Month: April 2024

Il-Prim Ministru Robert Abela fl-ewwel jum ta’ Summit Informali tal-Kunsill Ewropew fi Brussell. Il-Prim Ministru Malti ma’ mexxejja Ewropej oħra beda s-Summit fil-Palazz Irjali b’laqgħa mar-Re tal-Belġju. F’kummenti mal-midja wara l-bidu tas-Summit, tkellem dwar temi importanti kurrenti fosthom it-tensjonijiet fil-Lvant Nofsani u semma kif fil-Kunsill se jwassal messaġġ tal-qrabat tal-ostaġġi miżmuma mill-Ħamas u ħabbar li Malta se tilqa’ aktar tfal midruba f’Gaża biex jirċievu l-kura meħtieġa.

PR240585

• Il-Prim Ministru Robert Abela jinnota l-investiment frott livell b’saħħtu tal-ħaddiem Malti u l-impenn tal-investitur

Il-Prim Ministru Robert Abela inawgura espansjoni tal-fabbrika ta’ Pharmadox Healthcare Ltd. fiż-żona industrijali ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid. Flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, il-Prim Ministru żar ukoll ix-xogħol li għaddej fuq fabbrika oħra fl-istess kumpless industrijali.

Wara li ltaqa’ mal-ħaddiema, fosthom xjentisti u speċjalisti f’din il-fabbrika Maltija ta’ sidien Maltin u li hi fdata bl-ittestjar ta’ ħafna mediċini ġejjin minn fost l-aqwa kumpaniji internazzjonali, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li fid-diskussjonijiet fuq livelli differenti mhux biss nitkellmu dwar id-diversifikazzjoni fl-ekonomija biex ikollna setturi ġodda iżda anki dwar diversifikazzjoni f’setturi li diġà jeżistu.

Dr Abela qal li huwa għalhekk li rridu nkomplu nsaħħu l-industrija tal-farmaċewtika, li diġà hi waħda b’saħħitha anki frott politika ekonomika soda li wasslet biex Malta għandha ġurisdizzjoni ta’ eċċellenza u issa pajjiżna jrid ikompli jimbotta anki fuq livell Ewropew il-ħtieġa li nsaħħu l-produzzjoni tal-mediċini fl-Ewropa. “Irrid nara li f’dan il-qasam, l-Unjoni Ewropea toffri iktar fondi għal riċerka u innovazzjoni biex din l-industrija tkompli ssaħħaħ l-awtomazzjoni u biex ikollha proċessi iktar sostenibbli ambjentalment,” qal il-Prim Ministru Abela.

Il-Prim Ministru aċċenna fuq l-enfasi li nikkonsolidaw l-investiment li għandna u għalhekk huma importanti l-espansjonijiet u t-tkabbir fl-operat bħal dawk ta’ Pharmadox, kumpanija Maltija li bdiet bi ftit ħaddiema u llum qed tqarreb lejn il-mitejn impjieg ta’ kwalità. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li pajjiżna qatt ma għandu jieħu s-suċċess ekonomiku ovvju, anki wara credit ratings li jinnutaw il-kisbiet ekonomiċi kbar ta’ Malta iżda rridu nibqgħu attenti li nikkapitalizzaw fuq l-opportunitajiet il-ġodda. Dan nagħmluh anki bl-investiment fil-qasam edukattiv li jħejji l-istudenti għall-impjiegi speċjalizzati f’oqsma emerġenti. Il-Prim Ministru żied jgħid li f’pajjiżna naraw livell b’saħħtu tal-ħaddiem Malti u Għawdxi li huma r-raġuni għaliex l-investiment f’Malta jkompli jikber u tiżdied il-fiduċja f’pajjiżna mill-investitur li qed jitfa’ flusu f’oqsma li jħallu valur għoli miżjud fl-ekonomija Maltija.

F’Pharmadox Healthcare Ltd., li qed tara investiment li se jaqbeż is-€6.5 miljun, tkellem ukoll il-Ministru Silvio Schembri, li qal li l-espansjoni ta’ Pharmadox, l-unika kumpanija Maltija tal-farmaċewtika, hija turija tal-fiduċja li s-settur privat għandu fl-ekonomija ta’ pajjiżna. “Dan ikompli jawgura tajjeb għall-futur ta’ pajjiżna. Espansjonijiet bħal dawn jistgħu jsiru wkoll, grazzi għall-ħidma konġunta bejn entitajiet varji fi ħdan id-dekasteru tal-ekonomija, l-INDIS u Malta Enterprise, li kif urew f’dan il-każ qed ikunu spalla ma’ spalla mas-settur privat bl-għajnuniet u l-iskemi li joffru. Dan qed ikun ta’ wens għan-negozjanti u investituri li jafu li għandhom ekosistema f’pajjiżna li jistgħu jorbtu fuqha,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

PR240580

Fuq stedina tal-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel, il-Prim Ministru Robert Abela attenda għal-laqgħa flimkien ma’ erba’ mexxejja Ewropej bi tħejjija għall-Aġenda Strateġika tal-Unjoni Ewropea għall-ħames snin li ġejjin (2024-2029).

