Month: December 2024

PR241997

Stedina nazzjonali għat-tfal kollha sabiex ifasslu l-kartolina tal-Milied li se tintbagħat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru

Waqt żjara ġewwa l-iskola Primarja tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca, f’Tal-Pietà, Dr Lydia Abela nediet il-ħames edizzjoni tal-inizjattiva ‘Kartolina Milied’ li għal dawn l-aħħar snin kienet qed titwettaq b’suċċess b’parteċipazzjoni b’saħħitha ħafna mit-tfal u miż-żgħażagħ ta’ pajjiżna.

Dr Lydia Abela stiednet lit-tfal preżenti biex apparti t-tpinġija, jiktbu messaġġ sabiħ biex jiġi inkluż fin-naħa ta’ ġewwa tal-kartolina tal-Milied.

“Użaw l-immaġinazzjoni tagħkom biex f’din il-kartolina tiddeskrivu xi jfisser il-Milied għalikom,” qalet Dr Abela lit-tfal preżenti. “Kemm jien, kif ukoll Robert, nemmnu fit-talent u l-kreattività tat-tfal u ż-żgħażagħ tagħna. Għalhekk qed naraw li tkunu intom l-artisti tal-kartolini uffiċjali li ser nibagħtu għal dan il-Milied.”

Din is-sejħa hija miftuħa għall-istudenti kollha li għandhom età ta’ bejn 4 u 12-il sena. Il-parteċipanti jistgħu jużaw kwalunkwe mezz jew taħlita ta’ mezzi (bl-esklużjoni ta’ skultura, 3D, u l-awdjoviżiv), inkluż iż-żebgħa, crayon, lapes, collage, u midja diġitali biex iwettqu t-tpinġija tagħhom.

Bord tal-għażla mmexxi mill-Kunsill Malti għall-Arti se jagħżel il-kartolini uffiċjali għal dan il-Milied minn fost is-sottomissjonijiet mill-iskejjel. Ir-rebbieħa ta’ din il-kompetizzjoni ser jiġu mħabbra nhar it-Tnejn, 16 ta’ Diċembru. Il-premjijiet se jingħataw lil tliet gruppi differenti skont l-età għall-aħjar disinn u l-aħjar messaġġ tal-kartolina. Dawn il-gruppi tal-età huma: minn 4 sa 6 snin, minn 7 sa 9 snin u minn 10 sa 12-il sena. Id-disinn rebbieħ u l-messaġġ rebbieħ minn kull grupp t’età se jintgħażel għad-disinni uffiċjali tal-Kartolina tal-Milied tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ix-xogħol artistiku tat-tfal kollha se jkun esebit fil-Villaġġ tal-Milied fi Pjazza Kastilja bejn is-16 u l-24 ta’ Diċembru.

PR241983

Il-Gvern nieda sejħa pubblika sabiex il-pajjiż jiżviluppa l-ewwel proġett fuq il-baħar ta’ enerġija rinnovabbli mir-riħ, tnax-il mil nawtiku ’l barra mix-xatt Malti fiż-Żona Esklussiva Ekonomika. Il-Prim Ministru Robert Abela, f’konferenza tal-aħbarijiet fil-Forti Sant’Anġlu flimkien mal-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, saħaq li dan il-proġett innovattiv se jkompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ pajjiżna fiċ-ċentru tal-Mediterran, b’investiment ta’ enerġija rinnovabbli.

Illum ħarġet sejħa internazzjonali magħrufa bħala pre-qualification questionnaire, li tistieden lis-settur privat jidħol għal dan il-proġett ta’ turbini tar-riħ galleġjanti. Il-PQQ jinkludi d-dettalji ewlenin tal-proġett. F’din il-fażi, il-partijiet interessati ser ikollhom l-opportunità jipprovdu prova tal-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tagħhom. Din l-informazzjoni mbagħad se tintuża biex jintgħażlu l-kumpaniji bl-ogħla ranking sabiex javvanzaw għall-fażi li jmiss. Huma biss l-aqwa ħames kandidati li se jkunu mistiedna għaċ-ċiklu ta’ wara, magħrufa bħala l-Invitation to Participate to Dialogue (ITPD). Fuq il-bażi ta’ dawn id-dettalji, dawn il-ħames kandidati se jintalbu jippreżentaw il-proposti inizjali tagħhom, li jservu ta’ bażi għal djalogu. Wara l-fażi ta djalogu, tissejjaħ kompetizzjoni għall-Best and Final Offer (BAFO).

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega li dak li qed jitnieda llum huwa pass importanti biex mill-kliem ngħaddu għall-implimentazzjoni. Dr Abela qal li dan il-proġett għandu jsaħħaħ id-diversifikazzjoni ta’ Malta fil-qasam tal-enerġija u jżid l-użu tal-enerġija rinnovabbli. Saħaq fuq il-viżjoni li Malta tkun ċentru ta’ enerġija nadifa fil-Mediterran. “Din it-teknoloġija qed tkompli tiżviluppa u pajjiżna lest li l-ġejjieni sostenibbli jiktbu hu”, qal il-Prim Ministru hu u jinnota kif quddiem il-fenomenu tal-bidla fil-klima hemm sfidi li jistgħu jinqelbu f’opportunitajiet.

Sostna li fi żmien fejn l-ekonomija Maltija trid tagħmel il-qabża li jmiss favur il-kwalità, irridu nipproduċu aktar enerġija nadifa u pajjiżna juża aktar l-elementi naturali bħar-riħ u x-xemx. Semma li dan huwa proġett li meta jimmaterjalizza se jkun favur il-ġid komuni u dan il-gvern jemmen fis-settur privat bħala sieħeb strateġiku biex Malta tilħaq l-għanijiet tagħha fosthom li tkun carbon neutral sal-2050.

Il-Ministru Miriam Dalli qalet li dan il-proġett huwa importanti għall-oqsma tal-enerġija u l-ambjent. “Il-proġett mhux biss huwa importanti għall-ġenerazzjoni tal-enerġija, iżda se jkollu impatt ambjentali pożittiv, u qed isir b’mod li jelimina l-problema ta’ skarsezza ta’ spazju li għandna f’Malta. B’differenza minn proġetti oħra li ssemmew fl-imgħoddi, dan hu proġett maħsub sew”, qalet il-Ministru Dalli. Sostniet li l-viżjoni tagħna, anke fuq livell Ewropew, hi li l-Mediterran ikun ċentru ta’ enerġija nadifa. “Malta qed tkun protagonista biex tintlaħaq din il-mira tant li Malta ġabet flimkien il-pajjiżi tal-Mediterran fejn kien stabbilit dan il-prinċipju”, saħqet il-Ministru Dalli.

PR241980

F’laqgħa bejn il-Prim Ministru Robert Abela u s-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony J. Blinken fil-Berġa ta’ Kastilja, iż-żewġ naħat tkellmu fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani, l-Ukrajna, il-Libja u l-koperazzjoni Trans-Atlantika. Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Malti saħaq dwar il-ħtieġa ta’ djalogu u koperazzjoni quddiem kunflitti kurrenti. Innota l-waqfien mill-ġlied fil-Libanu iżda sostna li Malta se tibqa’ tappella għall-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti f’Gaża fl-isfond anki ta’ sitwazzjoni umanitarja. Qal li pajjiżna jibqa’ favur is-soluzzjoni taż-żewġ stati għal stabbiltà u paċi fir-reġjun.

