Month: October 2024

PR241635

“Filwaqt li għamilna ħafna, irridu nkomplu nelevaw il-kwalità tal-ħaddiema tagħna fis-settur tal-ospitalità. Dan huwa kruċjali biex nagħmlu l-qabża li jmiss fil-prodott li noffru.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget mal-Assoċċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja.

Mal-ACE, il-prim ministru rrimarka dwar kif illum pajjiżna għandu prijoritajiet ġodda li ħarġu mis-suċċess ekonomiku li kiseb fl-aħħar snin. Sostna li dan japplika wkoll għas-settur tar-ristoranti f’pajjiżna minkejja li fl-aħħar snin dan kompla jtejjeb il-kwalità tiegħu u saħansitra jattira numru ta’ turisti lejh anke b’ristoranti ta’ livell li saħansitra jinsabu fuq il-gwida tal-Michelin.

Hawn, Dr Abela tkellem dwar il-ħidma tal-gvern favur dan, li inkludiet l-introduzzjoni tal-iskills pass – sistema li tobbliga li ħaddiema barranin ingaġġati fl-industrija turistika li jkunu mħarrġa sew fis-settur tal-ospitalità.

“Forsi għal ħafna setgħet tidher ta’ inkonvenjent imma nemmen li dan huwa l-mod li bih irridu nimxu biex nagħmlu l-qabża li jmiss f’dik li hija kwalità. Nifhem li kien hemm nofs l-applikanti li ma kinux konformi mal-kriterji mitluba mill-iskills pass iżda l-interess favur prodott ta’ livell għoli fil-qasam jitlob l-ogħla standards. Jiġifieri il-kwalità tal-ħaddiema li jridu jaħdmu fl-ospitalità qed tittieħed b’serjetà kbira,” qal il-prim ministru.

Intant, filwaqt li sema’ proposti tal-ACE fosthom mill-President Michelle Muscat, il-prim ministru aċċenna għall-ħidma li saret mill-gvern dwar il-ħaddiema barranin f’pajjiżna. Ħidma li rat ukoll it-tlestija ta’ reviżjoni minn Jobsplus li minnha ħareġ li kien hemm over-supply ta’ ħaddiema fi swieq partikolari.

“Sfidi għandna però ejja ħalli flimkien niddiskutu b’rieda tajba ħalli lil dan is-settur inkomplu nwassluh sabiex jagħmel il-qabża li jmiss,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Jakkumpanjaw lill-prim ministru għal din il-laqgħa ta’ konsultazzjoni kien hemm il-Ministri Anton Refalo, Clayton Bartolo u Clyde Caruana, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul, Alicia Bugeja Said u Glenn Bedingfield u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

PR241629

Il-Gvern estenda l-inizjattiva li permess tagħha infermiera li sfortunatament jimirdu serjament, jingħataw aktar flessibbiltà b’rabta ma’ xogħolhom sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb saħħithom filwaqt li jkollhom aktar serħan il-moħħ. Qal dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt laqgħa oħra ta’ konsultazzjoni ta’ qabel il-Budget, mal-MUMN.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru elenka numru ta’ inizjattivi u miżuri li saru sabiex ikomplu jissaħħu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa b’mod partikolari l-infermiera u l-qwiebel. Il-Prim Ministru Robert Abela sema’ l-ħsibijiet tal-unjin imbagħad sostna wkoll li l-Gvern qed ikompli jaħdem biex itejjeb is-servizzi fil-qasam tas-saħħa, partikolarment fil-komunità.

Il-Prim Ministru semma wkoll prattiċi iżjed flessibbli għall-infermiera minħabba sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li jinqalgħu fil-familji tagħhom. Qal li inizjattivi oħra fosthom suġġeriment tal-MUMN dwar infermiera ġodda li jaħdmu mal-kuntrattur jingħataw kors intensiv sabiex ikun assigurat kwalità fis-servizz, huma ppjanati li jkomplu jiġu introdotti.

Il-Prim Ministru rrimarka wkoll li l-Gvern qed ikompli jaħdem biex iżid in-numru ta’ infermiera li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. Fil-fatt, ħabbar li fid-Dipartiment tal-Emerġenza riċentament żdiedu 40 infermier ġdid.

Għan-naħa tal-Gvern, fil-laqgħa mal-Prim Ministru kien hemm il-Ministri Clyde Caruana u Jo Etienne Abela, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Malcolm Paul Agius Galea, id-Deputati tal-Gvern Deo Debattista u Romilda Zarb u l-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

PR241625

Meta l-Prim Ministru Robert Abela żar il-Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija, l-MCAST, fil-kampus ta’ Raħal Ġdid, huwa saħaq li l-opportunitajiet għall-istudenti tal-MCAST iridu jissarrfu f’esperjenzi ta’ suċċess. Dr Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, iltaqa’ mal-istudenti waqt Freshers’ Week li qed issir biex tilqa’ mat-8,000 student.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem mal-istudenti fosthom poġġa bilqiegħda magħhom fil-canteen tal-kulleġġ. Kienu diversi t-temi li qamu, minn korsijiet ġodda offruti, għall-opportunitajiet fil-qasam tal-edukazzjoni vokazzjonali, għal anke s-sitwazzjoni preżenti fuq il-kwistjoni tal-ftehim kollettiv bejn ir-rappreżentanti tal-letturi u t-tmexxija tal-MCAST.