B’din il-laqgħa f’dan il-format iżgħar, issegwi laqgħat oħra ta’ dan it-tip, fosthom dik li attenda l-Prim Ministru għaliha ftit tal-ġimgħat ilu fil-Kroazja biex isir xogħol preparatorju sabiex titfassal l-Aġenda Strateġika għall-mandat li jmiss. Aġenda li tiddirezzjona l-prijoritajiet, li ser jaħdmu fuqhom l-istituzzjonijiet Ewropej fil-ħames snin li ġejjin.

Madwar il-mejda, il-Prim Ministru Robert Abela poġġa ’l quddiem, il-prijoritajiet li huma ta’ importanza għal Malta, prijoritajiet li jduru ma’ dak li qegħdin jgħixu u jesperjenzaw il-familji u li hu ta’ prijorità għalihom. Il-Prim Ministru tkellem dwar prijoritajiet li jduru mal-paċi, it-tkabbir ekonomiku, l-immigrazzjoni, is-soċjal, it-trasport, l-enerġija u s-saħħa fost oħrajn. 

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li f’diskussjonijiet bħal dawn fi gruppi iżgħar, il-mexxejja jkunu jistgħu jidħlu aktar fid-dettall dwar kwistjonijiet speċifiċi u li għalhekk id-diskussjoni dwar l-Aġenda Strateġika tipprovdi pjattaforma unika biex isir dan. Bil-prijoritajiet  għandhom jiffokaw fuq il-benefiċċji tanġibbli li l-Unjoni tipprovdi għaċ-ċittadini u kif dawn ser inkomplu ntejbuhom. 

“Irridu li l-familji tagħna jirrelataw, jifhmu u jgawdu finalment mill-ħidma tal-Unjoni Ewropea u għalhekk jeħtieġ li l-prijoritajiet għall-ħames snin li ġejjin ikunu jirriflettu l-prijoritajiet tan-nies.”

Dwar is-suq uniku, il-Prim Ministru Abela spjega li għad hemm ċirkostanzi fejn ċerti pajjiżi bħal Malta jibqgħu żvantaġġati. Għalhekk, qal li meta nitkellmu dwar is-suq uniku, jeħtieġ li nimxu milli nirrikonoxxu l-isfidi biss u nassiguraw azzjoni konkreta b’mod partikolari fejn jidħol l-aċċess għall-mediċini.

Madwar il-mejda, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-ħtieġa li nsaħħu r-relazzjonijiet ma’ pajjiżi li għandhom l-istess valuri u prinċipji tagħna, biex tkompli tissaħħaħ is-sigurtà ekonomika.

Fid-diskussjoni dwar l-interkonessjonijiet tal-enerġija u t-trasport, il-Prim Ministru tenna l-importanza li ma tintilifx il-kompetittività Ewropea u li l-pajjiżi membri kollha għandu jkollhom l-istess opportunitajiet. B’din, fi kliem il-Prim Ministru, m’għandiex tkun għażla, għaliex dawn huma kruċjali għall-membri stati, speċjalment għal Malta. “U n-negozji u ċ-ċittadini tagħna, dwar l-isfidi marbuta ma’ dan is-suġġett qegħdin jistennew azzjoni konkreta.”

Mal-mexxejja mbagħad, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem fuq pożizzjoni oħra konsistenti li ilna nimbuttaw bħala Gvern Malti. “Meta nitkellmu dwar l-immigrazzjoni, jeħtieġ ħidma koordinata li tipprevjeni t-tluq ta’ immigranti mill-Afrika ta’ Fuq. U dan isir mhux bi sforz u ħidma min-naħa waħda, jiġifieri l-Unjoni Ewropea iżda anki mal-pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq. Id-djalogu ma’ dawn il-pajjiżi huwa kruċjali.”

Ikkonkluda li jeħtieġ nitkellmu u naħdmu id f’id ma’ pajjiżi bħal Libja, xi ħaġa li Malta mbuttat u qed tmexxi ’l quddiem. “Pajjiż b’potenzjal enormi fir-reġjun tal-Mediterran li aħna għandna viżjoni ċara għalih. Li jkun ċentru anki ta’ enerġija nadifa u li joħloq opportunitajiet.”

PR240563

Id-dar tal-anzjani Dar San Ġużepp mibnija fuq aktar minn tliet tomniet f’Għajnsielem, ġiet inawgurata l-Ħamis filgħodu mill-Prim Ministru Robert Abela, li ddeskriva din id-dar bħala waħda li toffri kwalità tal-ħajja lill-anzjani Għawdxin.

Id-dar li bdiet tilqa’ l-ewwel anzjani fil-ġimgħat li għaddew għandha mal-mija u għoxrin sodda mifruxa fuq erba’ sulari. Hija waħda tal-ogħla standards u tinkludi żoni mdaqqsa ta’ spazji miftuħa għat-tgawdija tar-residenti.

