Month: March 2026

F’laqgħa mal-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ewropea Henna Virkkunen, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem b’mod ewlieni fuq il-prijoritajiet ta’ pajjiżna fosthom l-importanza li nassiguraw il-qalba diġitali f’Suq Waħdieni li jaħdem għal kulħadd, inkluż għal Stat Membru bħal ma’ hu pajjiżna.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-konnettività Ewropea, anki fi żmien ta’ sfidi internazzjonali fil-qasam tal-enerġija, hija kruċjali. Spjega li dan kollu jmiss mal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika.

Mal-Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Sovranità Teknoloġika, is-Sigurtà u d-Demokrazija, Dr Abela tenna wkoll l-ħtieġa ta’ solidarjetà u approċċ komuni f’oqsma bħall-marittimu, fil-kuntest ukoll tal-iżviluppi li kellu l-Mediterran b’rabta mat-tanker Arctic Metagaz.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, il-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, il-Kurunell Mark Mallia u l-Konsulent tal-Prim Ministru fuq l-Affarijiet Ewropej, Leandro Borg.

PR260461

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mad-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg, indirizza avveniment organizzat minn Tastees Manufacturing Ltd li matulu l-kumpanija ħabbret it-tnedija ta’ prodotti ġodda. L-avveniment serva wkoll bħala ċelebrazzjoni tal-mixja ta’ suċċess tal-kumpanija, li sa mit-twaqqif tagħha fl-1969 baqgħet tikber u tissaħħaħ, biex illum stabbiliet ruħha bħala waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tal-manifattura tal-ikel f’pajjiżna, bi prodotti li kisbu post distint fis-suq lokali u lil hinn minnu.

Fl-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Abela rrimarka li l-Gvern se jibqa’ impenjat biex isostni ekonomija, li tippermetti li jiġu appoġġjati negozji Maltin u Għawdxin li juru r-rieda u l-kuraġġ li jespandu. Huwa fakkar li, fi żmien meta bosta kumpaniji madwar l-Ewropa affaċċjaw sfidi u inċertezzi bla preċedent, il-Gvern Malti daħal biex jiżgura stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija, bil-għan li jagħti ċertezza lin-negozji sabiex ikunu jistgħu jkomplu jippjanaw għall-futur.

Huwa żied jgħid li l-inizjattiva Malta Business Wallet ser isservi bħala għodda diġitali li tissimplifika b’mod sostanzjali l-proċessi relatati mad-due diligence u l-obbligi ta’ compliance.

Dr Abela sostna li ekonomija reżiljenti u ppreparata għall-futur teħtieġ forza tax-xogħol imħejjija għall-isfidi t’għada. Għalhekk, il-Gvern qed ikompli jinvesti fit-tisħiħ tal-ħiliet tal-ħaddiema. Huwa qal li fix-xhur li ġejjin, permezz tal-inizjattiva “AI għal Kulħadd”, il-ħaddiema se jkunu mgħejuna biex ikomplu jtejbu l-ħiliet diġitali, b’hekk il-forza tax-xogħol f’pajjiżna tkun mgħammra biex tlaħħaq mal-avvanzi teknoloġiċi.

Il-Prim Ministru spjega wkoll kif dawn l-isforzi qed jiġu msaħħa permezz ta’ diversi skemi u assistenza offruti minn entitajiet pubbliċi fosthom Malta Enterprise, INDIS Malta u TradeMalta. Huwa qal li, permezz tal-assistenza mill-entitajiet pubbliċi, il-Gvern qed jiżgura li n-negozji jingħataw l-appoġġ meħtieġ.

Huwa sostna li kien proprju dan il-qafas ta’ appoġġ li ħeġġeġ kumpaniji bħal Tastees Manufacturing Ltd biex jinvestu aktar, jadottaw teknoloġiji ġodda u jkabbru l-operat tagħhom. Il-Prim Ministru qal li, permezz tal-investiment fit-teknoloġija u fl-awtomazzjoni, Tastees Manufacturing Ltd qed turi b’mod ċar li l-industriji lokali jistgħu jkomplu jevolvu, iżidu l-kapaċità produttiva tagħhom u jikkompetu b’suċċess fuq livell internazzjonali.

Dr Abela qal li l-viżjoni li tħaddan din il-kumpanija  hija konformi mal-prinċipji tal-Viżjoni Malta 2050 – viżjoni li tpoġġi enfasi fuq l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà u l-ħolqien tal-valur miżjud.

Id- Deputat Prim Ministru Ian Borg qal li Tastees Manufacturing Ltd u l-espansjoni kontinwa tagħha, “juru kif bl-appoġġ ta’ entitajiet bħal TradeMalta, kumpaniji Maltin jistgħu jkomplu jikbru lil hinn minn xtutna u jilħqu swieq internazzjonali. Huwa żied jgħid li, “il-prodotti ta’ din il-kumpanija mhux biss jirrappreżentaw suċċess kummerċjali, iżda jservu wkoll bħala mezz kif nibqgħu nippromwovu lil Malta madwar id-dinja.”


