Month: September 2024

PR241443

Waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget, mal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Iżviluppaturi, l-MDA, il-Prim Ministru Robert Abela nnota li l-maġġoranza assoluta tal-kuntratturi f’pajjiżna applikaw għal-liċenzja biex ikunu jistgħu joperaw fis-settur tal-kostruzzjoni.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru sostna s-sodisfazzjon tiegħu għal dan l-iżvilupp li jkompli jikkonferma s-suċċess tal-Gvern fir-riformi li qed jimplimenta, partikolarment f’dan is-settur.

Fil-fatt, fl-indirizz tiegħu qabel kompla jikkonsulta u jisma’ l-ideat tad-delegazzjoni mill-MDA, Dr Abela rrimarka kif dan is-settur illum qed jiffaċċja realtajiet u bżonnijiet ġodda, ħafna minnhom xprunati mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.

Hawn Dr Abela, sostna li l-Gvern se jibqa’ jimmira għal suċċess ekonomiku madankollu wieħed iktar għaqli u li jwassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Dan filwaqt li jindirizza r-realtajiet il-ġodda ta’ pajjiżna.

B’rabta mas-settur tal-kostruzzjoni, apparti l-introduzzjoni tal-liċenzja tal-kuntratturi, il-Prim Ministru elenka numru ta’ inizjattivi li jkomplu jikkonfermaw l-impenn tal-Gvern li jindirizzaw il-ħtiġijiet f’dan is-settur.

Fosthom semma l-liġi rivoluzzjonarja tal-OHSA, li għaddiet mill-Parlament qabel aġġorna għas-sajf. Dr Abela fakkar li filwaqt li din se żżid l-infurzar se twassal ukoll għal standards ogħla fis-settur u għal aktar protezzjoni għall-ħaddiema.

Dr Abela semma wkoll l-importanza li l-Gvern jagħti vuċi aktar b’saħħitha lill-persuni li huma affettwati mill-kostruzzjoni u b’hekk it-twaqqif tal-linja 138 flimkien ukoll mas-servizz ta’ pariri u assistenza minn avukati u periti lill-persuni li huma affettwati minn xi żvilupp li jkun qiegħed iseħħ maġenb ir-residenzi tagħhom.

Preżenti flimkien mal-Prim Ministru għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm ukoll il-Ministri Clint Camilleri, Byron Camilleri u Jonathan Attard, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Omar Farrugia, il-Membru Parlamentari Chris Agius u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

PR241435

L-Erbgħa filgħaxija, fil-Palazz tal-Girgenti, ittellgħet b’suċċess it-tielet edizzjoni tal-kunċert ‘A Night at the Palace’, bis-sehem tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali.

L-edizzjoni tal-kunċert ta’ din is-sena kienet iddedikata għall-memorja ta’ Jake Vella u waqt il-kunċert inġabru donazzjonijiet b’risq is-santwarji tal-annimali fejn ta’ kuljum issir ħidma sfiqa favur l-annimali minn għadd ta’ voluntiera.

Il-Prim Ministru Robert Abela u Dr Lydia Abela, flimkien ma’ binthom Giorgia Mae kellhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ bosta familji li attendew għal din is-serata mill-isbaħ.

Fid-diskors tagħha, Dr Lydia Abela ħabbret inizjattiva ġdida ‘Solar for the Shelter’, fejn bl-għajnuna ta’ Bajada New Energy, is-santwarji tal-annimali se jkunu qed jingħataw pannelli solari b’xejn. Hija spjegat li din l-inizjattiva se tkun qed ittaffi ftit mill-piż finanzjarju ta’ dawn is-santwarji. Dr Abela temmet billi rringrazzjat lil dawk kollha li attendew għal dan il-kunċert b’għan nobbli.

‘A Night at the Palace’ se jkun qed jintwera fuq l-istazzjon TVM nhar is-Sibt 28 ta’ Settembru fid-9:00pm.

PR241432

 Fil-paga ta’ Ottubru l-edukaturi li jaqgħu taħt il-ftehim settorjali l-ġdid se jaraw l-aġġustamenti fis-salarju tagħhom 

“Bil-fatti qed inżommu kelmtna mal-edukaturi filwaqt li qed ninċentivaw ukoll edukazzjoni mill-aqwa għal uliedna sabiex ikunu huma li għada pitgħada jkomplu jmexxu lil dan il-pajjiż ’il quddiem.”

Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget, din id-darba mal-Unjin tal-Għalliema l-MUT, fil-Berġa ta’ Kastilja.