Fid-diskors tal-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-post kellu potenzjal għal proġetti varji, iżda l-Gvern għażel li ssir dar għall-anzjani Għawdxin. “L-għażla ma kinitx biss tal-Gvern. Iżda tal-Gvern mal-Knisja u mas-settur privat li ssieħeb biex joffri s-servizz. M’hemmx eżempju aħjar ta’ kif irridu nwettqu flimkien,” saħaq il-Prim Ministru.

Irrefera għall-istrateġija għal Għawdex għall-għaxar snin li ġejjin u kif il-kwalità ta’ ħajja aħjar għall-Għawdxin kollha hija prijorità ewlenija, inkluż l-anzjani. Tkellem dwar il-bżonn li l-anzjani jibqgħu attivi, kemm meta jgħixu b’mod indipendenti fil-qalba tal-komunità kif ukoll meta jidħlu f’dar residenzjali. Saħaq li ċ-ċokon ta’ pajjiżna nistgħu nisfruttawh biex dawk l-anzjani li jidħlu f’dar jibqgħu involuti fil-komunità u attivi.

Semma ċ-ċentri ta’ matul il-jum mifruxin madwar il-gżira, l-Università tat-Tielet Età, iċ-ċentri ta’ matul il-lejl u l-firxa wiesgħa ta’ servizzi offruti fil-qalba tal-komunitajiet Għawdxin. Il-Prim Ministru qal li dawn, flimkien ma’ kliniċi ġodda fil-komunità u bereġ tas-saħħa qed ikomplu jassiguraw li l-anzjani jgħixu komdi, b’aċċessibbiltà sħiħa għas-servizzi offruti.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri sostna, “Dan hu investiment importanti ferm għax illum il-ġurnata nistgħu ngħidu li għandna dar tal-anzjani tal-ogħla livell li se tkun qed tilqa’ fiha madwar 120 anzjan u anzjana. Però aktar minn hekk, dar li se tkun qiegħda tgħolli l-kwalità tal-ħajja tal-anzjani tagħna. Ir-residenti li diġà daħlu u qed jgħixu hawnhekk tawna kummenti pożittivi ferm u ninsab konvint li din se tkun dar tal-ogħla standards għal dawk kollha li se jkunu qegħdin jgħixu hawn u għall-ħaddiema li se jkunu qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom 24 siegħa kuljum f’din ir-residenza.”

Qabel l-inawgurazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ltaqgħu mar-residenti u l-ħaddiema tad-dar. Huma kienu akkumpanjati mid-diriġenti ta’ CareMalta li qegħdin joperaw Dar San Ġużepp.

PR240552

“Il-viżjoni tagħna hi ċara. Kull tifel u tifla, irrispettivament mill-abbiltajiet differenti tagħhom, jixirqilhom mhux biss livell t’għajxien tajjeb iżda kwalità ta’ ħajja li ma għandhiex limitu.” Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Prim Ministru Robert Abela waqt wirja t’arti li ttellgħet fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja bħala parti mill-proġett VB ArtBeat, li jippromovi l-ħiliet artistiċi ta’ tfal u żgħażagħ b’diżabilità. Dan il-proġett imbuttat minn The Malta Trust Foundation huwa mgħejjun minn finanzjament taħt skema ta’ proġetti għall-għaqdiet volontarji (VOPS).

Qabel saru l-indirizzi, il-Prim Ministru flimkien ma’ martu Dr Lydia Abela ddawru mal-esebizzjoni mill-Fundatriċi tal-Fondazzjoni u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca filwaqt li ltaqgħu mal-artisti u l-familji tagħhom. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-fatt li din il-wirja qed tintlaqa’ f’Kastilja hija turija oħra ċara tal-impenn tal-Gvern li jkompli jsaħħaħ l-inklussività billi jagħti spazju għal tfal u żgħażagħ li wkoll għandhom potenzjal. Huwa faħħar ix-xogħlijiet tat-tfal u ż-żgħażagħ li wrew il-ħiliet artistiċi tagħhom ibbażati fuq il-prinċipji u l-kunċett marbut ma’ Villa Bianca, post amministrat minn The Malta Trust Foundation wara appoġġ mill-Gvern biex tfal u żgħażagħ b’diżabilità jimirħu fil-ħiliet artistiċi tagħhom.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li forom diversi tal-arti jgħinu wkoll fit-terapija ta’ żgħażagħ u tfal li ħaqqhom kull opportunità u nnota kif f’pajjiżna qed ikomplu jissaħħu l-inċentivi li jgħinu familji b’membri tagħhom li huma persuni b’diżabilità. Huwa faħħar ħidmet il-Fondazzjoni li qed tagħmel il-ġid u fisser l-inizjattiva li saret fil-Berġa ta’ Kastilja bħala waħda li tiċċelebra l-kreattività. Fil-Berġa ta’ Kastilja ttellgħu wkoll rappreżentazzjonijiet mużikali minn tfal u żgħażagħ li jattendu Villa Bianca u indirizzaw lil dawk preżenti, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli u l-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca.