Month: June 2024

PR241122

  • Il-Prim Ministru Robert Abela jwassal pożizzjoni konsistenti fuq diversi temi

F’Summit tal-Kunsill Ewropew, li għalih attenda l-Prim Ministru Malti Robert Abela, il-mexxejja Ewropej qablu dwar iċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss bin-nomini tal-ogħla karigi fl-istituzzjonijiet Ewropej, primarjament il-President tal-Kunsill Ewropew, il-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà. Il-mexxejja ddiskutew ukoll l-aġenda strateġika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin.

Fuq il-mejda tad-diskussjoni kien hemm bosta temi fosthom l-Ukrajna u l-Lvant Nofsani. Dwar l-Ukrajna, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew iffirmaw ftehim mal-President Ukren dwar is-sigurtà. Ftehim li fih pajjiżna kellu salvagwardji li jirriflettu l-politika tiegħu tan-newtralità u n-non-allinejament.

F’kummenti waqt is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li Malta kienet ċara dwar il-pożizzjoni tagħha u l-ftehim mal-Ukrajna fil-fatt isemmi dawn is-salvagwardji b’mod ċar għal darbtejn. Fl-istess waqt, f’konklużjonijiet tal-Kunsill li aċċennat dwarhom Malta, il-proviżjonijiet tal-ftehim ma jistgħux jinbidlu jekk mhux bi qbil unanimu tal-Kunsill Ewropew. Il-Prim Ministru sostna li mbagħad pajjiżna jibqa’ jimbotta pożizzjoni konsistenti favur il-paċi. Dr Abela qal li fid-diskussjonijiet dwar is-sigurtà, anki fl-isfond tat-tema tal-Ukrajna, il-Gvern Malti kompla jwassal pożizzjoni konsistenti b’ħarsien sħiħ lejn in-newtralità fejn fil-fatt anki l-konklużjonijiet ta’ dan is-Summit ġew inklużi s-salvagwardji tar-rispett sħiħ lejn il-politika ta’ kull Stat Membru.

Dr Abela qal li Malta tibqa’ tikkundanna bla riservi l-aggressjoni Russa fil-konfront tal-Ukrajna u tagħti l-appoġġ umanitarju lill-poplu Ukren. Dwar l-Ukrajna, il-mexxejja Ewropej tkellmu wkoll dwar l-iżviluppi ta’ negozjati marbuta mas-sħubija tal-Ukrajna fl-Unjoni Ewropea u laqgħu l-erbatax-il pakkett ta’ sanzjonijiet adottat fuq ir-Russja.

Dwar il-Lvant Nofsani, il-mexxejja tennew l-appell tagħhom dwar il-waqfien permanenti mill-ġlied f’Gaża u l-ħelsien bla ebda kundizzjoni ta’ ostaġġi wara l-attakki tal-Ħamas f’Iżrael tas-7 ta’ Ottubru li għadda. Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li pajjiżna kompla jkun vuċi importanti li b’mod konsistenti jadvoka għall-waqfien permanenti mill-ġlied fil-Lvant Nofsani. Qal li l-ordni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja biex Iżrael itemm l-operazzjoni militari f’Rafah għandha tiġi rispettata fi sħiħ. Mal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru qal li pajjiżna jibqa’ f’kuntatt mas-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea u l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex jikkontribwixxi fi sforzi ta’ evakwazzjonijiet mediċi.

Il-kompetittività kienet tema oħra importanti fid-diskussjoni, b’Malta tkompli twassal l-importanza ta’ ħidma favur l-ibbenefikar tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Waħdieni. Hawn il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar il-ħtieġa tal-implimentazzjoni mingħajr aktar dewmien ta’ qafas legali li jħares għal aċċess ġust ta’ prodotti kruċjali bħall-mediċini. Dwar it-tema tal-kompetittività wkoll, Dr Abela spjega li anki l-prijoritajiet tal-aġenda strateġika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin jitkellmu dwar il- kompetittività u dan fi sfond tal-qalbiet ambjentali u diġitali. F’dan il-kuntest, il-Prim Ministru fisser in-negozji żgħar u medji bħala l-katalisti ewlenin li jridu jibqgħu jiġu inċentivati favur il- kompetittività tal-Istati Membri.

