Month: March 2026

Il-Prim Ministru Robert Abela, ilbieraħ żar il-faċilitajiet tal-Obstacle Course Academy (OCA) fl-Imrieħel, fejn iltaqa’ ma’ tfal u ġenituri li jattendu l-akkademja u tkellem magħhom dwar l-esperjenza tagħhom f’dan l-isport.

Imwaqqfa fl-2020 minn Ivan Gauci u Alex Tanti, l-OCA għandha l-għan li tħeġġeġ kemm lit-tfal kif ukoll lill-adulti jadottaw stil ta’ ħajja aktar attiv. Matul is-snin l-akkademja kibret f’komunità b’saħħitha ta’ atleti li saħansitra qed jikkompetu b’suċċess fuq livell internazzjonali.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Abela enfasizza l-importanza tal-isport. Huwa qal li l-ispirtu sportiv itejjeb il-kwalità tal-ħajja u jgħin biex jinbnew valuri b’saħħithom bħad-dixxiplina, id-determinazzjoni u r-reżiljenza.

Il-Prim Ministru sostna l-impenn tal-Gvern biex ikompli jmexxi ’l quddiem miżuri biex aktar nies jinvolvu ruħhom fl-attività fiżika, fejn anke għamel referenza għal-iskema tas-sitt xhur gym bla ħlas, li minn din is-sena ġiet estiża għal żgħażagħ bejn is-16 u l-21 sena.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru u l-fundaturi tal-akkademja kixfu plakka kommemorattiva. Numru ta’ atleti mill-istess l-akkademja taw ukoll dimostrazzjoni tal-ħiliet tagħhom.

PR260395

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu żar l-iskola De La Salle Senior School, fejn iltaqa’ ma’ studenti u edukaturi f’attività li ffukat fuq l-edukazzjoni u l-aspirazzjonijiet għal karrieri tagħhom.

Il-Prim Ministru Abela intlaqa’ mill-Kap tad-De La Salle Senior School is-Sur Norbert Zahra u pparteċipa f’diskussjoni mal-istudenti, bil-parteċipazzjoni ta’ uħud mill-ġenituri tal-istess studenti. Permezz tad-diskussjoni dawk preżenti kellhom iċ-ċans isiru jafu aħjar lill-Prim Ministru, jistaqsuh fuq l-esperjenzi personali tiegħu. Suġġetti oħra li qamu matul din id-diskussjoni missew mal-ispirazzjoni, il-karrieri, u l-importanza tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Fid-diskussjonijiet mal-istudenti, il-Prim Ministru semma l-importanza tal-edukazzjoni u appella lill-istudenti biex ikomplu jsegwu l-ambizzjonijiet tagħhom b’dedikazzjoni.

Il-Gvern qed ikompli jsaħħaħ il-vjaġġ lejn edukazzjoni diġitali għal kulħadd permezz ta’ diversi miżuri li jippromwovu l-aċċess, l-innovazzjoni u t-tagħlim modern. Fosthom hemm l-għotja ta’ €500 lill-familji li għandhom studenti fl-10 u l-11 Sena biex jinxtraw għodod diġitali għat-tagħlim modern. Minn din il-miżura qed igawdu mas-7,500 ġenitur u wliedhom. Fl-istess ħin, il-Gvern qed jagħti madwar 20,000 apparat diġitali lill-istudenti tar-4, is-7, it-8 u d-9 Sena. Dawn il-miżuri u oħrajn huma allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, li tħares lejn edukazzjoni moderna, inklużiva u innovattiva, biex tħejji ż-żgħażagħ għal karrieri ta’ kwalità u futur kompetittiv.

Il-Prim Ministru żar ukoll il-Careers Fair li qed issir fil-Gym tal-iskola, bil-parteċipazzjoni ta’ 210 parteċipant u 79 kumpanija. Din il-fiera qed tipprovdi opportunità importanti lill-istudenti biex jiltaqgħu ma’ professjonisti minn diversi setturi u jesploraw opportunitajiet differenti għall-futur tagħhom.

PR260384

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-KSU Malta Careers Expo, ġewwa l-Università ta’ Malta. Matul din iż-żjara Dr Abela tkellem mal-organizzaturi u l-parteċipanti, fejn fost l-oħrajn spjega kif il-Viżjoni Malta 2050 qed tixpruna pjan olistiku biex pajjiżna jkompli jimxi lejn edukazzjoni dejjem aktar moderna, b’enfasi partikolari fuq is-suġġetti STEAM, filwaqt li tissaħħaħ ir-rabta bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol. 

Il-Viżjoni Malta 2050 tpoġġi enfasi ċara fuq impjiegi ta’ kwalità, aktar taħriġ, opportunitajiet ta’ apprentistat u ħiliet allinjati mal-ħtiġijiet tal-ekonomija.

Il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ studenti li kienu qed iżuru l-expo. Huwa saħaq li dan il-Gvern kien u se jibqa’ jkun ta’ sostenn biex aktar studenti jagħżlu li jibnu l-karriera li jixtiequ u jsibu impjiegi ta’ kwalità.

L-appoġġ li l-Gvern jagħti lill-familji u lill-istudenti li jagħżlu li jkomplu jistudjaw kemm waqt l-edukazzjoni obbligatorja kif ukoll wara, qed ikompli jissaħħaħ minn sena għal sena. Minn din is-sena, l-istudenti kollha qed igawdu minn żieda ta’ 15% fl-istipendji tagħhom. Barra minn hekk, ġenituri ta’ żgħażagħ li jkomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom wara l-età obbligatorja qed tingħatalhom għotja ta’ €500 fis-sena għal massimu ta’ tliet snin, flimkien ma’ tnaqqis fit-taxxa tad-dħul sakemm uliedhom jagħlqu 23 sena.

Studenti li jkomplu bl-istudji tagħhom immedjatament wara s-sekondarja qed jingħataw ukoll voucher għal sena internet b’xejn. Filwaqt li studenti Għawdxin li jsegwu l-istudji tagħhom ġewwa Malta qed tingħatalhom għotja ta’ €280 fix-xahar.

Il-KSU Malta Careers Expo se tibqa’ għaddejja sal-Erbgħa 11 ta’ Marzu, b’dawk li jattendu jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu u jitkellmu ma’ rappreżentanti minn diversi kumpaniji u entitajiet li ġejjin minn setturi differenti. Il-parteċipazzjoni ta’ dawn ir-rappreżentanti qed twassal biex l-istudenti jkabbru l-għarfien tagħhom dwar l-opportunitajiet li joffri s-suq tax-xogħol f’pajjiżna.

PR260381

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppremja 15-il storja ta’ suċċess minn nisa Maltin li eċċellaw fis-setturi tagħhom u servew ta’ ispirazzjoni għal ġenerazzjonijiet oħra ta’ bniet u tfajliet.

Fost ir-rebbieħa tal-unuri kien hemm Dr Danika Marmara, Riċerkatriċi u d-Direttriċi tal-Cancer Care Pathways fiċ-Ċentru Sir Anthony Mamo li rebħet il-People’s Choice Award bil-vot tal-pubbliku.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Richmond Daniela Calleja Bitar ingħatat The Remarkable Woman Award u Sr Maria Adele Baldacchino, li ilha 70 sena twettaq il-ġid l-iktar fost il-priġunieri, rebħet The Lifetime Achievement Award. Dawn iż-żewġ rikonoxximenti ngħataw direttament fuq għażla ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela. 

L-unuri l-oħra kienu bbażati fuq nominazzjonijiet li daħlu mill-pubbliku, imsieħba soċjali u għaqdiet non-governattivi, u li r-rebbieħa tagħhom ġew magħżula mill-bord ta’ MARA 2026kompost minn Reno Bugeja, Josette Ciappara, Prof Stephanie Fabri, Prof Anton Grech u Sarah-Lee Zammit.

Fid-diskors tal-okkażjoni, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li dan ir-rikonoxximent tat-talent tan-nisa jibgħat sinjal li Malta se tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala l-art tal-ugwaljanza.

“F’dan il-pajjiż jeżisti talent straordinarju. Tfajliet u nisa li jqumu għall-okkażjoni, ħafna drabi ’l bogħod mill-attenzjoni pubblika, jagħmlu x-xogħol tagħhom, jipprattikaw il-passjoni tagħhom, u jeċċellaw fl-oqsma tagħhom,” saħqet Dr Abela.

Lydia Abela qalet li meta tħares lejn bintha ta’ 14-il sena, tara kuraġġ, determinazzjoni u ħolm li ma għandhomx limiti. Irrakkontat kif Giorgia tfakkarha li kull ġenerazzjoni ta’ tfajliet tista’ tasal aktar ’il bogħod minn ta’ qabilha u li meta mara temmen fiha nnifisha, m’hemm xejn li jista’ jwaqqafha.

Mart il-Prim Ministru sostniet li Malta għamlet avvanzi kbar ’il quddiem – minn żmien fejn in-nisa lanqas kellhom id-dritt tal-vot, għal żmien fejn żdiedet bil-kbir il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika u f’pożizzjonijiet tat-tmexxija.

Sfidi għan-nisa fadal ukoll. F’Malta, fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Imma bħala pajjiż aħna magħmulin li, flok nilmentaw, nieħdu azzjoni.

Dr Abela semmiet kif, ftit jiem ilu biss, ingħata bidu għal riforma nazzjonali li ssaħħaħ il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Din il-ħidma se twassal għal bidliet li jassiguraw aktar ħin ta’ kwalità għall-familji, u jittrattaw l-estensjoni tal-leave tal-maternità u tal-paternità, u t-tisħiħ tal-leave tal-ġenituri u r-remote working.

