Month: January 2025

PR250167

“Il-Viżjoni 2050 ħija wegħda li rridu nagħmlu magħna nfusna” – il-Prim Ministru Robert Abela

“Il-Malta Vision 2050 mhiex biss pjan imma wegħda li nemmen għandna nagħmlu magħna nfusna bħala poplu Malti u Għawdxi”. Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela fl-għeluq ta’ tlett ijiem ta’ konsultazzjoni minn 500 imprenditur u self-employed bħala parti mill-proċess tal-ħolqien ta’ din il-viżjoni. Fl-għeluq tal-konvenzjoni li tlaqqgħet, Dr Abela sostna li Malta reżiljenti hija Malta li tista’ tegħleb l-inċertezzi globali filwaqt li tkompli tirnexxi mingħajr ħadd ma jaqa’ lura. Qal li l-progress ekonomiku jrid jissarraf f’titjib tanġibbli fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies.

Fl-indirizz li għamel spjega kif din il-viżjoni mhux ser tkun dokument statiku imma qafas ħaj, adattabbli għall-ħtiġijiet dejjem jinbidlu tas-soċjetà u l-ekonomija tagħna.

Il-prim ministru faħħar l-iskambju ta’ ideat u esperjenzi fost dawk li pparteċipaw f’din il-konvenzjoni. Huwa tenna li biex pajjiżna jkompli jagħmel suċċess irridu l-isforzi ta’ kulħadd fosthom il-komunità tan-negozji li jesprimu fiduċja f’pajjiżna. Meta indirizza l-imprendituri preżenti, il-prim ministru sostna li l-gvern jemmen fl-irwol importanti tal-imprenditur Malti bħala innovatur, li joħloq ix-xogħol u karrieri ta’ kwalità u katalisti tas-suċċess ekonomiku.

“L-impenn tagħkom huwa essenzjali biex din il-viżjoni tinbidel f’realtà. Flimkien nistgħu noħolqu Malta li mhux biss tilqa’ għall-isfidi ta’ għada imma tirnexxi fl-opportunitajiet li jġib miegħu l-futur”, qal il-prim ministru.

Indirizza wkoll s-sessjoni tal-għeluq tal-konvenzjoni il-Kummissarju Ewropew Malti għall-Ġustizzja Interġenerazzjonali, Kultura, Żgħażagħ u Sport Glenn Micallef li nnota l-importanza li pajjiż jifhem il-bidliet emerġenti u li jesplora l-possibiltajiet tal-futur. “Mhuwiex dwar it-tbassir tal-futur, iżda dwar il-ġenerazzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ fehmiet dwar il-futur. Fl-aħħarnett, il-previżjoni hija dwar it-titjib tal-kwalità tal-ħajja għal kull ċittadin. F’Malta u fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Irrid nifirħilkom li dan l-għan qed narah fil-qalba tal-Malta Vision 2050”, saħaq Glenn Micallef.

Intant il-konvenzjoni kienet imqassma fuq tlett ijiem fejn ingħatat vuċi sħiħa lil dawk kollha li attendew permezz ta’ workshops li servew bħala fonti ta’ ideat lejn ħsibijiet għall-futur ta’ Malta. Il-workshops kellhom erba’ temi prinċipali: tkabbir ekonomiku dejjem iktar sostenibbli, il-kwalità tal-ħajja, pajjiż li kapaċi jfendi għal rasu u ppjanar bi ħsieb.

Issa l-pass li jmiss fil-fażi ta’ konsultazzjoni huwa li fl-abbozzar tal-Malta Vision 2050, b’miri intermedjarji għal għaxar snin oħra, jittieħdu suġġerimenti li ħarġu minn dawn il-workshops. Din il-konvenzjoni kienet biss waħda minn serje ta’ metodi ta’ konsultazzjoni li għaddejjin bħalissa fit-tfassil tal-Malta Vision 2050. Dawn jinkludu intervisti dettaljati u sondaġġi mal-pubbliku u konsultazzjonijiet ma’ msieħba soċjali. Wara t-tnedija tal-pilastri tal-viżjoni, il-konsultazzjoni titkompla bil-għan li kulħadd ikun parteċipi f’dan il-pjan ħolistiku li se jwettaq il-gvern għal pajjiżna.

PR250160

RIFORMA TAL-INKJESTI MAĠISTERJALI: Bidla kontra l-abbuż mill-ġustizzja u favur is-sewwa

F’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, ingħatat spjega tar-riforma tal-Inkjesti Maġisterjali li qed iressaq il-Gvern fil-Parlament. Riforma li se tkun qed tħares lejn diversi aspetti fil-proċess billi jiġu introdotti salvagwardji li jħarsu d-drittijiet taċ-ċittadini, tiżdied il-kontabbiltà fil-proċess u jingħataw drittijiet statutorji ġodda lill-vittmi u qrabathom.

Din ir-riforma, kif spjega l-Prim Ministru Robert Abela, hi kontra l-abbuż mill-ġustizzja u favur it-tisħiħ tas-saltna tad-dritt. Bidla li hi mnebbħa minn wegħda elettorali li l-Gvern għandu mandat b’saħħtu biex isaħħaħ is-serjetà, l-effettività u l-effiċjenza tal-proċess.

Ir-riforma mhu se ċċaħħad l-ebda aċċess għall-ġustizzja hekk kif mhu se jiġi mittiefes l-ebda jedd ta’ kull ċittadin. Fil-fatt bil-bidla, il-proċess se jkun elevat għal Imħallef li jippresjedi Qorti Kriminali. Bir-riforma tal-Inkjesti Maġisterjali, it-talba għal investigazzjoni fuq allegat reat li jġorr piena ta’ priġunerija ta’ aktar minn tliet snin se ssir għand il-Pulizija li tista’ tmexxi prosekuzzjoni. Kemm-il darba, wara sitt xhur, iċ-ċittadin mhuwiex sodisfatt bl-andament tal-investigazzjoni, l-istess ċittadin se jkun jista’ jressaq rikors quddiem il-Qorti Kriminali, jiġifieri quddiem Imħallef. F’din il-fażi jridu jiġu ppreżentati provi li jkunu ammissibbli fil-Qorti Kriminali.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef jista’ jippermetti l-Pulizija tkompli bl-investigazzjoni, itemm l-investigazzjonijiet jew jordna li tibda Inkjesta Maġisterjali. Il-Qorti se tkun qed tiddeċiedi dan fuq bilanċ ta’ probabbiltà u mhux abbażi ta’ ħtija. Il-perjodu ta’ sitt xhur biex ċittadin imur għand Imħallef intgħażel bħala żmien li huwa kostanti ma’ termini oħra stabbiliti fil-liġi. B’din il-bidla wkoll se jiġi riformat iż-żmien inizjali li Inkjesta Maġisterjali trid titlesta minn sittin jum għal sitt xhur u bil-possibbiltà li t-terminu tal-inkjesta jista’ jiġi mġedded biex titlesta fi żmien sentejn.

Marbut mal-aspett ta’ kontabbiltà fis-serjetà tal-proċess, se jidħlu obbligi ġodda marbuta mal-esperti fl-inkjesti fosthom li l-espert għandu jkun persuna fiżika u mhux kumpanija. Obbligu ieħor hu li espert irid ikun konoxxenti ta’ x’inhu l-irwol tiegħu fl-inkjesti kif stabbilit fil-liġi kriminali ta’ pajjiżna u l-ħlas tal-esperti se jkun għal xogħol paragunabbli f’pajjiżna. Relatati ma’ spejjeż ta’ inkjesti, fejn l-ispiża teċċedi l-€50,000, il-Maġistrat li jmexxi l-inkjesta hu obbligat jitlob permess mill-Prim Imħallef li għandu jikkonsulta mal-Avukat Ġenerali. Il-liġi se tiċċara wkoll l-irwol u l-funzjoni tal-Maġistrat Inkwirenti, ewlieni fosthom il-preservazzjoni tal-provi ammissibbli.

B’din il-bidla, persuna suspettata f’investigazzjoni se jkollha drittijiet ġodda billi tkun mgħarrfa li hi suspettata qabel tagħti xhieda, tingħata aċċess għal informazzjoni u jkollha d-dritt li tkun assistita minn Avukat. Ir-riforma se tkompli ssaħħaħ id-drittijiet tal-vittmi fil-proċeduri Kriminali, billi tintroduċi drittijiet ġodda għall-vittmi jew il-qraba, primarjament billi jkollhom dritt ikunu infurmati b’ċerta informazzjoni safejn hu legalment sostenibbli dwar l-andament tal-inkjesta.

