Month: March 2025

Is-Sibt filgħodu l-Prim Ministru Robert Abela żar JA Marketplace 2025 fid-daħla tal-Belt fejn għadd ta’ żgħażagħ imprendituri ltaqgħu flimkien u preżentaw prodotti innovattivi li bihom itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies iżda anki jħarsu lejn il-qalbiet importanti li qed jgħaddi minnhom pajjiżna, primarjament dik tas-sostenibbiltà.

Dr Abela tkellem maż-żgħażagħ u l-organizzaturi minn JA Malta. Huwa nnota l-innovazzjoni u l-ħsieb kreattiv ta’ żgħażagħ Maltin. Spjega kif pajjiżna permezz tal-Malta Enterprise jgħin start-ups li huma importanti għall-eko-sistema li tkompli tibni futur ekonomiku ta’ kwalità. Pajjiżna għadu kif reġa’ ġie rikonoxxut bħala destinazzjoni ewlenija għall-istartups innovattivi u żamm ir-raba’ post fl-Ewropa. Dan ħareġ mir-Rapport Startup Nations Standard maħruġ mill-Europe Startup Nations Alliance.

PR250420

Il-lukanda Kempinski Hotel San Lawrenz f’Għawdex tlestielha xogħol ta’ rinnovazzjoni u titjib b’invesiment ta’ €10 miljun fuq medda ta’ sentejn.

Il-Prim Ministru Robert Abela akkumpanjat mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri żar dan l-investiment hekk kif ġie deskritt bħala wieħed li jissimbolizza l-fiduċja li s-sidien tal-lukandi f’pajjiżna għandhom fl-ekonomija Maltija. Fiduċja li qed issarraf f’aktar investiment kontinwu sabiex tiġi offruta esperjenza ta’ kwalità għolja lit-turisti li jżuru pajjiżna.

Flimkien mat-tmexxija tal-lukanda, il-Prim Ministru ra mill-qrib ix-xogħol li sar fuq il-kmamar u spazji pubbliċi oħrajn fuq il-propjetà, bħall-entratura u l-ġonna tal-lukanda. Fil-fatt ġie spjegat li dan il-proġett sar b’rispett sħiħ lejn il-kwalità u s-sostenibbiltà u li wassal għall-ħolqien ta’ 120 impjieg, b’80 minnhom impjiegi diretti mal-Baldacchino Group, is-sidien tal-lukanda. 

Il-Prim Ministru ddeskriva dan l-investiment bħala eżempju ċar ta’ kif is-settur privat qed ikompli jinvesti fil-prodott turistiku Malti, fiduċjuż fl-istabbiltà ekonomika tal-pajjiż u l-potenzjal li joffri Għawdex bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità. “Dawn l-investimenti mhux biss itejbu l-esperjenza tat-turisti li jżuruna, imma joħolqu wkoll impjiegi ġodda u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku”, saħaq il-Prim Ministru.

Il-fażi li jmiss tal-investiment fil-Kempinski Hotel San Lawrenz se tiffoka fuq rinnovazzjoni ta’ kmamar oħra, tar-ristoranti, u l-ispa flimkien ma’ inizjattivi relatati mal-enerġija nadifa. “Investimenti bħal dawn qegħdin jagħtu sinjal ċar li l-futur tat-turiżmu f’Għawdex u f’Malta għandu jkun wieħed li jiffoka fuq il-kwalità, is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni”, sostna l-Prim Ministru.

“Dan l-investiment kontinwu mhux biss isaħħaħ il-prodott turistiku Għawdxi iżda wkoll juri kif il-Gvern qed ikompli joħloq klima favorevoli biex l-industrija turistika tkompli tikber u tinvesti f’Malta u Għawdex”, temm jgħid Dr Abela.

PR250418

Il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-bżonn ta’ sinerġiji interministerjali hekk kif ġie ffirmat ftehim bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar u l-one-stop-shop tal-Malta Enterprise għan-negozji, il-Business First.