Il-mexxejja Ewropej kellhom ukoll fost oħrajn diskussjoni strateġika dwar l-immigrazzjoni u l-politika barranija b’mod ewlieni fuq is-sitwazzjoni fil-Ġorġja u l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-liġi dwar l-aġenti barranin. Il-mexxejja tkellmu wkoll dwar l-appoġġ kontinwu għall-Moldova biex din tindirizza l-isfidi li jirriżultaw mill-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna u t-triq tal-pajjiż biex issir Stat Membru.

PR241102

Mark Mallia se jkun il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Mark Mallia hu gradwat mill-Università ta’ Malta fil-Liġi u fil-Business Management u ġej minn karriera wiesgħa fil-Forzi Armati ta’ Malta fejn okkupa diversi pożizzjonijiet prominenti ta’ responsabbiltà. Huwa kompla l-karriera tiegħu fl-amministrazzjoni pubblika bi tmexxija ta’ awtoritajiet pubbliċi.

F’ittra li qed tiġi ippubblikata, il-Prim Ministru Robert Abela rringrazzja lil Glenn Micallef tal-ħidma bla heda tiegħu, li wasslet għal riżultati pożittivi għal pajjiżna. Dr Abela qal li jħares ’il quddiem lejn aktar ħidma minn Glenn Micallef għall-ġid ta’ Malta.

PR241101

• Il-Prim Ministru Robert Abela b’indirizz qabel il-ġurament tal-ħatra tal-Kunsilliera Lokali

F’ċerimonja għal ġurament tal-ħatra tal-Kunsilliera Lokali ta’ 68 lokalità madwar Malta u Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Kunsilli Lokali huma kollaboraturi ewlenin fil-bidliet li rridu nkomplu nagħmlu bħala pajjiż. Għalhekk sejjaħ lill-Kunsilliera bħala aġenti għal bidla li twassal titjib fil-ħajja tan-nies fil-komunità.

Ftit qabel mal-Kunsilliera f’Kunsilli Lokali minn sitt reġjuni differenti ħadu l-ġurament, f’indirizz li għamel, il-Prim Ministru nnota l-għażla li għamlu l-Kunsilliera eletti li jaħdmu għall-komunità. Qal li l-Kunsilliera, b’esperjenzi differenti, uħud stabbiliti u oħrajn żgħażagħ u uċuħ ġodda, għandhom ħaġa waħda komuni: ir-rieda li l-postijiet fejn ngħixu jkunu isbaħ u fihom offruti l-aqwa servizzi. Kien hawn li mhux biss semma l-importanza tat-teħid tad-deċiżjonijiet, bil-qalba ambjentali fuq quddiem nett, iżda semma wkoll il-qalba diġitali u diġitalizzazzjoni tas-servizzi.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li fiż-żmien li ġej qed naraw li sistema diġitali offruta mill-Kunsilli Lokali tkompli tagħti l-opportunità lir-residenti jinqdew u jirċievu għadd ikbar ta’ servizzi mill-kumdità ta’ djarhom fi xħin jeħtieġu. Dr Abela mbagħad semma li deċiżjonijiet oħra li rridu nieħdu huma dwar spazji bħal pjazez għan-nies, aktar milli għall-karozzi. Fisser dawn bħala deċiżjonijiet kuraġġużi li rridu neħduhom wara li nisimgħu u nikkonsultaw iżda finalment niddeċiedu u nimplimentaw. Saħaq li l-Gvern ċentrali se jkun mal-Kunsilli Lokali u filwaqt li jkompli jinvolvihom, jappoġġjahom f’ħidma li trid tkun iffukata fuq l-interess tal-lokal.