“Dak li jipproduċu Tastees Manufacturing Ltd mhux biss sinonimu ma’ dawk kollha li jżuruna iżda qed jwassal l-kwalità u l-identità Maltija kull fejn jiġi esportat,” temm jgħid id-Deputat Prim Ministru Borg.

PR260454

Madwar il-mejda tad-diskussjonijiet mal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li l-Unjoni Ewropea trid tieħu azzjoni f’waqtha biex tegħleb l-inflazzjoni b’mod partikolari fil-qasam tal-enerġija, fl-isfond tal-isfidi li qed jippreżenta l-kuntest ġeopolitiku sensittiv bit-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani.

Waqt il-laqgħa, il-Prim Ministru qal li l-konsolidazzjoni tas-Suq Waħdieni trid tissarraf b’impatt pożittiv reali li jinħass miċ-ċittadini u n-negozji fl-Istati Membri kollha, inkluż dawk ta’ pajjiżi fil-periferija u li mhux konnessi bħal Malta. Huwa spjega kif dan japplika wkoll għall-prezzijiet tal-enerġija, li f’pajjiż bħal Malta għandhom impatt ferm aktar wiesa’ minħabba ż-żidiet fl-ispiża marbuta mat-trasport u l-loġistika.

“Irridu nkunu ta’ sostenn għall-familji u n-negozji tagħna b’miżuri li jipproteġuhom mill-impatt tal-inflazzjoni, u allura rridu nsibu modi kif noffru stabbiltà u nilqgħu għax-xokkijiet esterni. Għandna għażla quddiemna – jew ngħollu l-prezzijiet u noħolqu aktar piżijiet u frammentazzjoni fis-Suq Waħdieni, inkella nassorbu l-pressjonijiet u nipproteġu l-kompetittività tagħna. Pajjiżna se jibqa’ jara li joffri stabbiltà lill-familji u n-negozji kif għamilna sa mill-bidu tal-kriżi tal-enerġija fl-2022,” sostna l-Prim Ministru.

Matul il-laqgħa, il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-ittra li bagħat lill-President tal-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-mexxejja tal-Italja, Spanja, Greċja u Ċipru, dwar it-tanker Russu sanzjonat, Arctic Metagaz. Huwa saħaq kif filwaqt li l-Awtoritajiet Maltin kienu qed isegwu b’reqqa l-iżviluppi madwar dan il-każ u kienu mħejjija bi pjan ta’ kontinġenza, jeħtieġ li tinstab soluzzjoni Ewropea effettiva għal dawn il-kriżijiet Ewropej li qed iġibu magħhom riskji ta’ sigurtà marittima u sfreġju ekoloġiku fil-Mediterran.

Ċentrali f’dan is-summit kienu wkoll id-diskussjonijiet dwar l-aħħar żviluppi fl-Ukrajna u l-Lvant Nofsani, bil-Prim Ministru Malti jgħid li f’dan tal-aħħar, hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tagħmel sforzi diplomatiċi serji favur deskalazzjoni, koordinazzjoni u djalogu b’saħħtu sabiex jintemm il-kunflitt. Il-mexxejja kellhom ukoll skambju mas-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres, fejn il-Prim Ministru saħaq fuq ir-rispett lejn il-liġi internazzjonali u sostna li f’dan il-kuntest, jispikka dejjem aktar il-bżonn li nsaħħu l-multilateraliżmu, bin-Nazzjonijiet Magħquda tibqa’ fiċ-ċentru tas-sistema internazzjonali.

Il-Prim Ministru pparteċipa wkoll fis-Summit tal-Euro li tratta b’mod prominenti l-pressjonijiet tal-inflazzjoni, fejn Dr Abela spjega kif l-impatt huwa sproporzjonat fuq pajjiżi bħal Malta li għandhom ekonomija miftuħa u dipendenti fuq l-importazzjoni. Huwa sostna li fl-immedjat iridu jittieħdu miżuri proporzjonati u responsabbli li jappoġġjaw l-ekonomija, filwaqt li jridu jibqgħu sostnuti l-miri fit-tul li jħarsu lejn riformi strutturali, aċċess għall-finanzjament lill-kumpaniji u l-investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. F’diskussjoni separata, il-mexxejja ddiskutew ukoll il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2028–2034, fejn ingħata rendikont tal-progress milħuq u ddiskutew il-passi li jmiss bil-mira li jintlaħaq qbil fuq kompromess ġust sal-aħħar tas-sena.

