Month: December 2024

PR242053

Il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes inawguraw il-ftuħ ta’ Dar il-Qawsalla. Dar li se tkun qed tilqa’ fiha membri tal-komunità LGBTIQ li qed jaffaċċjaw sfidi soċjo-ekonomiċi u li jinsabu mingħajr saqaf fuq rashom. B’hekk Dar Qawsalla ser tkun qed toffri spazju sigur għal dawn il-persuni filwaqt li tgħin tnaqqas il-pressjoni fuq l-Awtorità tad-Djar.

Din ir-residenza, li ser tkun qed titmexxa minn The Malta LGBTIQ Rights Movement (MGRM), ser tkun qed tilqa’ membri tal-komunità LGBTIQ li jisfaw mingħajr akkomodazzjoni għall-massimu ta’ sentejn. Bl-għajnuna tal-ħaddiema ta’ Dar il-Qawsalla, wara dawn is-sentejn, ir-residenti ser imorru f’akkomodazzjoni indipendenti alternattiva jew riferuti għal servizz ieħor.

Hekk kif indirizza lil dawk kollha preżenti għall-ftuħ uffiċjali ta’ din id-dar, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif dan il-proġett mill-ġdid ikompli jikkonferma l-impenn tal-gvern li jindirizza realtajiet soċjali f’pajjiżna. “Ma waqafnix mar-riformi kbar li għamilna fil-qasam tad-drittijiet ċivili. Stajna għamilna hekk u ngħidu li għamilna biżżejjed. Le. Dan huwa gvern li l-polz tiegħu qiegħed mal-poplu tiegħu u huwa kawża ta’ hekk li ndunajna b’realtajiet ġodda bħal dawk li jkunu għaddejjin minnhom ir-residenti ta’ din id-dar u sibna soluzzjoni għalihom ukoll,” sostna l-prim ministru hekk kif mill-ġdid tenna l-importanza tal-valuri favur l-inklużjoni f’soċjetà li tħobb u li taprezza lil kulħadd.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes tkellem dwar il-ħidma u l-viżjoni ħolistika li dan il-gvern qiegħed iwettaq fil-prattika fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali u affordabbli, li qiegħda twassal sabiex ikomplu jiġu mwessgħin il-proġetti soċjali, inkluż permezz ta’ proġetti li fihom l-Awtorità tad-Djar qiegħda tikkolabora tant tajjeb ma’ għaqdiet mhux governattivi. “F’dan il-proġett ta’ Dar il-Qawsalla, permezz tal-għajnuna li ngħatat mill-Housing Development Fund fi ħdan l-Awtorità tad-Djar, b’kollaborazzjoni ma’ MGRM, illum qegħdin ninawguraw proġett li se jkun qiegħed jagħmel differenza kemm fis-settur tal-LGTBIQ, kif ukoll fil-ħajja tal-benefiċċjarji u l-familjari tagħhom,” stqarr l-Ministru Roderick Galdes.

Ir-residenti li ser jkunu qegħdin jgħixu ġewwa Dar il-Qawsalla, ser ikunu qed jirċievu servizz ta’ Social Work u/jew Therapeutic Support qabel, waqt u anke wara li jkunu temmew iż-żmien tagħhom f’din id-dar. Dan is-servizz se jkun qed jingħata b’xejn mir-Rainbow Support Services. L-għan ta’ din il-fondazzjoni huwa li tgħin lil dawn l-inidividwi jibnu mill-ġdid iċ-ċrieki soċjali tagħhom filwaqt li jfittxu opportunitajiet ta’ xogħol jew edukazzjoni ġodda, jerġgħu jingħaqdu mal-familji jew ħbieb, u fl-aħħar mil-aħħar jergħu jgħixu ħajja indipendenti.

PR242041

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ boutique hotel, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għall-investiment li jsir u li jipprijoritizza l-kwalità fuq il-kwantità. Royale Sainte Hélène Boutique Hotel hija lukanda ġdida f’Birkirkara li ħalliet il-karatteristiċi oriġinali tal-faċċata ta’ binja li l-għan tagħha hu li tkun qed tilqa’ fiha aktar turisti ta’ kwalità fosthom nies li jżuru pajjiżna għal raġuni ta’ negozju. 

