Month: April 2024

PR240538

Issiġillat ftehim kollettiv ġdid għal madwar elf ħaddiem tal-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS), li jsaħħaħ il-professjonisti u l-ħaddiema ta’ din il-Fondazzjoni mhux biss b’kundizzjonijiet aħjar u żidiet ġusti li jirriflettu r-realtajiet tal-lum iżda anki jsaħħaħ il-progress fil-karriera ta’ dawn il-ħaddiema b’titjib fit-taħriġ u l-iżvilupp personali tal-ħaddiema kollha tal-FSWS. Qabel il-ftehim iffirmat tkellem il-Prim Ministru Robert Abela, li sostna li biex inwettqu flimkien anki fis-settur soċjali, irridu naraw li kulħadd ikun stmat kif jixraq u jkollu ċ-ċans jimxi ’l quddiem.

Fil-preżenza ta’ bosta ħaddiema tal-FSWS, il-Prim Ministru nnota kif dan il-ftehim jirrikonoxxi l-ġid li jagħmlu dawn il-ħaddiema b’imħabba li għandhom u juru lejn xogħolhom u mal-klijenti tagħhom. Dr Abela saħaq li dan mhuwiex xi ftehim kollettiv iżolat u fakkar kif fl-aħħar snin ġew issiġillati ftehimiet kollettivi u settorjali importanti. “Lill-familji nsaħħuhom billi nagħtu l-aqwa ħarsien, riżorsi u l-għodda li huma intom il-ħaddiema stess,” qal il-Prim Ministru Robert Abela. Fisser il-ħaddiema tal-FSWS bħala katalisti biex ikunu hemm għall-persuna biex tqum fuq saqajha u timxi ’l quddiem u qal li dan hu ftehim li jinvesti fil-ħaddiema li huma ta’ servizz għan-nies u jwettqu bidla pożittiva f’ħajjet in-nies. “Bħala anki Avukat li pprattikajt fil-Qorti tal-Familja nirrikonoxxi kemm intom bħala ħaddiema kapaċi toffru tama lil min qata’ qalbu,” qal Dr Abela. Il-Prim Ministru rringrazzja wkoll lit-tmexxija tal-FSWS u lill-UĦM Voice of the Workers, bħala r-rappreżentanti tal-ħaddiema, li fid-diskussjonijiet għal ftehim ta’ ħames snin, fittxew għan komuni favur l-interess tal-ħaddiema u s-soċjetà li tmiss mas-servizz mogħti mill-istess ħaddiema.

Qabel l-iffirmar tal-ftehim, il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon qal li dan il-ftehim ikompli jsaħħaħ il-progress tal-karriera f’din il-professjoni tant importanti għal pajjiżna. “Aktar minn hekk imma, dan il-ftehim kollettiv huwa parti essenzjali u vitali fil-katina ta’ tmexxija, fejn ħafna minn dawn il-professjonisti huma jew gradwati jew għandhom ħafna snin ta’ esperjenza jew it-tnejn u għaldaqstant, dan għandu jkun rikonoxxut bil-fatti u b’titjib fis-salarji u fil-kundizzjonijiet,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS, Alfred Grixti saħaq li f’dawn it-tip ta’ negozjati mhix kwistjoni ta’ min jirbaħ u min jitlef, imma hija sitwazzjoni fejn irid jirbaħ kulħadd. “Fil-każ tagħna jrid ikun ftehim li ma jinsiex l-klijenti tagħna, lil aktar minn 23,000 persuna vulnerabbli li għandna l-unur u l-privileġġ li ngħinu u nakkumpanjawhom kuljum”, qal Grixti. Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-UHM Voice of the Workers Josef Vella, li faħħar ix-xogħol tal-ħaddiema soċjali  li tant jagħmlu ġid fis-skiet, b’piż emozzjonali u ħidma bla ħinijiet. “Huwa t’unur għalina bħala UHM li niffirmaw ftehimiet bħal dawn li se jkomplu jtejbu l-kundizzjonijiet ta’ madwar elf ħaddiem. Kemm tagħmel frott u xi kwalità ta’ frott tiddependi mill-ħidma tal-ħaddiema infushom, u għalhekk nappella għal ħidma akbar f’dan is-settur tant importanti,” stqarr Vella.

Jippresedu l-iffirmar tal-ftehim kollettiv flimkien mal-Prim Ministru Abela u l-Ministru Falzon kien hemm is-Segretarji Permanenti Joyce Cassar u Mark Musù.

