Month: December 2025

F’Ruma, wara l-laqgħa mal-Qdusija Tiegħu l-Papa Ljun, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore, fejn jinsab il-qabar ta’ Papa Franġisku.

Hawnhekk, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ sitt persuni li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kif ukoll ma’ uffiċjali tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, li matul il-jum tal-Ħadd attendew għal quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru fil-Vatikan, immexxija minn Papa Ljun fejn ġie ċċelebrat il-Ġublew tal-Priġunieri.

Malta ingħaqdet ma’ diversi pajjiżi oħra għal din iċ-ċelebrazzjoni li kienet iddedikata għall-priġunieri minn madwar id-dinja, bħala parti mill-Ġublew tal-Pellegrini tat-Tama 2025 li kien ta bidu għaliha il-Papa Franġisku. 

“L-opportunità li tajna lil dawn il-persuni tirrifletti l-ħidma tagħna favur ir-riabilitazzjoni tagħhom, sabiex jirritornaw lura lejn is-soċjetà bħala persuni aħjar,” tenna Dr Abela.

PR252257

Matul il-jum tat-Tnejn, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-Qdusija Tiegħu, il-Papa Ljun XIV, fil-librerija tal-Palazz Apostoliku fil-Vatikan. Din iż-żjara qed tikkommemora s-60 sena anniversarju mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede.

It-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u s-Santa Sede, fil-15 ta’ Diċembru 1965, jirrifletti l-valuri ta’ pajjiżna u r-rispett reċiproku bejn is-Santa Sede u Malta, ibbażat fuq il-prinċipji komuni tagħna tal-paċi u d-dinjità tal-bniedem.

Matul il-laqgħa, il-Papa u l-Prim Ministru Robert Abela rrikonoxxew ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn iż-żewġ naħat ibbażata fuq valuri komuni u impenn lejn il-ġid komuni.  

“Malta tibqa’ impenjata li ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha mas-Santa Sede, ibbażata fuq rispett reċiproku, valuri kondiviżi, u viżjoni komuni għad-dinjità tal-bniedem,” sostna Dr Abela.

Huma ddiskutew ukoll diversi temi fosthom il-ħidma favur il-paċi fi żmien ta’ sfidi ġeo-politiċi, kif ukoll dwar id-drittijiet ċivili, it-tibdil fil-klima u fuq il-bżonn ta’ soluzzjoni globali fir-rigward tal-isfida tal-immigrazzjoni.

“Is-sitwazzjoni umanitarja f’Gaża għadha waħda kritika ħafna. Malta tappoġġja l-isforzi kollha li jippermettu aċċess bla xkiel għall-għajnuna umanitarja, kif ukoll il-protezzjoni tan-nies, f’konformità ukoll mal-liġijiet internazzjonali. Hekk kif Malta rrikonoxxiet l-Istat tal-Palestina, issa inħarsu ’l quddiem għat-twettiq tas-soluzzjoni ta’ żewġ stati, fejn l-Iżrael u l-Palestina jgħixu ħdejn xulxin fil-paċi,” sostna l-Prim Ministru Abela.

Fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta lill-Qdusija Tiegħu l-Papa b’pittura bi xbiha ta’ Santu Wistin, impittra mill-artist John Martin Borg. Fl-isfond tal-pittura tidher il-Knisja Agostinjana ta’ San Mark u l-kunvent tal-patrijiet Agostinjani li jinsabu fir-Rabat Malta. Dan jirrappreżenta l-Knisja universali. Dr Abela ppreżenta wkoll rigali artiġġjanali magħmulin minn prodotti Għawdxin.

Matul iż-żjara fil-Vatikan, il-Prim Ministru kellu wkoll diskussjonijiet mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Pietro Parolin, fejn kien akkumpanjat ukoll mill-Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede, Frank Zammit.

PR252239

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur il-ħidma u t-tradizzjonijiet ta’ dawn iż-żminijiet fil-gżira Għawdxija

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, kompla biż-żjarat tiegħu f’Għawdex fejn seta’ jara mill-qrib l-entużjażmu u l-preparazzjonijiet għall-festi tal-Milied. Kienet ġurnata li laqqgħet flimkien il-bżulija tal-ħaddiema, is-suċċess tan-negozji u s-sbuħija tat-tradizzjonijiet li jagħtu identità lill-pajjiżna.