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota d-dettall li sar f’dan il-proġett fosthom l-attenzjoni għas-sostenibbiltà. “L-investiment u l-bżulija ta’ dawk li jkomplu jemmnu f’niċeċ turistiċi differenti rridu nibqgħu nappoġġjawhom. Is-settur turistiku mhuwiex biss ċifri. F’dan is-settur qed inħarsu lejn il-kwalità u dan il-proġett huwa wkoll dak li tirrappreżenta l-viżjoni tagħna favur turiżmu ta’ kwalità,” saħaq Dr Abela.

Il-Prim Ministru Robert Abela ra l-faċilitajiet tal-lukanda u ġie spjegat lilu l-investiment li sar biex dawk li joqogħdu fil-lukanda jkollhom il-kumditajiet kollha f’ambjent ta’ kwalità. Il-Prim Ministru spjega l-importanza tas-settur turistiku għal pajjiżna u kif dan il-qasam mhux biss irkupra mill-pandemija iżda kompla joħloq ħafna ġid ekonomiku. Dan anki riżultat li n-nefqa tat-turist f’pajjiżna kompliet tiżdied. 

Dr Abela rrimarka kif id-direzzjoni li għandu pajjiżna favur turiżmu ta’ kwalità hi waħda importanti favur anki standards ogħla fis-settur. “Irridu nikkonsolidaw is-suċċess li ksibna fis-settur turistiku billi nħarsu lejn is-sostenibbiltà tal-qasam bi standards ogħla,” spjega l-Prim Ministru hu u jisħaq li saru passi importanti bl-introduzzjoni tal-iskills pass. Bidla importanti li nħadmet frott djalogu mal-istakeholders involuti fil-qasam turistiku.

PR242018

Il-Prim Ministru Robert Abela u martu Dr Lydia Abela se jkunu qed jilqgħu lill-pubbliku fil-Berġa ta’ Kastilja nhar is-Sibt 21 ta’ Diċembru bejn l-4:00pm u l-5:30pm, għall-awguri tal-festi tal-Milied u tas-Sena l-Ġdida.

Kull min jixtieq jiltaqa’ mal-Prim Ministru u ma’ Dr Lydia Abela fil-21 ta’ Diċembru huwa mitlub jirreġistra d-dettalji tiegħu fuq 22002400/1.

Waqt li jkun fil-Berġa ta’ Kastilja, il-pubbliku se jkun jista’ jara s-swali tal-Kabinett u tal-Ambaxxaturi kif ukoll jiffirma l-ktieb tal-viżitaturi.

PR242017

F’indirizz li għamel b’rabta mal-proġett RIGHTS imħaddem mill-Fondazzjoni għall-Ġid tas-Soċjetà, il-Prim Ministru Robert Abela qal li t-tfal u ż-żgħażagħ huma parti importanti mill-bidliet li jrid jagħmel pajjiżna biex jitla’ għal-livell li jmiss, il-kwalità. Dr Abela kien qed jitkellem quddiem tragward ġdid marbut mal-proġett RIGHTS fejn aktar min-nofs il-kunsilli lokali f’pajjiżna issa għandhom kunsilli tat-tfal lokali u anki fuq livell reġjonali. 

Fil-fatt bħalissa jeżistu 39 kunsill ta’ dan it-tip li jsaħħu l-attiviżmu tat-tfal u ż-żgħażagħ fil-lokalitajiet madwar il-pajjiż. Dawn it-tip ta’ kunsilli mistennija jiżdiedu aktar fix-xhur li ġejjin permezz ta’ ħidma mal-gvern lokali u fondi Ewropej li nkisbu għal dan il-proġett. Il-prim ministru laqa’ b’sodisfazzjon li sena mit-tnedija ta’ dan il-proġett qed jara aktar min-nofs il-kunsilli lokali msieħba fir-RIGHTS. Qal li jrid jara iżjed kunsilli lokali parteċipi favur komunitajiet attivi fid-diskussjoni u fl-implimentazzjoni ta’ dak li jolqot lit-tfal u ż-żgħażagħ.

Qal li l-bidliet li pajjiżna jrid jgħaddi minnhom f’setturi importanti bħall-ambjent, l-edukazzjoni huma t-tfal u ż-żgħażagħ bħala katalisti li jixprunaw ukoll il-ħsieb. “It-tfal u ż-żgħażagħ mhumiex biss parti mid-deċiżjonijiet tal-futur iżda anki tal-lum,” sostna l-Prim Ministru Robert Abela. Żied ifaħħar din l-inizjattiva mmexxija mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u fisser kif il-gvern jibqa’ konvint li ż-żgħażagħ u t-tfal għandhom irwol importanti u l-vuċi tagħhom trid tkompli tkun mismugħa.

Hawn irrefera għall-Youth Advisory Forum u spjega kif il-proġett RIGHTS irawwem tfal u żgħażagħ ikollhom sehem akbar fiż-żmien li ġej f’forums oħra li jiddiskutu u jiddeċiedu dwar temi importanti għall-pajjiż. Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera għal riforma importanti li ġab il-gvern favur il-Vot-16 u dik li żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena ikunu jistgħu jmexxu l-lokalitajiet jekk jingħataw il-fiduċja mill-elettorat. “Ma kinitx l-aktar deċiżjoni popolari iżda b’konvinzjoni ġibna bidla oħra li biha emminna aktar fil-kapaċità taż-żgħażagħ,” qal Dr Abela.

Il-prim ministru qal ukoll li f’dan il-pajjiż irridu nkomplu nisimgħu l-vuċijiet ta’ kulħadd, inkluż tat-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom l-aspirazzjonijiet tagħhom. “L-irwol tagħna hu li noħolqu l-aqwa opportunitajiet biex il-ħolm tagħhom ma jibqax fuq il-karta imma jsir realtà,” qal il-prim ministru hu u jisħaq li Malta b’saħħitha tfisser li jkollna komunitajiet li jaqdu l-ħtiġijiet tagħhom bħala parti mid-demokrazija moderna.

PR242010

“Konsultazzjoni maż-żgħażagħ irriżultat f’rakkomandazzjonijiet importanti rigward il-Labour Migration Policy, li se jkunu qed jiġu inklużi fid-dokument finali li se jkun qed joħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.” Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif iltaqa’ mal-eżekuttiv tal-Kunsill Studenti Universitarji, il-KSU, sabiex jirrimarka l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-politika ta’ pajjiżna.

Fil-fatt, Dr Abela kien qed jitkellem dwar rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Youth Advisory Forum reċentement u li jitlaqqa’ min tal-inqas darba f’xahar sabiex jiddiskuti temi importanti f’pajjiżna. Bl-istess mod mal-KSU, il-Prim Ministru Robert Abela sostna l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ laqgħat u kif jixtieq li dawn il-laqgħat mal-KSU jibqgħu jinżammu b’mod regolari. Spjega li l-Labour Migration Policy se tkun qed tindirizza s-settur tax-xogħol u tkompli tieħu deċiżjonijiet importanti li diġà ttieħdu favur id-dinjità tal-ħaddiema u l-ħtieġa ta’ ħaddiema barranin f’setturi fejn meħtieġ biss.

“Nieħu gost dejjem nisma’ mingħandkom iż-żgħażagħ u kull laqgħa li jkolli maż-żgħażagħ intiha valur kbir. Ikolli l-Youth Advisory Forum. Il-ġimgħa l-oħra kelli laqgħa oħra – inqisha daqs laqgħa tal-Kabinett – Kabinett taż-żgħażagħ. Inħares ’il quddiem li nkompli nitkellem magħkom bħala Kunsill”, sostna l-prim ministru.

Intant, Dr Abela aċċenna għal Malta Vision 2050 u kif din tinkorpora fiha anke l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ fosthom dwar is-settur edukattiv u dak ambjentali. “Għandna miri strateġiċi dwar dan. Għandna Malta Vision 2050 b’għanijiet li rridu nilħqu sal-2035, għaxar snin oħra biss. Din il-viżjoni, intom tridu tkunu l-katalisti li tħaddmuha u tagħmluha realtà. Intom iż-żgħażagħ li tridu taraw għada aħjar mil-lum,” qal il-prim ministru filwaqt li spjega wkoll li dan il-gvern se jkompli jagħti importanza lil temi oħra importanti bħas-saħħa mentali, li fl-aħħar Budget din ir-realtà kompliet tingħata aktar viżibbiltà permezz ta’ servizzi ta’ ħarsien għas-saħħa mentali li jkunu aktar fil-komunità.

Dr Abela temm isostni li fuq kollox kull tema li niddiskutu, kull punt li nqajmu rridu nagħmluh kontra l-istatus quo. “Intom l-aktar li tistgħu tiġġieldu dan. Se nibqgħu ninvestu fiż-żgħażagħ, fl-edukazzjoni tal-istudenti għax il-futur ta’ pajjiżna jiddependi minnkom. Nemmnu fikom u konvinti li pajjiżna għandu futur sabiħ,” qal il-prim ministru.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażaġħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti, u l-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.