Qabel is-Summit tal-Kunsill Ewropew il-Prim Ministru Robert Abela pparteċipa wkoll f’laqgħa informali fuq it-tema tal-migrazzjoni ma’ numru ta’ pajjiżni oħra Ewropej, fejn mill-ġdid ġie sostnut l-importanza tar-ritorni effettivi. Matul din id-diskussjoni, il-Prim Ministru rrifletta dwar l-impatti aktar wiesgħa u fit-tul fuq il-kontinent Ewropew tal-kunflitt fil-Lvant Nofsani, inkluż ir-riskju serju ta’ pressjonijiet migratorji, u qal li l-Unjoni Ewropea trid tkun imħejjija għal din l-eventwalità, primarjament permezz ta’ aktar ħidma mal-pajjiżi tat-tluq u tat-tranżitu.

PR260442

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-faċilitajiet ta’ Ambitious f’Birkirkara, start-up bijoteknoloġika mwaqqfa fl-2022, li ġġib flimkien il-bijoloġija, il-materjal u l-fabbrikazzjoni diġitali permezz ta’ sistemi ta’ produzzjoni sostenibbli.

Matul iż-żjara, ġie ppreżentat il-proġett Neolithic Futures, li juża skart tal-kostruzzjoni u materjal ieħor bħal arzell biex, permezz tal-istampar 3D, terġa’ tinħoloq il-ġebla tal-franka. Għal dan il-proġett il-kumpanija Ambitious qed tikkollabora ma’ żewġ kumpaniji lokali li joperaw f’setturi oħra, dik ta’ BilVen Ltd li taħdem fis-settur tal-kostruzzjoni u Bacchus Restaurant li topera fl-industrija tal-ikel. Dan kollu juri li setturi differenti jistgħu jaħdmu flimkien biex jinħolqu soluzzjonijiet sostenibbli.

Matul din iż-żjara ġie enfasizzat l-irwol kruċjali tal-istart-ups f’Malta bħala mutur għall-innovazzjoni, li jgħaqqdu r-riċerka, it-teknoloġija u l-industrija biex joħolqu opportunitajiet ġodda. Permezz ta’ inizjattivi bħal dawn, qed tissaħħaħ l-ekonomija ċirkolari u qed jitħejja futur dejjem aktar sostenibbli.

Dan il-proġett innovattiv huwa ffinanzjat minn Xjenza Malta permezz tal-programm FUSION: R&I Research Excellence Programme 2024, u huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050. Dan hekk kif qed jippromwovi trasformazzjoni diġitali, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u żvilupp innovattiv ibbażat fuq l-identità tagħna.

PR260436

Wara ħidma fi ħdan il-Gvern u l-Grupp Parlamentari tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma għas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ippreżenta sett ta’ emendi għall-Kodiċi tal-Etika tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati fil-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

L-emendi għandhom l-għan li jaġġornaw dan il-Kodiċi għall-ħtiġijiet tal-preżent filwaqt li jgħollu l-istandards mistennija mid-deputati parlamentari. It-tibdil jinkludi wkoll sett ta’ prinċipji li jipprovdu ċarezza lill-membri parlamentari dwar l-imġiba mistennija minnhom.

Minbarra li se jkunu aġġornati l-obbligi tad-deputati tal-Kamra, l-emendi jintroduċu sistema aġġornata ta’ dikjarazzjoni tal-assi u obbligi ġodda biex jiġu indirizzati kunflitti ta’ interess fil-ħidma parlamentari. Għall-ewwel darba se jiġi introdott reġistru tal-interessi u l-obbligi ta’ rappurtaġġ se jiġu estiżi għal kull xogħol Parlamentari.

L-aġġornamenti proposti għall-Kodiċi tal-Etika tal-Kamra tad-Deputati jieħdu kunsiderazzjoni tal-proposti li saru fuq dan is-suġġett fl-aħħar snin, inkluż mill-Organizzazzjoni għall-Koperazzjoni u Żvilupp Ekonomiku (OECD), l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati nnifsu.

Ir-rappreżentanti tal-Gvern fil-Kumitat Permanenti għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Ministru Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul, iħarsu ’l quddiem għal diskussjoni produttiva mar-rappreżentanti tal-Oppożizzjoni. L-għan tal-Gvern huwa li jilħaq qbil mal-Oppożizzjoni dwar dawn l-emendi importanti u jkompli l-proċess parlamentari dwarhom fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Gvern jibqa’ kommess favur it-tisħiħ tal-etika u l-governanza tajba ġewwa pajjiżna. Din l-aħħar riforma tkompli tibni fuq is-sensiela ta’ liġijiet u inizjattivi li daħħlet din l-amministrazzjoni fl-oqsma kollha tad-demokrazija, partikolarment fil-qasam leġiżlattiv, il-qasam eżekuttiv, il-ģustizzja u l-amministrazzjoni pubblika.

Kopja tal-emendi kif preżentati fil-Kumitat huma mehmuża ma’ din l-istqarrija.