L-ewwel żjara fid-Direttorat tal-Manutenzjoni ta’ Għawdex, il-Prim Ministru ltaqa’ mal-ħaddiema li bħalissa jinsabu għaddejjin b’diversi xogħlijiet sabiex joħolqu id-dekorazzjonijiet li jżejnu t-toroq u jsebbħu l-gżira Għawdxija. Dawn ix-xogħlijiet qed jagħtu dehra unika lill-gżira u jkomplu jsaħħu l-atmosfera tal-Milied fil-komunitajiet kollha Għawdxin.

Wara, il-Prim Ministru żar Savina fejn seta’ josserva l-preparazzjoni ta’ rigali artiġġjanali magħmulin minn prodotti Għawdxin. Uħud minn dawn il-prodotti magħmulin f’Għawdex li minnhom qed isiru dawn ir-rigali artiġjanali se jiġu ppreżentati mill-Prim Ministru Robert Abela lill-Qdusija Tiegħu Papa Ljun XIV u lil diversi Mexxejja internazzjonali waqt iż-żjarat uffiċjali tiegħu fil-jiem li ġejjin.

Iż-żjara f’Għawdex kompliet ġewwa negozju prominenti ieħor Għawdxi, Vini e Capricci, kumpanija parti minn Abraham Holdings, fejn ix-xogħol għaddej fl-aqwa tiegħu. Hawn ġie nnutat kemm l-andament kummerċjali għaddej ġmielu f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. Il-Prim Ministru żar l-uffiċini u l-imħażen fejn bosta ħaddiema kienu impenjati jippakkjaw il-‘hampers’ u prodotti oħra li jinbiegħu tipikament f’dan l-istaġun. F’dawn iż-żewġ kumpaniji spikkat il-bżulija tal-ħaddiema Għawdxin, b’negozji li dejjem qed jikbru u jwieġbu għad-domanda kbira speċjalment fiż-żmien tal-festi.

Wara din iż-żjara, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jżur il-qalb kulturali ta’ Għawdex. Fix-Xagħra, il-Prim Ministru ltaqa’ ma’ Aaron Agius, dilettant tal-presepji li flimkien ma’ wliedu jiddedika ħinu biex jibni presepju artistiku għat-tgawdija tal-komunità. Iż-żjara għalqet fil-M.U.S.E.U.M. tan-Nadur. Hawnhekk, il-Prim Ministru seta’ jammira presepju spettakolari maħdum b’sengħa kbira mill-artist Jean Paul Portelli, xogħol rikonoxxut internazzjonalment.

Fi tmiem iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-ispirtu uniku tal-gżira Għawdxija. “Illum rajna Għawdex mimli ħajja bil-karatteristiċi tiegħu. Fuq naħa għandna l-innovazzjoni tan-negozji li qed joħolqu ġid u xogħol, u fuq naħa oħra l-qalb tal-artisti u l-voluntiera li jżommu l-identità tagħna ħajja. Huwa dan il-bilanċ bejn progress u tradizzjoni li jagħmel il-Milied f’Għawdex esperjenza tant speċjali”, qal Dr Abela.

PR252234

• Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Miriam Dalli mal-istudenti fil-White Rocks għat-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika ‘Shape your space’

• “Illum l-ewwel jum ta’ proġett fantastiku għall-familji” – il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli taw bidu għall-konsultazzjoni pubblika dwar it-tliet parks nazzjonali, fejn stiednu lill-pubbliku jaqsam l-ideat tiegħu fuq is-sit, parksinmalta.mt.

F’attività fil-White Rocks, flimkien ma’ 80 tifel u tifla minn tliet kulleġġi differenti, il-Prim Ministru Robert Abela qal li llum l-ewwel jum ta’ proġett fantastiku għall-familji li bih se nagħtu fost oħrajn il-White Rocks lura lill-poplu. Spjega li l-Gvern ried jibda l-konsultazzjoni mat-tfal u ż-żgħażagħ li se jkunu huma fost dawk li se jgawdu minn dawn l-ispazji miftuħa sbieħ u għalhekk irridu nisimgħu mingħandhom kif għandhom jinbidlu dawn il-postijiet f’parks nazzjonali.