Dwar l-Ukrajna, mas-Segretarju tal-Istat Blinken, Dr Abela nnota l-attakki riċenti li qed isiru fuq l-infrastruttura fil-pajjiż fosthom fil-qasam tal-enerġija. Qal li għall-Ukrajna hemm bżonn ftehim ta’ paċi li jkun ġust magħha skont il-prinċipji fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

Qabel eżatt Malta tilqa’ l-Kunsill Ministerjali tal-OSCE hekk kif pajjiżna kellu l-Presidenza ta’ din l-akbar organizazzjoni għas-sigurtà u koperazzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-importanza tal-istabbiltà fil-Libja u l-appoġġ li dan il-pajjiż ġar ta’ Malta jibqa’ jeħtieġ. Qal li l-komunità internazzjonali trid tibqa’ pro-attiva u tgħin favur proċess rappreżentattiv immexxi mil-Libjani għal-Libjani.

Dwar ir-relazzjonijiet Trans-Atlantiċi, il-Prim Ministru rrimarka kif ir-relazzjonijiet b’saħħithom bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea dejjem kienu ċ-ċavetta favur stabbiltà u l-paċi, anki quddiem sfidi ġeo-politiċi. Qal li pajjiżna jinnota l-perjodu tranżitorju qabel tibda amministrazzjoni ġdida f’Washington. Irrimarka wkoll dwar ir-relazzjonijiet importanti li Malta għandha mal-Amerka u dawn għandhom fejn ikomplu jissaħħu fl-oqsma tal-kummerċ. Dr Abela semma oqsma importanti bħall-intelliġenza artifiċjali, il-farmaċewtika u l-edukazzjoni fost oħrajn, fejn Malta u l-Amerka jistgħu jkomplu jikkoperaw dwarhom.

Jakkumpanjaw lill-Prim Ministru Robert Abela fil-laqgħat mas-Segretarju tal-Istat Amerikan Antony J. Blinkien kien hemm fost oħrajn is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Christopher Cutajar u l-Kap tas-Segretarjat fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia.

PR241973

Il-Prim Ministru Robert Abela, l-Erbgħa filgħodu inawgura l-uffiċini l-ġodda tal-kumpanija db Group fl-Imrieħel. Uffiċini li saru b’investiment ta’ €1.2 miljun u li jkopru 1,700 metru kwadru ta’ art. Permezz ta’ dan l-investiment sostanzjali f’dawn l-uffiċini, 100 ħaddiem tal-grupp illum qed jaħdmu fi spazju isbaħ u modern favur aktar effiċjenza u kwalità fuq il-post tax-xogħol.

Fil-fatt, tul iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat miċ-Chairman ta’ db Group, Silvio Debono, iltaqa’ mal-ħaddiema preżenti hekk kif irrimarkawlu l-importanza ta’ dawn it-tip ta’ investiment li jkomplu jagħmlu kumpaniji Maltin. Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru sostna l-importanza tal-investiment kontinwu fl-operat u l-infrastruttura tal-kumpaniji f’pajjiżna hekk kif irrimarka li l-aġġornament maż-żminijiet jibqa’ kruċjali għas-sostenibbiltà tas-suq tax-xogħol f’pajjiżna.

“L-ikbar żball ikun jekk nibagħtu messaġġ li jista’ jasal żmien fejn ma jkunx hemm bżonn li tibqa’ tiġġedded u ttejjeb l-operat tiegħek. L-investiment fuq il-postijiet tax-xogħol f’pajjiżna jibqa’ kruċjali biex fil-futur jibqa’ jkollna suq tax-xogħol b’saħħtu u li joffri impjiegi ta’ kwalità,” qal il-Prim Ministru.