F’konferenza li mmarkat is-sinerġiji ġodda fl-appoġġ lin-negozji, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza kif kollaborazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu pedament ewlieni għall-Viżjoni Malta 2050 u s-suċċess futur ta’ pajjiżna. Fil-konferenza organizzata fil-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija biex timmarka l-ftehim u biex tixħet dawl fuq il-komunità tan-negozju f’Għawdex, il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif ’il fuq minn €14 miljun inħarġu mill-Malta Enterprise b’appoġġ għall-kumpaniji f’Għawdex f’dawn l-aħħar sentejn.

Permezz tal-iskema Micro Invest, bejn l-2023 u l-2024 ġew allokati total ta’ €13 miljun biex jinkoraġġixxu l-investiment u l-espansjoni tan-negozju. Dan filwaqt li l-Gozo Transport Grant ipprovdiet €590,000 biex tiffaċilita l-konnettività u l-loġistika u €460,000 ngħataw taħt inċentivi oħra fosthom allokazzjoni ta’ spazju, Business Start, Invest, Smart and Sustainable Scheme, u sussidju fuq il-kera.

“Dan is-suċċess huwa riżultat tal-ħidma konġunta bejn l-imprendituri u l-innovaturi ħabrieka tagħna u l-Gvern,” qal il-Prim Ministru Abela. Huwa tkellem dwar kif l-introduzzjoni tal-Viżjoni Malta 2050 għandha l-għan li tistabbilixxi pjan fit-tul għal Malta, li jintegra diversi aspetti tal-ħajja u li jlaqqa’ flimkien diversi Ministeri u stakeholders.

L-MOU li għadu kif ġie ffirmat bejn Business First u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar għandu l-għan li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni li minnha jgawdu n-negozji. Il-kollaborazzjoni se tiffoka fuq it-taħriġ għall-ħaddiema, simplifikazzjoni tal-proċessi għan-negozji bbażati f’Għawdex, u l-promozzjoni tal-artiġjanat lokali.

Intant meta kien qed jindirizza l-istess avveniment l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u l-Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri ssuġġerixxa li b’ħidma flimkien bejn iż-żewġ gżejjer, nistgħu nkomplu nsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna, naraw negozji jikbru u jinvestu fiż-żewġ gżejjer, u noħolqu aktar impjiegi b’pagi għoljin għaċ-ċittadini tagħna fi xtutna stess. “Dan huwa l-futur li rridu nagħtu lil uliedna, futur li jirrifletti l-viżjoni tagħna għal Malta u Għawdex, fejn l-iżvilupp ekonomiku jsir b’mod sostenibbli u b’kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd,” qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, stqarr li din il-konferenza kellha tliet għanijiet ewlenin: li jinħoloq ambjent ta’ networking bejn l-entitajiet tal-Gvern u l-komunità tan-negozju f’Għawdex, li tingħata aktar informazzjoni dwar x’joffri l-Gvern f’dak li hu appoġġ għall-investiment, u li jiġu diskussi sfidi speċifiċi li jiffaċċjaw in-negozji li joperaw f’Għawdex. Fakkar ukoll li sena ilu tnediet il-pjattaforma elettronika InvestGozo, li tippermetti li informazzjoni rilevanti relatata mal-investiment dwar Għawdex tinġabar f’sit wieħed online. Din l-inizjattiva ttieħdet mid-Direttorat għat-Turiżmu u Żvilupp Ekonomiku fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.

PR250399

Lufthansa Technik Malta se tkun qed tinvesti €22 miljun f’hangar ġdid għall-manutenzjoni tal-ajruplani wide-body, biswit il-faċilitajiet tagħha f’Ħal Luqa. Dan l-investiment huwa wkoll frott l-appoġġ tal-Gvern permezz tal-Malta Enterprise u INDIS. Ħabbar dan il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mat-tmexxija tal-kumpanija l-Erbgħa filgħodu f’konferenza tal-aħbarijiet fil-faċilitajiet tal-kumpanija fejn ġie spjegat li apparti l-hangar il-ġdid dan l-investiment li se jkun qed jinkludi wkoll spazju ġdid li ser ikun qed jakkomoda sa tliet ajruplani pparkjati.