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela laqgħu lill-President ta’ Malta George Vella u lis-Sinjura Miriam Vella fil-Berġa ta’ Kastilja għal ċena uffiċjali ad unur il-President Vella bħala turija ta’ ringrazzjament għas-servizz li ta lill-Istat Malti. Preżenti kien hemm ukoll il-President-Elett, in-Nutar Myriam Spiteri Debono.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela fisser lill-President George Vella bħala raġel magħġun b’valuri b’saħħithom. Il-Prim Ministru qal li l-President Vella fittex l-ewwel il-ġid komuni u wera ġest ta’ mħabba kbira lejn il-poplu Malti u Għawdxi meta għat-tul tal-Presidenza tiegħu għażel li jissagrifika lilu nnifsu u ma jaħdimx mill-Palazz tal-Belt. Dan sabiex din il-ġawhra terġa’ lura għall-glorja tagħha permezz ta’ proġett ta’ restawr estensiv li twettaq. Il-Prim Ministru sostna wkoll li l-Istat Malti se jibqa’ rikonoxxenti lejn is-servizz li ta Dr Vella għal Malta.

Waqt din iċ-ċena uffiċjali saru indirizzi wkoll mill-President ta’ Malta u l-Kap tal-Oppożizzjoni.

PR240517


Bit-tema “Inwettqu Flimkien”, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-implimentazzjoni tal-programm elettorali tul dawn l-aħħar sentejn waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Berġa ta’ Kastilja. Fuq quddiem nett, it-titjib fl-għajxien tal-poplu Malti u Għawdxi, b’kontijiet orħos tal-enerġija. Saħaq li l-istabbiltà ġejja minn prezzijiet orħos, kemm tal-kontijiet tal-enerġija kif ukoll ta’ prodotti essenzjali tal-ikel, wasslet għall-fiduċja li ssarrfet f’iktar tkabbir ekonomiku. Il-Prim Ministru Robert Abela qal li “Mhux biss bqajna nirreġistraw l-ogħla tkabbir fl-Unjoni Ewropea, iżda iktar minn hekk, il-ġid qed jilħaq iktar nies.”

Irrefera għall-figuri tal-Eurostat li juru li l-ġid nazzjonali ras għal ras qed jaqbeż il-medja taż-Żona Ewro. Kisba sinifikattiva meta ħdax-il sena ilu ż-Żona Ewro kellha ġid per capita ta’ 21% aħjar minn ta’ pajjiżna. U għax l-ekonomija serja tajjeb, sostna Dr Abela, il-Gvern seta’ jagħti żidiet fiċ-Children’s Allowance, żidiet fil-pensjonijiet u għajnuniet ġodda lill-first-time buyers u lill-ġenituri li wliedhom jibqgħu jistudjaw wara l-età obbligatorja. Dan minbarra l-għajnuna addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja b’mekkaniżmu ġdid għall-aktar vulnerabbli.

Dwar l-ambjent, inizjattiva ġdida li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela kienet il-proġett li permezz tiegħu Wied Inċita f’Ħ’Attard jibda jitgawda mill-pubbliku fi ftit xhur biss oħra. L-istess għall-proġett f’Ta’ Qali li se jkun jista’ jibda jitgawda mix-xahar id-dieħel. Elenka ħidmet l-aġenzija Project Green u kif din qed taħdem fuq aktar spazji ġodda li se jkunu aċċessibbli f’madwar ħames minuti biss bil-mixi għal aktar minn 12,000 ruħ.

Tkellem dwar is-suq tax-xogħol u kif għandna l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja. Spjega kif għal kull persuna tirreġistra għal impjieg hemm tmien postijiet tax-xogħol li jridu jimtlew. Qal li dak kien ifisser li kienu jinħtieġu persuni ta’ nazzjonalitajiet oħra li ġabu magħhom ċertu sfidi. Dr Abela qal li,“Għalhekk daħħalna l-iskills passport fis-settur tat-turiżmu, għalhekk qed nirregolaw l-kirjiet bi standards ogħla, għalhekk daħħalna regoli ġodda għal min irid isuq karozza b’Y-Plate f’pajjiżna u għalhekk daħħalna l-ewwel liġi fuq it-temping agecies.” Dwar it-temping agencies il-Prim Ministru ħabbar li l-liġi daħlet fis-seħħ u li sa issa rreġistraw 31 operatur biex issa l-operaturi għandhom ċans sal-1 ta’ Ġunju 2024 biex jaġġustaw l-operat tagħhom.

Dwar investimenti kapitali, il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern investa somma rekord fi proġetti infrastrutturali, edukattivi, sportivi, marittimu, soċjali u ambjentali. Dan filwaqt li Malta baqgħet vuċi internazzjonali b’saħħitha u kompliet issaħħaħ ir-reputazzjoni tagħha.

Il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li Malta se tibqa’ waħda riformista, li toffri kwalità ta’ ħajja aħjar għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.