Dr Abela spjega kif f’pajjiżna għandna iżjed minn mitejn spazju miftuħ. Il-pajjiż illum għandu ekonomija b’saħħitha li tippermettilu li jagħmel dak kollu possibbli biex anki fejn hemm obbligi li saru fil-passat, il-Gvern jirnexxielu jagħti lura lill-poplu tliet postijiet biex il-familji jgawdu mal-għeżież tagħhom. Hawn semma l-White Rocks, Manoel Island u Fort Campbell li fuqhom il-Prim Ministru Robert Abela ta impenn politiku li jingħataw lura lill-poplu.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif permezz tal-parksinmalta.mt, in-nies qed jiġu mistiedna jagħtu l-ideat tagħhom dwar x’jixtiequ jaraw f’dawn is-siti. “Din il-konsultazzjoni pubblika hija parti mill-pjan ta’ dan il-Gvern biex il-White Rocks, flimkien ma’ Manoel Island u Fort Campbell, jinbidlu f’parks nazzjonali. Nemmnu li biex tassew nagħtuhom lura lin-nies, dawn il-parks iridu jitfasslu skont ix-xewqat tan-nies, ta’ uliedna fuq quddiem nett”, qalet il-Ministru Dalli.

L-ewwel attività ta’ konsultazzjoni pubblika saret fil-White Rocks, post b’daqs ta’ 369,000 metru kwadru, li sa ftit taż-żmien ilu kien maħsub għal żvilupp ekonomiku. Il-Gvern se jkun qed jirtira s-sejħa pubblika għall-iżvilupp tal-White Rocks, sabiex minflok isir park nazzjonali għat-tgwadija tan-nies.

Fost l-ideat li t-tfal għaddew lill-Prim Ministru dalgħodu kien hemm li fil-Park Nazzjonali tal-White Rocks jinħolqu faċilitajiet sportivi bħall-basketball court u skatepark kif ukoll postijiet fejn jiġi pprattikat sport u logħob tradizzjonali bħall-boċċi u passju. Intqal li l-Park Nazzjonali għandu jinkludi żoni ddedikati għat-tfal bl-awtiżmu u aċċessibilità xierqa għall-persuni b’diżabilità. Studenti oħra semmew il-ħtieġa li l-White Rocks ikollu faċilitat għall-picnics u żoni għall-annimali domestiċi, b’emfasi fuq il-konservazzjoni tal-flora u fawna naturali u l-ħarsien ta’ insetti u pjanti indiġeni, proġett agrikolu għat-tkabbir ta’ ħaxix frisk u  mużewijiet ta’ kultura fil-binjiet eżistenti.

Permezz ta’ ‘idea wall’, l-istudenti mill-kulleġġi ta’ Santa Clara, Marija Reġina u San Nikola, kellhom l-opportunità li jkunu l-ewwel individwi li jaqsmu l-aspirazzjonijiet għal dan il-park. Huma ngħataw iċ-ċans li jiskopru aktar dwar il-post u jimmaġinaw x’jista’ jsir. Dan grazzi għal numru ta’ attivitajiet li Project Green organizzat speċifikament għalihom bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni.

Il-pubbliku huwa mistieden li jieħu sehem f’din l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni pubblika billi jżur parksinmalta.mt.

PR252218

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministri Clifton Grima u Stefan Zrinzo Azzopardi inawguraw il-binja l-ġdida tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija tal-Komunikazzjoni (IICT) fil-kampus ewlieni tal-MCAST f’Kordin. Il-binja, li tifforma parti mill-Pjan ‘Masterplan 2’ tal-MCAST, bdiet tintuża mill-istudenti fl-2024 u issa qed tkun uffiċjalment inawgurata b’investiment ta’ €14.5 miljun ko-finanzjat mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Imqassam fuq 11,900 metru kwadru, dan l-istitut ġdid jinkludi 58 spazju ġdid ta’ tagħlim, fosthom 30 laboratorju tal-kompjuters, 16-il klassi, 5 laboratorji ta’ hardware, żewġ network labs, laboratorji ta’ game development, u spazji għar-riċerka inkluż fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali. L-istudenti għandhom ukoll faċilitajiet ta’ green screen, robotics lab u għadd ta’ faċilitajiet oħra moderni li juru il-varjetà ta’ suġġetti fl-ICT li l-MCAST qed joffri.