Hekk kif kien qed jiġi spjegat dan l-investiment ġie sostnut kif il-kumpanija toffri servizzi ta’ manutenzjoni ta’ ajruplani Airbus ħlief A380 u l-Boeing 787 Dreamliner. Fil-fatt, minn hawn ħareġ il-bżonn ta’ dan il-proġett li se jwassal għal benefiċċji ekonomiċi importanti għal pajjiżna filwaqt li jiġġenera 70 impjieg ġdid u li huma high-skilled.

Fid-diskors tiegħu tal-okkażjoni, il-Prim Ministru Robert Abela sostna kif dan il-proġett se jkompli jpoġġi lil pajjiżna fuq quddiem fl-industrija dinjija tal-MRO (Maintenance, Repair and Overhaul). Madankollu rrimarka kif il-punt tat-tluq jibqgħu l-anadament tal-ekonomija Maltija u l-prospetti ekonomiċi mill-aktar b’saħħithom li qed ikompli jikseb pajjiżna, riċentament bir-rating ta’ A+ minn Fitch Ratings. “Il-kuntest ta’ dan l-investiment huwa l-andament ekonomiku pożitiv ta’ pajjiżna hekk kif mill-2013 l-ekonomija kibret b’86% biex b’hekk qabżet sew it-tkabbir medju fiż-Żona Ewro li kien ta’ 14%,” sostna Dr Abela hekk kif b’rabta mal-industrija tal-avjazzjoni rrimarka li f’sena waħda biss l-impjiegi fis-settur tal-MRO żdiedu għal 1,224 fl-2025 – żieda ta’ 14%. “B’kollox l-industrija tal-avjazzjoni waħedha f’Malta tikkontribwixxi €600 miljun fl-ekonomija ta’ pajjiżna filwaqt li tħaddem eluf ta’ persuni,” stqarr il-Prim Ministru.

“Irrid nenfasizza li l-għan tagħna bħalissa mhux fuq il-kwantità imma l-kwalità tal-impjiegi li noħolqu,” sostna l-Prim Ministru hekk kif tenna wkoll li filwaqt li din l-industrija f’pajjiżna qed tkompli tikber dan il-Gvern qed ikompli jaħdem biex jipprepara studenti Maltin sabiex ikunu jistgħu jimirħu f’dan l-industriji. “Imbuttajna fost oħrajn għal kollaborazzjoni bejn l-MCAST u l-Malta Enterprise bil-kampanja ‘chooseaviation’ li tinkoraġġixxi studenti jesploraw karrieri f’din l-industrija hekk kif qed naraw illum aktar kumpaniji qed jistabbilixxu bażi f’pajjiżna,” irrimarka l-Prim Ministru hekk kif temm jirringrazzja t-tmexxija tal-kumpanija u l-entitajiet kollha konċernati u li għenu biex jitwassal dan l-investiment.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri qal li dan l-investiment huwa sinjal ċar tal-avvanzi li għamel pajjiżna fil-qasam tal-avjazzjoni. Spjega kif permezz ta’ dan il-proġett qed inkomplu nsaħħu l-irwol ta’ pajjiżna fil-qasam ta’ tiswija u manutenzjoni ta’ ajruplani (MRO), fl-Ewropa. “Dan l-investiment ta’ €22 miljun isaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fis-settur tal-avjazzjoni. Permezz ta’ ppjanar strateġiku, innovazzjoni, u investiment b’saħħtu, qed nibnu industrija tal-avjazzjoni li hija lesta għall-futur, dinamika, u kapaċi tipprovdi servizzi tal-ogħla livell. Is-settur tal-avjazzjoni se jkun wieħed mill-pilastri ewlenin tat-tkabbir f’Viżjoni Malta 2050. Bħala Gvern, se nkomplu ninvestu fl-infrastruttura, fit-talent, u fit-teknoloġija meħtieġa biex l-industrija tal-avjazzjoni tagħna tkompli titla’ għal livelli ġodda,” sostna l-Ministru Schembri.