Fil-punti introduttorji tiegħu qabel kompliet il-laqgħa ta’ konsultazzjoni bejn iż-żewġ delegazzjonijiet, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif illum pajjiżna jinsab f’qagħda fejn qed joħloq impjiegi ta’ kwalità. Impjiegi li mal-ewwel qed jaħtfu lill-istudenti f’pajjiżna fid-dinja tax-xogħol.

Hawn Dr Abela kkwota statistika tal-Eurostat fejn innota li 96% tal-gradwati Maltin isibu xogħol fl-ewwel 3 snin mindu jlestu l-istudji tagħhom. Madankollu l-Prim Ministru nnota wkoll kif irid jara aktar impjiegi li qed jinħolqu li jkomplu jimtlew mill-istudenti Maltin u għalhekk l-importanza li s-settur sostnut b’saħħa mill-Gvern.

Fil-fatt, il-Prim Ministru nnota kif ftit tal-ġimgħat ilu ġie ffirmat l-aqwa ftehim settorjali li qatt ingħata lill-edukaturi li jinkludi titjib qawwi fid-dħul u l-kundizzjonijiet tal-edukaturi fost ħafna iktar.

Kien hawn li Dr Abela ħabbar kif mill-paga ta’ Ottubru, id-dħul se jkun qed jinkludi l-aġġustamenti fil-paga biex jirriflettu dak iffirmat f’dan l-aqwa ftehim settorjali. 

Intant, il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-aħbar tal-jum ta’ qabel li laqtet b’mod pożittiv lill-ġenituri li jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skejjel indipendenti hekk kif il-Gvern se jkun qed jinvesti €27 miljun biex jiġi żgurat li l-ġenituri ma jesperjenzawx żidiet abnormali kawża tal-ftehim settorjali li ġie ffirmat għall-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja.

Qabel temm l-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru rringrazzja lill-istess unjin tal-involviment tagħha fin-negozjati estensivi li kien hemm favur l-aqwa ftehim li qatt ġie ffirmat għall-edukaturi u appella għal aktar rieda tajba fit-triq ’il quddiem sabiex l-edukaturi u l-istudenti ta’ pajjiżna dejjem jibqgħu fiċ-ċentru favur futur mill-isbaħ għal uliedna.

Flimkien mal-Prim Ministru għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm il-Ministri Clyde Caruana u Clifton Grima, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul, Rebecca Buttigieg u Keith Azzopardi Tanti, il-Membri Parlamentari Rosianne Cutajar u Amanda Spiteri Grech u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

PR241413

“Ir-realtà qed turina li dan is-suċċess ekonomiku li tant kien mixtieq, ġab miegħu sfidi oħrajn. Sfidi li nkunu qed niżbaljaw jekk ma nirrikonoxxuhomx. Hekk biss tista’ tkompli ġġib il-bidla, tirrikonoxxi l-isfidi, ma tkunx supperv, imbagħad tindirizzahom.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni, fost sensiela, mal-imsieħba soċjali f’pajjiżna qabel jitħabbar il-Budget għas-sena d-dieħla.

Din id-darba mal-General Workers Union, fil-Workers’ Memorial Building, il-Prim Ministru beda billi rrimarka l-importanza ta’ dawn il-laqgħat li permezz tagħhom il-Gvern jikkonsulta.

Fil-fatt, b’rabta mal-Budget għall-2025, Dr Abela sostna li dan qed jitfassal anke hekk kif il-Gvern qed jagħraf ir-realtajiet il-ġodda ta’ pajjiżna. Realtajiet li ġew mis-suċċess ekonomiku li kiseb pajjiżna fl-aħħar snin.

Hawn Dr Abela semma anke l-ħidma li embarka fuqha l-Gvern biex jindirizza dawn l-istess realtajiet, fosthom realtajiet li jolqtu lill-ħaddiema u lid-drittijiet tagħhom. Dawn jinkludu l-qbil storiku biex togħla l-paga minima mhux biss issa iżda fis-snin li ġejjin ukoll, direttivi bħal dik tal-Work Life Balance u tal-Pagi Trasparenti u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol Prevedibbli.

Il-Prim Ministru sostna wkoll kif dan il-gvern beda jindirizza r-realtajiet ta’ pajjiżna f’oqsma bħal dawk tat-temping agencies hekk kif dan issa ġie regolat b’liġi ġdida tant li kull aġenzija irid ikollha liċenzja biex topera. Dan apparti li nnota kif il-Gvern indirizza wkoll il-qasam tal-platform work permezz ta’ Avviż Legali li jirregola lil dan l-istess qasam filwaqt li xpruna reviżjoni f’numru ta’ swieq tax-xogħol fejn instab li ma hemmx ħtieġa ta’ aktar ħaddiema barranin li jinġiebu f’pajjiżna biex jaħdmu fihom.