Quddiem din ir-riforma, il-Prim Ministru Robert Abela spjega li tant dan il-gvern jemmen fis-serjetà tal-proċess, li se jsaħħaħ din l-għodda tant importanti, li dejjem għandha tintuża favur ir-riċerka u t-tiftix għall-verità. “Mhu se nħallu l-ebda sitwazzjoni fejn persuna sempliċiment tmur biex tiftaħ investigazzjoni u tixħet in-nies f’inkjesta billi tippreżenta xi artiklu u dak jispiċċa prova”, sostna Dr Abela. Il-Prim Ministru fisser li min jikkalunja n-nies u n-negozji, ukoll irid iwieġeb għal għemilu u mhux se jitħalla jinqeda b’pilastru importanti fid-demokrazija ta’ pajjiżna. Dan quddiem il-fatt li min jagħmel talba għal inkjesta b’mod abbużiv, se jkun jista’ jiġi ordnat mill-Qorti jħallas l-ispejjeż marbuta mal-inkjesta.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota r-riformi bla preċedent li wettaq il-Gvern favur il-ħaqq u s-sewwa fil-qasam tal-ġustizzja. Qal li bis-salvagwardji ċari qed iġibu riforma li ma tirrovinax ħajjiet għalxejn u tara li kulħadd iħallas ta’ għemilu. Saħaq li din il-bidla turi att ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet kollha tal-Istat li jaħdmu favur is-sewwa u xejn ħlief is-sewwa.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Jonathan Attard qal, “Illum qed insaħħu d-drittijiet ta’ kull persuna li tista’ tkun involuta fil-proċess legali relatat mal-Inkjesti Maġisterjali. Permezz ta’ dawn l-emendi qed nassiguraw li kulħadd ikun kontabbli ta’ għemilu quddiem il-ġustizzja, imma fl-istess waqt min hu innoċenti m’għandux ikun suġġett għall-martirju legali u morali”, spjega Dr Attard filwaqt li rrimarka li jekk hemm xi ħaġa li tiddistingwi lil dan il-gvern minn ħaddieħor hija r-rieda li jkunu implimentati aktar riformi favur is-sewwa, favur il-ġustizzja xierqa u kontra l-abbuż.

Il-Ministru Attard spjega kif din hija riforma li tibni fuq sensiela sħiħa ta’ riformi kuraġġużi, inkluż it-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fl-irwol ta’ Prosekutur fil-pajjiż, żieda fil-Ġudikatura u ħolqien ta’ sezzjoni ta’ Maġistrati Inkwirenti speċjalizzati.

PR250137

Investiment soċjali favur il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd

Il-Prim Ministru Robert Abela żar residenza għat-tfal u għaż-żgħażagħ mmexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali f’Ħ’Attard. Flimkien mal-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon u mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti, il-Prim Ministru rrikonoxxa l-impenn kontinwu tal-FSWS li qal li timplimenta mudell ta’ kura mibni fuq il-ħtiġiet personali tar-residenti. F’din id-dar jgħixu sitt itfal u żgħażagħ.

Il-Prim Ministru nnota l-investiment mill-FSWS sabiex toffri din it-tip ta’ kura personalizzata li s-sena l-oħra qabżet il-€560,000. Irrimarka li l-investiment soċjali jfisser ukoll li tfal u żgħażagħ bi sfidi differenti jilħqu l-milja ta’ ħajjithom b’appoġġ soċjali f’ambjent dinjituż u sabiħ.

It-tmexxija f’din id-dar spjegat li ma’ dawn it-tfal isir ħafna investiment fl-edukazzjoni u fis-saħħa kif ukoll xogħol professjonali li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn it-tfal. Dr Abela rrimarka li kull tifel u tifla ħaqqhom l-aħjar fis-soċjetà tagħna u rringrazzja s-sens ta’ empatija u xogħol dedikat li jwettqu l-professjonisti u l-ħaddiema tal-FSWS li joffru ħajja sabiħa lil dawn it-tfal.

F’din id-dar, bosta tfal u żgħażagħ tkellmu mal-Prim Ministru Robert Abela fuq l-esperjenzi f’ħajjithom. Dr Abela nnota li djar bħal dawn jagħtu esperjenza pożittiva. Ġie spjegat mit-tmexxija ta’ din id-dar li residenzi żgħar b’kura ħolistika jieħdu post istituzzjonijiet kbar u dan huwa ta’ benefiċċju għat-tfal li ma jkunux istituzzjonalizzati. Minn dawn id-djar kien hemm stejjer ta’ suċċess ta’ tfal li komplew bil-vjaġġ edukattiv tagħhom u anke ħadu opportunitajiet tajbin ta’ xogħol.

Fl-aħħar għaxar snin l-FSWS fetħet għaxar djar komunitarji ġodda u żewġ binjiet addizzjonali ddedikati għall-aftercare. Ġie spjegat li l-investiment f’dawn il-faċilitajiet qed iħallu r-riżultati meħtieġa fosthom fit-tnaqqis fir-rati ta’ assenteiżmu fl-iskejjel u fil-ħarsien tas-saħħa mentali. Waqt il-laqgħa mar-residenti u mal-ħaddiema ta’ din id-dar, il-Prim Ministru tenna r-rieda tal-Gvern sabiex jappoġġja u jinvesti fil-kura personalizzata għat-tfal u għaż-żgħażagħ bil-għan li jirnexxu fis-soċjetà.

PR250112

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur l-Isptar Da Vinci

Fi żjara fl-isptar privat Da Vinci, il-Prim Ministru Robert Abela nnota inizjattivi li qed isiru fis-settur tas-saħħa li jħallu l-ġid anki riżultat ta’ sħubija bejn il-Gvern u l-privat. Il-Prim Ministru nnota kif dan l-isptar kien parti mill-pjan ta’ kontinġenza li qed jgħin fid-direttivi industrijali li l-Gvern jibqa’ jħoss li ma għandhomx post biex ibati l-pazjent. Fil-fatt, persuni li b’mod urġenti riedu jinqdew għal servizz ta’ tabib fiċ-ċentru tas-saħħa ta’ Birkirkara, bdew jingħataw servizz minn dan l-isptar privat.

Fiż-żjara, akkumpanjat mill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, il-Prim Ministru Abela ra l-investiment li sar f’apparat mediku modern, fosthom scanner MRI ġdid li parti minnu ġie ffinanzjat b’mod konġunt minn fondi Ewropej u fondi pubbliċi allokati mill-Gvern. L-investiment minn fondi Ewropej ġej mill-akbar pakkett ta’ fondi li kiseb pajjiżna fl-istorja li jkopri bejn l-2021 u l-2027.

Il-Prim Ministru rrimarka s-sodisfazzjon li s-settur privat qed igawdi wkoll minn din l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għal Malta u li minnhom qed igawdu n-nies. Il-pajjiż issa qed jagħmel użu minn dawn il-fondi taħt il-programm tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF) għall-2021-2027, li għandu l-għan li jżid il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea billi jappoġġja l-innovazzjoni u negozji żgħar u ta’ daqs medju.

Waqt iż-żjara tiegħu fid-Dipartiment tar-Radjoloġija tal-Isptar Da Vinci, il-Prim Ministru ra l-apparat tal-MRI li qed itejjeb l-effiċjenza operattiva tal-isptar. Il-Prim Ministru laqa’ wkoll l-investiment privat li l-isptar qed jagħmel biex jespandi d-dipartiment tal-emerġenza tiegħu, li bħalissa qed jilqa’ pazjenti mill-Isptar Mater Dei biex inaqqas il-piż fuq id-Dipartiment tal-Emerġenza. Dan l-isforz jirrifletti l-impenn tas-settur privat li jikkontribwixxi għal sistema tas-saħħa aktar effiċjenti u sostenibbli f’pajjiżna.

Fid-diskussjonijiet mal-amministrazzjoni tal-isptar, il-Prim Ministru enfasizza l-impenn tal-Gvern biex joffri aktar opportunitajiet ta’ finanzjament lil negozji u intrapriżi li jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għas-saħħa pubblika tal-pajjiż.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru faħħar ix-xogħol straordinarju tal-professjonisti kollha fl-Isptar Da Vinci li qed jagħtu servizz eċċellenti lill-pazjenti u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u tal-Għawdxin.

PR250094

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-proġett tar-Riġenerazzjoni tal-Promenade ta’ Birżebbuġa li se jkun amministrat mid-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi wara li tlestew id-disinji u issa għaddej il-proċess ta’ applikazzjonijiet biex isiru x-xogħlijiet għall-ġid tal-komunità. Disinji li raw l-involviment ta’ studenti universitarji mill-Fakultà tal-Ambjent Mibni fi ħdan l-Università ta’ Malta.

Dan il-proġett fuq tul ta’ aktar minn kilometru u nofs tal-promenade ta’ din il-lokalità pittoreska se jkun qed iwassal għal ħames spazji miftuħa, uħud li se jinħolqu u oħrajn riġenerati, tisbiħ ta’ ġonna u bandli eżistenti, parkeġġ pubbliku taħt l-art u żoni pedonali ġodda. Se jkun hemm ukoll karreġġjata ġdida għaċ-ċiklisti kif ukoll tisbiħ tul il-promenade b’materjal li hu sostenibbli.

Waqt żjara f’din il-lokalità, il-Prim Ministru saħaq li permezz ta’ proġetti bħal dawn, il-Gvern qiegħed jagħti sinjal ċar ieħor li ser ikompli jżid investimenti ta’ kwalità. Innota li matul is-snin, Birżebbuġa ġarret piż ta’ tkabbir industrijali u din l-amministrazzjoni reġġgħet deċiżjonijiet li saru minn amministrazzjonijiet oħra biex jiżdied il-valur ta’ din il-lokalità. Hawn semma fost oħrajn id-deċiżjoni tal-għeluq tal-impjant 31 ta’ Marzu tal-ħażna tal-fjuwil li franka ħafna emissjonijiet u trakkijiet deħlin fil-lokalità. Dan apparti li semma fost oħrajn l-investiment li sar f’pitch tal-Waterpolo u l-park ta’ Bengħajsa li qed tgawdi minnhom il-komunità.

“Irridu nkomplu nżommu s-saħħa ekonomika li baqa’ jikseb pajjiżna sabiex dik insarrfuha f’aktar proġetti ta’ ġid favur il-komunitajiet tagħna u li jgawdu minnu r-residenti,” spjega Dr Abela. Huwa nnota l-irwol tad-Dipartiment għax-Xogħlijiet Pubbliċi flimkien ma’ studenti universitarji u saħaq li jrid jara aktar entitajiet pubbliċi jikkollaboraw u jieħdu esperjenza pożittiva bħal din. Innota wkoll inizjattivi fil-komunità frott ħidma mill-kunsill lokali u fisser dan il-proġett bħala parti mill-ħsieb tal-Gvern favur il-kwalità tal-familji.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett elenka numru ta’ proġetti li ġew imnedija fl-aħħar xhur u li ser ikunu qegħdin joffru ambjent urban isbaħ lill-familji Maltin u Għawdxin. Huwa spjega li dan il-proġett jingħaqad ma’ numru ta’ proġetti oħra bħal dak tal-pjazza ta’ Buġibba u tal-Imsida Creek kif ukoll l-inizjattiva ta’ Vjal Kulħadd. “B’hekk se nżidu l-ammont ta’ spazji miftuħa għall-pubbliku, aspett ewlieni fil-viżjoni tagħna biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji,” sostna l-ministru. Minbarra l-aspett estetiku tal-proġett li ser isebbaħ iż-żona għar-residenti u dawk kollha li jżuru Birżebbuġa, il-Ministru Bonett spjega li, “Permezz ta’ korsija ġdida għaċ-ċiklisti u pedestrian priority area ser inkomplu bil-ħidma tagħna li noffru infrastruttura adegwata filwaqt li ninkoraġġixxu l-mobbiltà attiva fil-lokalitajiet.”

Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia enfasizza li l-għan tal-Birżebbuġa Promenade Regeneration huwa li jagħti lura lil-lokalità ta’ Birżebbuġa u l-Birżebbuġin post ta’ rikreazzjoni u rilassament, kif mistħoqq. “Aħna konxji mill-fatt li n-nies ta’ din il-lokalità, fil-passat ħallsu prezz għoli, u kellu jkun dan il-gvern li jagħti lura lir-residenti ta’ Birżebbuġa u l-ġenerazzjoni futura, lokalità ta’ kwalità. Dan il-proġett ser jibni fuq il-wegħda tal-Gvern li nibnu komunitajiet aktar vibranti, ħodor u ta’ kwalità.”

Din ir-riġenerazzjoni b’investiment ta’ madwar €12-il miljun tingħaqad ma’ kullana ta’ proġetti ta’ riġenerazzjoni ta’ promenades u spazji miftuħa oħra li l-Gvern, permezz tal-entitajiet differenti tiegħu, qiegħed iwettaq madwar il-pajjiż.