Matul iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ studenti waqt il-lezzjonijiet tagħhom f’diversi laboratorji inklużi dawk tal-gaming, in-networking, tar-robotics u tar-Raspberry Pi. Dawn il-faċilitajiet ġodda qegħdin jagħtu esperjenza ta’ tagħlim prattiku filwaqt li jiffaċilitaw l-aċċess tal-istudenti għal tagħmir u teknoloġiji innovattivi li jsaħħu t-taħriġ tagħhom f’din l-industrija li qed tikber b’pass mgħaġġel.

F’kull sena, aktar minn elf student isegwu korsijiet marbutin mal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni li jinkludu software development, iGaming, cyber security u computer networking. L-MCAST qed jipprovdi mixja edukattiva sħiħa li tibda minn livell bażiku u tasal sal-livell ta’ Masters, bil-għan li jħejji lill-istudenti għal karrieri ta’ kwalità.

Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif meta ninvestu fl-edukazzjoni, ma ninvestux biss fil-bini iżda fl-ambizzjoni u fil-futur tal-istudenti tagħna. “Dak li rajt hawn illum hu futur diġitali li qed jinbena minn uliedna,  l-mexxejja ta’ għada. Permezz ta’ dan l-investiment u oħrajn bħalu, juri kemm dan il-Gvern jemmen fit-talent tal-istudenti tagħna u se jibqa’ jagħti l-opportunità lil kulħadd biex jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu”, qal il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru nnota wkoll kif dan l-investiment huwa parti minn direzzjoni olistika lejn il-Viżjoni Malta 2050 li tagħraf li l-aqwa opportunitajiet fil-qalba diġitali għandhom ikomplu jeħduhom iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Dr Abela semma wkoll l-investiment tal-Gvern li jkompli jinċentiva l-istudju fosthom biż-żieda ta’ 15% fl-istipendji u l-għotja sa €1,500 lill-ġenituri ta’ wlied li jkomplu jistudjaw wara l-edukazzjoni obbligatorja.

Dan il-proġett huwa parti minn investiment ta’ €32.9 miljun li jinkludi tliet binjiet ġodda f’dan il-kampus, kollha maħsuba biex isaħħu l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-opportunitajiet għall-istudenti.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li “Dan l-investiment mhux biss itejjeb l-esperjenza edukattiva tal-istudenti tal-ICT, iżda jsaħħaħ ukoll il-viżjoni tagħna li nibnu sistema edukattiva moderna u f’pass mal-ħtiġijiet tal-ekonomija diġitali. Bini bħal dan jagħti lill-istudenti tagħna l-aqwa ambjent fejn jitgħallmu, jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom u jippreparaw ruħhom għal karrieri ta’ suċċess f’settur li qiegħed dejjem jevolvi.”

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, tenna l-importanza li l-pajjiż ikompli jinvesti fl-edukazzjoni u fl-iżvilupp tal-ħiliet, b’mod partikolari fil-qasam tat-teknoloġija u l-ICT. Huwa saħaq li l-ftuħ tal-binja l-ġdida tal-IICT fl-MCAST huwa pass ieħor lejn il-bini ta’ ‘Malta tal-ħiliet’, li tipprepara lill-istudenti u lill-ħaddiema għal dinja diġitali li qiegħda tevolvi b’pass mgħaġġel.

“B’investimenti bħal dawn, qegħdin niżguraw li ż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-aqwa ambjent, l-aktar teknoloġija moderna u l-ħiliet meħtieġa biex jirnexxu f’dinja li tinbidel kuljum. Din il-binja mhijiex biss struttura; hija wegħda li Malta se tkompli tibni fuq il-potenzjal tan-nies tagħha,” qal il-Ministru Zrinzo Azzopardi.