garanzija għat-tfal li qed tkun implimentata, il-gvern irid jara li l-ulied kollha jkollhom l-istess opportunitajiet u tenna li l-investiment fis-settur artistiku huwa wieħed mill-għodda biex it-tfal jesprimu ruħhom aħjar u jiżviluppaw it-talenti tagħhom.

Waqt iż-żjara, fejn il-prim ministru ltaqa’ mal-artisti u mal-għalliema fis-settur tal-arti performattiva iżda anki ma’ bosta tfal, saħaq li se jibqgħu jissaħħu inċentivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja għall-familji u l-aċċess għal dawn l-attivitajiet. Hawn innota miżura tal-Budget fejn ġenituri ħaddiema li jibagħtu lil uliedhom għal attivitajiet extrakurrikulari se jibdew jaraw żieda fil-kreditu tat-taxxa li se jitla’ minn €100 għal €300. “Dan ukoll huwa investiment fil-familji tal-ħaddiema”, saħaq il-prim ministru.

F’Theatre Lab Malta, il-prim ministru seta’ jagħraf ix-xogħol li jsir mal-istudenti li mhux biss bit-taħriġ li jirċievu jtejbu l-ħiliet artistiċi tagħhom iżda jrabbu iżjed kunfidenza u jitgħallmu jaħdmu aktar fi grupp. Il-Prim Ministru Abela faħħar ħidmet ċentri artistiċi ta’ dan it-tip, li qed ikomplu anki jagħtu spinta lis-settur kulturali u artistiku f’pajjiżna, kontributur ieħor importanti fl-ekonomija ta’ pajjiżna.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fiż-żjara kien hemm id-Deputati tal-Gvern, Katya De Giovanni u Amanda Spiteri Grech.

PR230596

“Young people shall be at the heart of the decision-making table” – Prime Minister Robert Abela

As from today, the Cabinet Office started to receive applications from young persons aged between 16 and 35 years, to form part of the Youth Advisory Forum. The Forum was established to serve as a structure where the Government can continuously consult with youths on laws, strategies and plans of national importance.

Prime Minister Robert Abela announced the setting up of the forum a few weeks ago during a Cabinet meeting with youths held at MCAST campus in Paola. During the meeting, the Prime Minister stated that this meeting will not be a one-time occasion as the Government will keep a regular dialogue with youths. In a video message, Prime Minister Robert Abela stated that young people shall be at the heart of the decision-making table. “We are taking this initiative, a first in our country, because we believe in direct involvement of young people in the country’s administration”, the Prime Minister said.

The Forum will be composed of nine young people chosen by a selection board composed by public officials and a representative of the National Youth Council (KNŻ). The appointed members of the Youth Advisory Forum can express their views in regular meetings with the Prime Minister, who will be chairing the meeting. KNŻ will express its own positions and of its member organisations in the forum meetings through a member nominated by the council.

One can serve as a Forum member for an 18-month period with the opportunity to serve only for another term. Young people interested to serve on the Youth Advisory Forum can apply online through www.primeminister.gov.mt. ​

PR230575

Il-Prim Ministru Robert Abela żar aktar investimenti li qed isiru f’Għawdex. Fir-Rabat żar il-kumpless rinovat tal-Arkadia fejn iltaqa’ ma’ bosta ħaddiema li jaħdmu fi stabbilimenti differenti filwaqt li fix-Xagħra żar investiment ta’ €6.5 miljun li sar f’lukanda bl-isem ta’ The Segond.

Fl-Arkadia l-Prim Ministru ġie mdawwar mit-tmexxija tal-kumpless operat mill-Organizazzjoni Mizzi fejn ġie spjegat kif dan huwa spazju kummerċjali mhux biss imfittex mill-Għawdxin iżda anki minn dawk li jżuru l-gżira tat-tliet għoljiet. Ġie nnutat l-investiment li sar ta’ rinovazzjoni biex il-kumpless baqa’ jattira lejh marki ta’ negozji importanti filwaqt li kompliet titjieb l-esperjenza tal-klijenti u tal-ħaddiema li qed jaħdmu f’ambjent isbaħ. 

Fil-kuntest li bl-aħħar investiment fl-Arkadia qed jaħdmu kważi 250 ruħ, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza tat-tkabbir u l-investiment bħala mod kif jinħolqu iżjed impjiegi. Qal li l-gvern jibqa’ ffukat fuq ħidma importanti li jkomplu jinħolqu mpjiegi ta’ kwalità biex tkompli titjieb il-qagħda tal-ħaddiema anki dawk f’Għawdex fejn l-Għawdxin jibqgħu jsibu xogħol li jrendi f’Għawdex stess.

Fix-Xagħra, fil-boutique hotel The Segond, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-fiduċja f’pajjiżna permezz ta’ investiment fis-settur tal-ospitalità. Fil-fatt it-tmexxija ta’ SmartGroup Malta, li investiet f’din il-lukanda u li biha ħolqot 21 impjieg ieħor, irrimarkat kif iż-żmien tal-pandemija kien wieħed ta’ sfida iżda emmnet fil-potenzjal anki tas-suq turistiku Għawdxi li reġa’ qabad andament b’saħħtu. Fil-fatt intqal kif l-aħħar perjodu tal-Għid wera andament pożittiv ħafna għall-gżira Għawdxija. 

Fil-lukanda li titħaddem b’operat nadif u li tikkonsisti f’51 kamra, fosthom disa’ minnhom b’pixxina privata, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-gvern irid ikompli jinċentiva l-investiment u jagħti kuraġġ lil kull min qed joħloq ix-xogħol biex il-ħaddiema jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Fiż-żewġ żjarat, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri filwaqt li d-Deputat tal-Gvern Abigail Camilleri akkumpanjat lil Dr Abela fiż-żjara fl-Arkadia.