Il-Prim Ministru nnota li fil-bidu ta’ dan is-sajf, il-Gvern intervjena biex l-istudenti jieħdu dak li ħaqqhom, jiġifieri jirċievu l-assessjar tax-xogħol li wettqu tul is-sena ta’ tagħlim fl-MCAST. Qal iżda li din kienet soluzzjoni temporanja li issa trid tkun kumplimentata bi ftehim li jagħti stabbiltà lil kulħadd.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li l-letturi jixraqilhom l-aqwa kundizzjonijiet u ftehim kif il-Gvern diġà assigura mal-istess unjin għall-edukaturi fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja. Dr Abela appella biex ikomplu għaddejjin id-diskussjonijiet biex jintlaħaq qbil ieħor li jkun ifisser ftehim ieħor b’saħħtu li jgawdi minnu kulħadd.

Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll mal-għaqdiet tal-istudenti u mal-Kunsill Studenti tal-MCAST. Dan apparti żgħażagħ minn bosta għaqdiet li qegħdin jipparteċipaw fil-Freshers’ Week tal-MCAST fejn hemm mal-150 organizzazzjoni preżenti, fosthom 60 għaqda mhux governattiva.

Waqt Freshers’ Week fl-MCAST, il-messaġġ ewlieni huwa ‘L-istorja tas-suċċess tiegħek, tibda hawn’, fejn l-istudenti qed jiġu mħeġġa jkomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom u jiksbu aktar ħiliet li jwassluhom għal karrieri ta’ kwalità.

PR241610

“Illum qed inwettqu ġustizzja ambjentali u nenfasizzaw dwar ir-responsabbiltà kollettiva.” Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Prim Ministru Robert Abela waqt diskors li mmarka t-twaqqif tal-Climate Action Authority.

Awtorità li hija l-ewwel waħda tax-xorta tagħha fl-Ewropa u li l-għan aħħari tagħha huwa li tiżgura li l-effetti tal-bidla fil-klima jkunu segwiti ħalli hekk dan il-fenomenu jibqa’ jiġi miġġieled b’mod effettiv u b’saħħtu. L-Awtorità se tagħmel dan billi tisma’, tikkordina, u tieħu azzjoni b’mod effettiv, fosthom anki b’leġislazzjonijiet u regolar, filwaqt li tikkonsolida l-isforzi maqsuma tal-passat f’ħidma waħda kollettiva għall-azzjoni klimatika.

Il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif dan it-tragward importanti jimmarka wegħda oħra mwettqa minn dan il-Gvern.

“Li ma nagħmlu xejn mhix għażla. Għalhekk qegħdin hawn biex nimbuttaw politika li tħares il-futur iżda anki ttejjeb il-ħajja tagħna llum il-ġurnata. Politika ambjentali u aktar ġusta għax konxji mir-realtajiet li qed jolqtu lil kulħadd anki l-Mediterran. Illum dan il-pass ieħor fundamentali qed neħduh b’konvinzjoni li għada għandu jkun aħjar. Għalhekk nieħdu d-deċiżjonijiet,” qal il-Prim Ministru.

Hawn il-Prim Ministru rrimarka d-direzzjoni politika tal-Gvern għal dan il-pajjiż, dik li jibqa’ jġib il-progress fl-istess waqt li jassigura t-trankwilità u s-serenità li jixraqlu kulħadd. Fil-fatt, dwar il-Climate Action Authority, Dr Abela qal li issa permezz tagħha rridu ndaħħlu liġijiet filwaqt li jiġu implimentati bidliet biex l-isfida tal-bidla fil-klima tinbidel f’opportunità.

Waqt it-tnedija ta’ din l-Awtorità, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli sostniet li dan ix-xogħol kollu jkun effettiv biss jekk ikollna l-ambizzjoni u l-kuraġġ li minkejja ċ-ċokon tagħna, nibqgħu għatxana biex nimbuttaw l-azzjoni klimatika; lokalment u anke internazzjonalment. “F’Malta u grazzi għall-inizjattiva li ħadna bil-MED 9, wassalna biex għall-ewwel darba, disa’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran qbilna li nagħmlu mill-Mediterran hub ta’ enerġija nadifa. Din hija l-viżjoni. Din hija l-ambizzjoni. U għalhekk tlaqna għal għonq it-triq biex Malta u l-Maltin inkunu pijunieri fit-twettiq ta’ dik il-viżjoni, u din l-Awtorità li hi l-ewwel waħda fl-Ewropa hija pass ieħor lejn din il-viżjoni,” qalet il-Ministru Miriam Dalli. Il-Ministru Dalli żiedet tgħid li minkejja li hu minnu li t-tibdil fil-klima jġib miegħu diversi sfidi, l-azzjoni klimatika ġġib ukoll numru ta’ opportunitajiet. “Jekk nagħrfu nwettqu u jkollna l-kuraġġ nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn isiru,” sostniet il-Ministru Miriam Dalli.

Tkellmet ukoll l-Inġinier Abigail Cutajar, li se sservi fil-kariga ta’ Kap Eżekuttiv ta’ din l-Awtorità. Cutajar irrimarkat, “It-tibdil fil-klima jitlob azzjoni konkreta imma ġusta. L-Awtorità hija waħda li tisma’, kompetenti, trasparenti u li se taqdef biex tgħin lill-pajjiż jimxi lejn era aktar b’saħħitha ta’ sostennibiltà.”