Dr Abela assigura wkoll li mill-ġdid, il-Budget 2025 se jkompli jżid il-pensjonijiet u jagħti stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Dan apparti li l-middle class f’pajjiżna se tkun qed tgawdi minn tnaqqis b’saħħtu fir-rata tat-taxxa tad-dħul. Miżuri li kollha huma possibbli minħabba s-saħħa ekonomika ta’ pajjiżna.

“Fadal ħafna x’nagħmlu, imma għandna pjan ta’ ħidma ambizzjuż li se jkompli jimbotta lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Nistedinkom tkunu magħna għaliex flimkien nemmen li dan il-pjan nistgħu nwassluh u nwassluh fl-aħħar mill-aħħar għall-poplu tagħna li tant inħobbu,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Byron Camilleri, Clyde Caruana, Clifton Grima, Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Agius Galea, id-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.

PR241406

Pajjiżna qed ikun selettiv favur investiment għaqli u li jħalli valur miżjud – il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni qabel il-Budget mal-Kamra tal-Kummerċ

  • Analiżi dwar l-effettività ta’ skemi li jinċentivaw l-investiment għad-diskussjoni mal-imsieħba

Il-Ġimgħa filgħodu, il-Prim Ministru Robert Abela beda bl-ewwel laqgħa tiegħu mal-isħab soċjali f’pajjiżna bħala parti minn konsultazzjoni wiesgħa ta’ qabel il-Budget 2025.

F’din l-ewwel laqgħa li saret mal-Kamra tal-Kummerċ, fejn enfasizza kif f’dawn il-laqgħat il-Gvern se jkun qed jisma’ aktar milli jitkellem, Dr Abela sostna l-importanza li pajjiżna jkun iktar selettiv fl-investiment li jrid jattira, biex dan iħalli valur miżjud fl-ekonomija Maltija.

Dr Abela qal dan hekk kif sostna li llum il-ġurnata l-prijoritajiet ta’ pajjiżna nbidlu. Fil-fatt, fejn jidħol l-investiment huwa saħaq fuq l-għaqal li għandu jiggwida l-ħidma tal-Gvern sabiex filwaqt li l-investiment f’pajjiżna ma jonqosx, ma jsirx askapitu tal-ħtiġijiet tiegħu.

Biex juri b’mod tanġibbli l-ħidma tal-Gvern f’dan ir-rigward fiex qed issarraf, mal-Kamra tal-Kummerċ Dr Abela nnota kif is-sena li għaddiet il-Malta Enterprise approvat mat-43 proġett b’valur ta’ kważi €36 miljun. Madankollu sa nofs din is-sena, b’differenza, approvat biss 12-il proġett iżda l-valur tagħhom ilaħħaq il-€144 miljun. Fost investiment ta’ valur miżjud f’pajjiżna b’inqas ħtieġa ta’ ħaddiema iżda aktar impjegati b’karrieri ta’ kwalità hemm proġetti ta’ investiment bħal tal-ST Micro Electronics, Gimas, Seifert, Pharmadox, Hope Fertility, Keyworld Studios u Eurobindo.

Intant, hekk kif il-Prim Ministru kien qed jitkellem dwar il-Budget u kif dan jirrifletti l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tal-Gvern huwa rrimarka li jkun żball jekk wieħed jieqaf hemm. Għalhekk mad-delegazzjoni tal-Kamra tal-Kummerċ ħabbar ukoll kif bħalissa għaddejja peer review dwar l-effettività tal-operat ta’ skemi t’għajnuna li tagħti l-Malta Enterprise u anki din l-analiżi qed tħares lejn x’qed isir f’pajjiżi kompetituri ta’ Malta.

“Illum din l-analiżi qiegħda fi stadju avvzanzat u l-pass li jmiss huwa li l-Gvern jiltaqa’ magħkom l-imsieħba soċjali f’livell ta’ MCESD u tiddiskutu din l-analiżi biex wara nimxu t-triq ’il quddiem ħalli nkomplu nindirizzaw l-isfidi fl-interess ta’ kulħadd”, temm jgħid il-Prim Ministru.

Il-Kamra tal-Kummerċ tat preżentazzjoni tal-proposti tagħha għall-Budget 2025 u li trattaw fost oħrajn l-infrastruttura, is-settur tax-xogħol, turiżmu sostenibbli, l-ippjanar, l-indafa u r-rinovabbli.

Preżenti flimkien mal-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministri Ian Borg, Silvio Schembri, Miriam Dalli, Clyde Caruana, Clifton Grima, Chris Bonett, is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, id-Deputat tal-Gvern Cressida Galea u l-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Mark Mallia.