Indirizzaw ukoll lill-Kunsilliera, il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli. Il-Ministru Bonnici feraħ lill-476 Kunsilliera eletti fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li għadda u saħaq li l-ħidma tagħhom għandha tkun prova tal-impenn  lejn il-komunitajiet tagħna. Huwa saħaq li l-Kunsilli Lokali tagħna għandhom jaraw li jibnu fuq it-talenti ta’ kulħadd u jkunu forza pożittiva ta’ bidla bil-għan li r-residenti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar. Dr Bonnici faħħar id-diversi inizjattivi li saru mill-Kunsilli Lokali fl-aħħar ħames snin, bħal spazji miftuħa, ġonna, restawr, ċentri għall-anzjani u servizz ta’ trasport għar-residenti, u qal li kollox jorbot mal-ħtieġa li n-nies jinżammu fiċ-ċentru tal-prijoritajiet. Huwa qal li l-Gvern se jkompli jkun ta’ spalla għall-Kunsilli Lokali u semma ż-żidiet fl-allokazzjonijiet finanzjarji u l-istrateġiji li ġew imnedija bħala prova ċara ta’ dan. 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli għamlet aċċenn fuq il-perjodu ta’ tibdil u aġġornament li għaddej minnu s-settur tal-Gvern Lokali f’pajjiżna. Hija qalet li sabiex dan il-qasam ikompli jiġġedded skont il-bżonnijiet li jinbidlu maż-żminijiet, l-imsieħba tal-Gvern Lokali għandhom iwettqu flimkien il-miri u r-riformi indikati fil-Viżjoni Strateġika Nazzjonali tal-Gvern Lokali. Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli rringrazzjat lill-kandidati kollha li resqu ’l quddiem u ħadmu favur il-lokalitajiet rispettivi tagħhom, filwaqt li awgurat li s-sens ċiviku tal-Kunsilliera eletti jissarraf f’impenn u aktar ħidma favur ir-residenti li fdawhom bit-tmexxija tal-lokalitajiet tagħhom.

PR241057

Fil-bidu ta’ Laqgħa Informali għall-Mexxejja Ewropej fi Brussell, li fiha bdew id-diskussjonijiet għat-tmexxija futura tal-Unjoni Ewropea, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar Ewropa li tindirizza l-prijoritajiet taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.

F’din il-laqgħa l-Mexxejja Ewropej bdew jiddiskutu ċ-ċiklu istituzzjonali li jmiss wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Fil-fatt id-diskussjoni, li mistennija tkompli tiżviluppa f’laqgħa oħra tal-Kunsill Ewropew lejn tmiem il-ġimgħa d-dieħla, daret dwar min se jokkupa l-ogħla karigi fl-Unjoni Ewropea fosthom il-ħatra ta’ President tal-Kunsill Ewropew u n-nomina ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea.

F’kummenti mal-midja fil-bidu ta’ din il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela mhux biss fisser l-importanza tal-laqgħa iżda nnota li minkejja li l-Mexxejja jappartjenu lejn gruppi politiċi differenti, għandu jkun hemm diskussjoni miftuħa f’dawk li huma l-valuri li għalihom inħolqot l-Unjoni Ewropea. “Nemmen li anki l-Unjoni Ewropea ta’ għada għandha tkun dik li tkompli tirrappreżenta valuri importanti bħal dak tas-soċjal”, saħaq Dr Abela. 

Qal li fil-laqgħa għandha ssir analiżi tal-elezzjonijiet Ewropej u l-messaġġi li bagħtu l-popli Ewropej, inkluż dak Malti, li għalkemm ta fiduċja lill-Gvern Malti, irid li jiġu indirizzati aħjar il-prijoritajiet tiegħu. Hawn semma li dan kollu qed isir f’kuntest ta’ sfidi li jibqgħu kurrenti f’Ewropa li qed tara żewġ gwerer fuq l-għatba u l-isfida tal-inflazzjoni, li għandha tkompli tiġi indirizzata.

Il-Prim Ministru qal li Malta hija Stat Membru kburi fl-Unjoni Ewropea li trid tkompli timbotta valuri oħra importanti bħal dawk favur il-ġustizzja u l-governanza flimkien ma’ prinċipji oħra bħal dak tas-Suq Waħdieni, li jaħdem b’mod ugwali għal kulħadd fosthom fl-aċċess għall-mediċini, inkluż għal pajjiżi bħal Malta, li l-qagħda ġeografika tagħha tagħmilha fil-periferija tal-Ewropa.

PR240972

Meta kien qed iħabbar li se jiġi ppubblikat l-Avviż Legali ‘Equal Pay for Work of Equal Value’ biex jiddaħħal fis-settur privat sa mill-bidu tas-sena d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela fisser ħidmet il-Gvern bħala waħda li tkompli timbotta riformi u bidliet li jagħtu s-saħħa lill-ħaddiem.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka kif din kienet wegħda oħra mwettqa fil-programm ta’ ħidma tal-Gvern ‘Malta Flimkien’. Qal li llum id-diskussjonijiet mhux biss bdejnihom iżda bħala Gvern ġibna bidliet imnebbħa mir-ruħ soċjali. “Dan Gvern li jemmen fi djalogu soċjali u poġġejna madwar mejda kif għamilna fuq inizjattivi oħra bħall-Patti Soċjali taż-żieda fil-Paga Minima Nazzjonali u fl-inizjattiva Stabbiltà,” spjega l-Prim Ministru hu u jirrimarka wkoll li d-djalogu soċjali wasal ukoll fir-riforma tat-temping agencies.

Dr Abela qal li bil-bidla, li se tfisser li ħaddiem tal-kuntrattur u ħaddiem impjegat dirett fuq post tax-xogħol jitħallsu indaqs għall-istess valur ta’ xogħol, se nkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema. L-istess meta ġew introdotti drittijiet ġodda bħaż-żieda fil-leave tal-ġenituri.

“L-investimenti li jiġu u l-postijiet li jagħtu l-aqwa opportunitajiet huma hemm biex nagħtu dinjità u drittijiet iktar b’saħħithom lill-ħaddiema kollha,” saħaq il-Prim Ministru. Dr Abela rringrazzja kull min kien parti fit-tfassil ta’ din il-bidla pożittiva li se timpatta mijiet ta’ ħaddiema f’diversi oqsma fosthom dawk fit-turiżmu fis-settur tal-ospitalità u anki f’oqsma oħra bħal fil-manifattura. Qal li dawn huma bidliet pożittivi li wettaqnihom bis-saħħa ta’ kulħadd.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul saħaq li bil-liġi li qed inħabbru llum, se nkomplu nsaħħu d-drittijiet u l-protezzjoni tal-ħaddiema li huma impjegati mal-aġenziji tax-xogħol, kif ukoll intejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom permezz ta’ żidiet fil-pagi ħalli jilħqu l-livelli tal-ħaddiema l-oħrajn fi rwoli identiċi. B’hekk, mhux biss ħa nkattru l-ġid f’pajjiżna permezz ta’ titjib fil-pagi ta’ eluf ta’ ħaddiema, però dan qed isir b’mod li jirrispetta u jirrikonoxxi d-dinjità u l-ħiliet tal-ħaddiema, u li verament jirrifletti x-xogħol u l-kontribut li qed jagħtu.

“Nixtieq nenfasizza aspett ieħor kruċjali ta’ din il-liġi; li din, apparti l-equal pay, tassigura wkoll kundizzjonijiet tax-xogħol statutorji ugwali wkoll. Dan ifisser li ħaddiem ta’ temping agency, li jiġi ingaġġat minn pereżempju lukanda, mhux biss se jkollu d-dritt għal paga ugwali daqs il-ħaddiema l-oħra tal-lukanda li jaħdmu fi rwol simili, iżda wkoll se jkollu d-dritt li jibbenefika minn kundizzjonijiet ugwali bħall-annual leave, breaks, over-time u anke protezzjoni relatata ma’ saħħa u sigurtà,” qal Dr Ellul.