Mart il-Prim Ministru qalet li Malta hija l-iżgħar pajjiż fl-Unjoni Ewropea, iżda jirnexxilha tagħti edukazzjoni u saħħa b’xejn, toffri xibka soċjali għal min jiflaħ l-inqas, tattira l-investiment u toħloq il-karrieri. Pajjiż li jagħti s-serħan il-moħħ u serenità lil min jgħix fih. Dan is-sabiħ ta’ Malta u Għawdex hu dovut għall-poplu kollha – nisa u irġiel.

“Ejja nkomplu nkunu l-vuċi tal-ugwaljanza. Ejja nkomplu nagħmlu ġustizzja ma’ din is-soċjetà li tgħożż lil kulħadd. Il-kapitlu li jmiss fl-istorja ta’ Malta u Għawdex se jkun l-isbaħ wieħed għas-sehem tan-nisa, daqs kemm tal-irġiel”, temmet tgħid Dr Abela.

Intant, ir-rebbieħa kollha tas-serata MARA 2026 kienu dawn:

Valerie Brincat – Social Impact Award

Marica Gatt – Excellence in Education & Mentorship Award

Arielle Bonnici – Champion in Sports Award

Natasha Azzopardi Muscat – Resilience in Healthcare & Wellness Award

Daniela Calleja Bitar – Remarkable Woman Award

Maria Bugeja – Leader in Business Award

Mary Gaerty – Entrepreneurial Vision Award

Simone Borg – Environmental Activism Award

Lynn Claire Galea – Compassion for Animals Award

Danika Marmara – People’s Choice Award

Francesca Camilleri Vettiger – Dedication in Public Service Award

Clare Azzopardi – Empowerment through Arts and Culture Award

Maria Azzopardi – Innovation in Science and Technology Award

Yasmine Shawish – Shape the Future Award

Sr Adele Baldacchino – Lifetime Achievement Award

PR260359

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, żar il-kumpanija Tastees Manufacturing Ltd, ġewwa Santa Venera. 

Imwaqqfa fl-1969, Tastees Manufacturing Ltd tibqa’ isem magħruf f’kull dar Maltija, l-aktar għall-produzzjoni tas-snack ikoniku Twistees, fost produzzjoni ta’ snacks oħra. Għal aktar minn ħames deċennji, il-kumpanija żammet preżenza qawwija fis-suq lokali filwaqt li kompliet tespandi l-operat tagħha biex tlaħħaq mad-domanda dejjem tikber.

Fl-aħħar snin, bl-assistenza ta’ INDIS Malta, din il-kumpanija żviluppat estensjoni tal-fabbrika eżistenti tagħha. Din l-espansjoni kienet xprunata minn żieda sostanzjali fid-domanda għall-prodotti, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Matul l-aħħar ħames snin, il-produzzjoni ta’ din il-kumpanija privata żdiedet b’103%, tkabbir sinifikanti li nkiseb permezz ta’ investiment strateġiku f’makkinarju ġdid u t-tisħiħ tal-operat tal-esportazzjoni.

Rappreżentanti tal-kumpanija spjegaw kif il-modernizzazzjoni tat-tagħmir wassal għal aktar effiċjenza, hekk kif ippermetta li l-kumpanija żżid il-kapaċità tal-produzzjoni filwaqt li jinżammu l-istandards tal-kwalità.

Tastees Manufacturing Ltd ibbenefikat ukoll mill-appoġġ ta’ Malta Enterprise permezz tal-iskema ta’ għajnuna għall-investiment, kif ukoll minn assistenza minn Trade Malta għall-parteċipazzjoni f’fieri kummerċjali internazzjonali. Dawn l-inizjattivi għenu lill-kumpanija tkompli tespandi l-preżenza tagħha barra minn Malta u tippromwovi prodotti Maltin fis-swieq barranin.

Waqt din iż-żjara t-tmexxija tal-kumpanija esprimiet sodisfazzjon għall-bosta miżuri u inizjattivi li joffri l-Gvern permezz ta’ bosta entitajiet pubbliċi, id-dedikazzjoni u l-professjonalità tal-impjegati u l-fiduċja kontinwa tal-klijenti tagħha.

Il-Prim Ministru faħħar ir-reżiljenza, l-innovazzjoni u l-kontribut tal-kumpanija fis-settur tal-manifattura f’Malta, hekk kif Tastees Manufacturing Ltd tibqa’ eżempju ċar ta’ kif l-industrija lokali tista’ tikber permezz ta’ investiment strateġiku, appoġġ mill-Gvern u forza tax-xogħol dedikata.

Il-Viżjoni Malta 2050, il-pjan strateġiku ta’ pajjiżna għall-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin, tidentifika setturi bħal dak tal-manifattura li huma ċentrali għall-kompetittività fit-tul ta’ pajjiżna. Din il-viżjoni ssemmi wkoll l-appoġġ lill-kumpaniji fis-settur tal-manifattura.

Matul iż-żjara, il-Prim Ministru Abela u l-Ministru Schembri daru mal-faċilitajiet u ltaqgħu mal-ħaddiema tal-istess kumpanija.