Il-Kap tal-Operat ta’ Lufthansa Technik Harald Gloy qal li bl-espansjoni tal-Base Maintenance Service Center tal-kumpanija f’Malta u ż-żewġ investiment riċenti fil-Portugall u l-Kanada, qed jissaħħaħ in-network globali tal-Lufthansa Technik. “B’hekk ksibna tragward ewlieni ieħor fl-istrateġija korporattiva tagħna fi żmien ftit xhur,” qal Gloy. Żied jgħid, “Il-Lufthansa Technik Malta se tkun l-ewwel fil-familja tal-Lufthansa Technik li se tagħmel xogħol fuq is-787 Dreamliner bħala Boeing-Licensed Service Center għall-modifikazzjonijiet tal-kabina. Dan mhux biss se joħloq għażliet ġodda għall-klijenti tagħna, iżda wkoll impjiegi ta’ kwalità għolja f’Malta.”

Maria Cilia, il-Kap Eżekuttiv tal-Lufthansa Technik Malta, qalet, “Illum jimmarka mument storiku għal Lufthansa Technik Malta hekk kif nibdew vjaġġ trasformattiv li se jsawwar il-futur tal-kumpanija tagħna. Dan il-proġett sinifikanti huwa aktar minn sempliċiment investiment, huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn it-tkabbir, l-innovazzjoni, u l-eċċellenza fil-manutenzjoni tal-avjazzjoni. Flimkien mal-570 kollega tiegħi hawn Malta jiena kburija immens li nara s-sit tagħna jespandi fi fruntieri ġodda. Il-proġett ta’ modifikazzjoni tal-kabina tad-Dreamliner tirrappreżenta evoluzzjoni eċitanti għall-operat tagħna, billi nibnu fuq l-għarfien espert tagħna fil-manutenzjoni. Bħala Kap Eżekuttiv, inġinier, u Maltija kburija, din l-espansjoni naraha bħala opportunità li testendi lil hinn mill-kumpanija tagħna. Issaħħaħ il-Lufthansa Technik Malta, toħloq opportunitajiet għall-impjegati tagħna, ittejjeb l-esperjenza għall-klijenti tagħna u ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala ċentru tal-avjazzjoni. Dan hu l-futur tal-avjazzjoni f’Malta.”

PR250391

Il-Gvern jappella għal rispett lejn il-Politika Nazzjonali u l-liġijiet

Kif kien imħabbar mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kabinett iddiskuta l-każ li fih 3 studenti u lettur qed jiffaċċjaw akkużi kriminali marbuta ma’ każ li kien deskritt bħala hacking etiku fuq applikazzjoni diġitali propjetà ta’ kumpanija Maltija.

Il-Kabinett tal-Ministri ħa kont tal-pożizzjoni pubblika espressa mill-allegat vittma ta’ dan ir-reat u kif ukoll tal-fatt li fil-mument li twettaq l-allegat reat il-pajjiż kien sprovist minn politika u liġijiet dwar l-identifikazzjoni tal-vulnerabbiltajiet u d-dgħufijiet tas-sigurtà fi ħdan is-sistemi u n-netwerks ta’ organizzazzjonijiet. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kabinett iddeċieda li jirrakkomanda lill-President sabiex tingħata maħfra lill-istudenti u lil-lettur li jinsabu imputati fil-każ “Il-Pulizija vs Luke Scerri et” biex b’hekk dan il-każ jingħalaq.

F’dan ir-rigward il-Gvern jgħarraf li fl-10 ta’ Diċembru tal-2024, il-Malta Digital Innovation Authority, ippubblikat in-National Coordinated Vulnerability Disclosure Policy (NCVDP), liema policy kienet imsejsa fuq konsultazzjoni pubblika li saret fis-27 ta’ Awwissu tal-istess sena (2024), li tipprovdi kundizzjonijiet u parametri għal hacking etiku. Din il-politika Nazzjonali hija wkoll ibbażata fuq id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni kollha.

Filwaqt li l-Gvern jirriafferma l-impenn tiegħu li jiddaħħlu dispożizzjonijiet fil-liġijiet li jirriflettu tali politika nazzjonali, jappella biex tali attività ssir b’rispett sħiħ lejn din l-istess politika nazzjonali u l-liġi viġġenti fil-pajjiż.

Il-lettur u l-istudenti ġew informati b’dan l-iżvilupp f’laqgħa li kellhom mal-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard.