Month: April 2023

PR230523

Il-Prim Ministru Robert Abela kiteb lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti b’rabta mal-inkjesta maġisterjali dwar l-inċident fatali li seħħ f’Kordin fit-3 ta’ Diċembru 2022.​

L-ittra qed tiġi ppubblikata.​​

PR230491

Malta qed tħares ‘il quddiem li taħdem ma’ Spanja, li se tassumi l-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’Lulju li ġej, biex taħdem mill-qrib dwar leġiżlazzjonijiet importanti li anki qed taħdem fuqhom il-Kummissjoni Ewropea marbuta mas-suq intern tal-Unjoni Ewropea fosthom fejn jidħol l-aċċess għall-mediċini u t-trasport.

Dan kien messaġġ importanti li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt indirizz lill-ġurnalisti li ngħata fil-Berġa ta’ Kastilja flimkien mal-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez. Il-Prim Ministru Sánchez qed iżur Malta fost diversi stati membri tal-Unjoni Ewropea bi tħejjija għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li huwa kruċjali li fil-qasam tal-farmaċewtika jkun hemm aċċess għall-mediċini għall-istati membri kollha, inkluż għal pajjiżi bħal Malta u dan qabel l-interessi ta’ korporazzjonijiet kbar. “Ma jistax ikun li tletin sena wara li ġie stabbilit is-suq intern, għad hemm ċirkostanzi fejn ċerti pajjiżi jibqgħu żvantaġġjati. Lilna se ssibna ta’ spalla u lesti biex nikkontribwixxu b’mod attiv ħafna f’din id-diskussjoni.”

Dr Abela żied jgħid li ċittadini f’pajjiżi fil-periferija tal-Unjoni Ewropea jixirqilhom l-istess aċċess għall-prodotti fis-suq uniku bħal ċittadini oħra li jgħixu fil-qalba tal-Ewropa u nnota li dan japplika wkoll għas-settur tat-trasport fejn pajjiż ma għandux jiġi kkastigat minħabba l-qagħda ġeografika tiegħu.

Dwar il-qasam tal-enerġija, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-importanza li nibqgħu ngħinu lin-nies, iżda saħaq fuq il-ħtieġa ta’ riformi importanti li jindirizzaw il-miri klimatiċi fejn l-operat tal-ekonomiji tagħna jkun iżjed nadif u ambjentali. Hawnhekk żied jgħid kif il-Gvern Malti ma jemminx fl-awsterità iżda f’politika tal-inċentiv favur qalbiet ħodor u diġitali.

Il-Prim Ministru Abela rrimarka li d-dixxiplina fiskali tibqa’ importanti, iżda qabel l-indikaturi ekonomiċi, jeħtieġ inpoġġu lin-nies. “In-nies mhux numri. In-nies jistħoqilhom jgħixu kwalità ta’ ħajja tajba,” qal il-Prim Ministru hu u jisħaq dwar flessibbiltà għall-miri ekonomiċi. Il-Prim Ministru qal ukoll li jħares ‘il quddiem ukoll li waqt il-Presidenza Spanjola, leġiżlazzjonijiet importanti li anke qed taħdem fuqhom il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza Helena Dalli, jingħataw spinta. Il-Prim Ministru nnota kif Malta u Spanja jgħożżu l-valur komuni tal-ugwaljanza u dan huwa suġġett li jagħmel differenza għall-aħjar f’ħajjet nies differenti.

Fl-indirizz tiegħu lill-ġurnalisti, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif Malta u Spanja bħala żewġ pajjiżi Mediterranji huma vuċi b’saħħitha favur il-paċi quddiem il-gwerra fl-Ukrajna u sfidi li jġibu realtajiet iebsa bħal fis-Sirja u l-Libja fost oħrajn. “L-iktar ħaġa li jeħtieġu l-popli tagħna wara pandemija hija l-paċi biex jgħixu u jippjanaw il-futur tagħhom f’serenità,” stqarr il-Prim Ministru Abela, hu u jisħaq fuq il-ħtieġa ta’ aktar opportunitajiet kummerċjali anki fost oħrajn mal-Amerka Latina.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jawgura lill-Prim Ministru Spanjol għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew u qal li jħares ‘il quddiem li jerġa’ jilqgħu f’pajjiżna aktar tard din is-sena fis-Summit tal-MED 9, fejn mexxejja tal-istati membri fin-Nofsinhar tal-Ewropa jiddiskutu temi kurrenti.​

​​​

PR230489

Il-Gvern ta’ Malta ressaq rikors quddiem il-Qorti biex l-appell li għamlet Steward Malta fil-kawża b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet jinstema’ b’urġenza fl-interess pubbliku u fl-interess nazzjonali.​

Filwaqt li l-Gvern ta’ Malta m’appellax mis-sentenza ta’ nhar l-24 ta’ Frar 2023, mogħtija mill-Imħallef Francesco Depasquale fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, huwa wieġeb għar-rikorsi tas-soċjetajiet Steward, fejn b’kollox tressqu għaxar atti ġudizzjarji.

Fir-risposti tiegħu l-Gvern oppona għat-talba ta’ Steward li jitressqu provi u dokumenti ġodda, u f’każ li l-Qorti tilqa’ din it-talba li jitressqu dokumenti ġodda, żamm id-dritt li ikun f’pożizzjoni li jwieġeb għalihom, anke billi jressaq talba biex jippreżenta dokumenti li ma kinux disponibbli (lanqas kienu jeżistu) qabel l-għoti tas-sentenza. Dan peress li kien hemm żviluppi wara l-għoti tas-sentenza.

Il-Gvern Malti oppona wkoll għat-talba tas-soċjetajiet Steward, li qegħdin jitolbu li l-Qorti tal-Appell Superjuri Sede Ċivili tirreferi l-każ quddiem il-Qrati Ewropej.

PR230481

F’laqgħa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kummissarju Ewropew għall-Budget u Amministrazzjoni Johannes Hahn iddiskutew it-tħejjijiet biex issir evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-budget tal-Unjoni Ewropea, magħruf bħala l-Multiannual Financial Framework (MFF).

Il-prim ministru ddeskriva din il-laqgħa bħala opportunità għall-Gvern Malti biex jisma’ l-pjanijiet tal-Kummissjoni Ewropea dwar dan, filwaqt li jispjega l-prijoritajiet ta’ pajjiżna għal dak li għandu x’jaqsam mal-infiq ta’ fondi Ewropej fis-snin li ġejjin.

Rigward id-diskussjonijiet dwar l-evalwazzjoni tal-MFF, il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għall-ftehim milħuq f’Lulju 2020, bil-Gvern Malti dakinhar kien innegozja l-akbar allokazzjoni ta’ fondi Ewropej għal Malta, u spjega li minn dakinhar ir-realtajiet globali nbidlu, b’mod partikolari riżultat tal-gwerra fl-Ukrajna. Dan affettwa fost l-oħrajn il-prezzijiet tal-enerġija u tal-ikel.

Tenna l-importanza li jkun hemm aktar flessibbiltà biex jintużaw ukoll aktar fondi u jiġu indirizzati dawn ir-realtajiet, kif sar fuq livell nazzjonali, biex l-isfidi qed jerfagħhom il-gvern u mhux il-familji u n-negozji. Għal dak li għandu x’jaqsam ma’ kompetittività, il-prim ministru qal li Malta taqbel ma’ nefqa biex ikun hemm inċentivi f’setturi speċifiċi biex negozji fl-UE jkunu aktar kompetittivi, filwaqt li enfasizza l-importanza li dawn l-għajnuniet ikunu jilħqu s-supply chain kollha biex b’hekk ikunu jistgħu jibbenefikaw minnhom ukoll negozji ta’ daqs żgħir u medju.

Meta tkellem dwar il-livell amministrattiv tal-Kummissjoni Ewropea u l-istituzzjonijiet Ewropej, il-Prim Ministru Abela saħaq dwar l-importanza li għal karigi għolja jkunu kkunsidrati bis-serjetà wkoll ċittadini li ġejjin minn pajjiżi żgħar bħal Malta.