Intant, Dr Abela kellu ċ-ċans ukoll jitkellem mat-tmexxija tad-db Group, fejn hemmhekk ingħata rendikont tal-ħidma tal-grupp f’pajjiżna. Fost oħrajn ġie spjegat li 25 kumpanija lokali f’pajjiżna u li jħaddmu ħafna Maltin, ingħataw 25 kuntratt ta’ xogħol b’rabta mal-proġett tad-db f’San Ġiljan u li b’kollox jammontaw għal €265 miljun. Il-Grupp innota wkoll l-andament b’saħħtu fil-qasam turistiku ta’ pajjiżna.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv ta’ db Group Robert Debono, sostna kif “Id-db Group illum firex il-preżenza tiegħu f’diversi swieq lokali. Hemm ingredjent partikolari li jikkaratterizzana f’kull wieħed minnhom, l-eċċellenza f’dak kollu li nagħmlu. Mir-ristoranti għal-lukandi, mill-contract catering għas-saħħa u mill-kura tal-anzjani għall-brands internazzjonali li nirrappreżentaw. Issa qed inħarsu lejn swieq ġodda, kemm lokalment u kemm internazzjonalment.”

PR241957

Il-Gvern jinnota kif il-Qorti tal-Appell iddisponiet mill-appell li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni billi ċaħdet il-maġġoranza assoluta u l-pern tat-talbiet imressqa minnu f’din il-kawża. B’mod partikolari it-talba ġuramentata tiegħu biex il-Qorti tal-Appell tiddikjara biex is-sentenza tagħha tat-23 t’Ottubru 2023 dwar il-konċessjonijiet tal-Isptarijiet, kienet tat direzzjoni u awtorizzazzjoni lill-Avukat tal-Istat biex jaġixxi kontra terzi.

Il-Qorti tal-Appell ma laqgħetx lanqas it-talbiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni fejn talab dikjarazzjoni li l-Avukat tal-Istat kien taħt dmir illi jaġixxi aktar minn dak li għamel sa issa, u l-Qorti qalet limitatament li l-Membri Parlamentari kollha kif ukoll l-Avukat tal-Istat għandhom is-setgħa mogħtija lilhom li jaġixxu biss taħt l-Att dwar l-Artijiet tal-Gvern u fil-parametri stretti u fil-konfront ta’ min isemmi l-Att.

Dawn l-azzjonijiet il-Gvern ta’ Malta, rappreżentat mill-Avukat tal-Istat, diġà ressaq xhur twal ilu fil-proċeduri tal-Arbitraġġ Internazzjonali biex jiddefendi l-interess tal-pajjiż, u fejn ittieħed ukoll il-kontroll lura tal-isptarijiet qabel is-sentenza finali.

Il-Qorti tal-Appell ċaħdet ukoll it-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-Avukat tal-Istat għandu d-dritt li jaġixxi b’mod awtonomu mid-direzzjoni tal-Gvern sakemm ma jkunx hemm liġi li tagħtih is-setgħa speċifika u limitata, bħal fil-każ tal-lum.

Il-Qorti tal-Appell innutat ukoll ir-raġunijiet li ngħataw mill-Avukat tal-Istat biex ma jressaqx azzjonijiet duppliċi ulterjuri, u appellat biex dawn ir-raġunijiet ikun għaqli li jqishom ukoll kull min bħall-Avukat tal-Istat, jiġifieri l-Membri Parlamentari, għandhom is-setgħa li jaġixxu taħt l-imsemmi Att.

Il-Gvern jinnota wkoll li l-Qorti tal-Appell xejnet għal kollox u ġabet fix-xejn id-dikjarazzjoni falza li ressaq taħt ġurament il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, u ċioè li l-Prim Ministru kien instab ħati mill-Qorti tal-Appell ta’ ingann u kollużjoni ma’ Steward Healthcare.

Il-Gvern jinnota l-atteġġjament populista tal-Oppożizzjoni, fejn il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ jiġri jkanta vittorja mingħajr ma lanqas biss analizza dak li verament qalet il-Qorti, inkluż l-appell li sar mill-Qorti għal għaqal, li għandu jkun interpretat bħala messaġġ biex ma jkunux imfixxkla u ntralċjati l-proċeduri tal-Arbitraġġ b’xi azzjoni legali biex sempliċiment jintrebaħ kapital politiku partiġġjan.