Month: March 2025

PR250386

Sena wara l-pubblikazzjoni tal-inkjesta pubblika dwar l-inċident fatali li ħasad il-ħajja taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia, saret konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Sotto-Kumitat tal-Kabinett ikkordinat mill-Kap tas-Segretarjat tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia. Il-membri ta’ dan il-Kumitat Inter-Ministerjali huma l-Ministri Silvio Schembri, Clint Camilleri, Byron Camilleri u Jonathan Attard.

F’din il-konferenza tal-aħbarijiet qabel diskussjoni fil-Parlament ingħata rendikont tat-twettiq tar-rakkomandazzjonijiet marbuta mal-inkjesta pubblika. Inkjesta li kif kien wiegħed b’mod pubbliku l-Prim Ministru Robert Abela, ippubblika r-rapport tagħha immedjatament malli rċevieha u wera l-impenn sħiħ li jitwettqu rakkomandazzjonijiet mir-rapport. Fir-rapport tal-inkjesta pubblika kien hemm 39 rakkomandazzjoni li 96% minnhom twettqu u oħrajn li qed jitwettqu.

Fil-fatt issemmew numru ta’ riformi li komplew jgħollu l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni fosthom b’ħames inizjattivi immedjati li sena ilu kienu tħabbru mill-Prim Ministru li se jsiru minnufih u fil-fatt saru. Dawn il-bidliet jitkellmu fuq leħen akbar liċ-ċittadin, partikolarment dak milqut mis-settur tal-kostruzzjoni. Dan permezz tal-introduzzjoni tal-helpline 138, li jintuża biex isiru rapporti fuq allegat abbużi fis-settur tal-kostruzzjoni u s-servizz mogħti mingħajr ħlas ta’ Avukat jew Perit lil persuni milquta mis-settur inkwistjoni. Dan apparti infurzar aktar b’saħħtu, liġi ġdida tal-OHSA li għaddiet sas-sajf li għadda, ħarsien tal-bini b’emendi biex jiġu regolati strutturi magħrufa bħala stand-alone u r-riforma fl-allokazzjoni tal-art b’titjib fi proċessi ta’ art industrijali fost oħrajn.

Il-Kumitat Inter-Ministerjali mbotta ’l quddiem l-implimentazzjoni ta’ riformi oħra favur standards ogħla fis-settur tal-kostruzzjoni fosthom fejn tidħol l-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ min jaħdem fis-settur. Il-Malta Labour Migration Policy hija pass ieħor konkret parti mir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika li se tiżgura suq tax-xogħol aktar ġust u li jipproteġi d-drittijiet tal-ħaddiema, inkluż dawk li jaħdmu fis-settur tal-kostruzzjoni. Dan apparti kollaborazzjoni bejn Awtoritajiet bħall-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA). Flimkien ma’ dan, fi 12-il xahar kien hemm żieda u investiment akbar fir-riżorsa umana tal-Awtoritajiet li qed isaħħu l-infurzar fis-settur.

Il-bidliet kbar li saru telqu wkoll minn riforma ewlenija li mbotta l-Gvern bil-liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi li wasslet biex mentalità antika ta’ nuqqas ta’ regolar li kellu l-pajjiż għal tant snin, issa ġiet indirizzata. Dan apparti ftehim li ġab l-imsieħba ewlenin fis-settur biex jimplimentaw il-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Il-Gvern jibqa’ impenjat u determinat b’mod sod li jkompli jgħolli l-istandards fis-settur tal-kostruzzjoni kif jixraq liċ-ċittadini u l-ħaddiema ta’ pajjiżna.

PR250382

F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha tnediet l-inizjattiva ‘Żomm Tarmix’, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-istess inizjattiva bħala waħda importanti kontra l-ħela tal-ikel li hi proġett ieħor imsejjes fuq żewġ prinċipji ewlenin, dak tal-ġustizzja soċjali fejn ngħinu lin-nies jgħixu tajjeb u f’saħħithom u l-prinċipju tas-sostenibbiltà billi nassiguraw l-aqwa użu tar-riżorsi tagħna b’enfasi favur l-ambjent.

L-inizjattiva mħabbra se tkun fuq qafas diġitali tarmix.gov.mt fejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel se tkun qed iġġib flimkien negozji li jagħtu donazzjoni tal-ikel li jkun qrib skadenza u dan jingħata lill-għaqdiet volontarji. B’dan il-qafas se titjieb l-effiċjenza, tiżdied it-trasparenza u tonqos il-ħela tal-ikel filwaqt li jitrawwem mudell ta’ ekonomija ċirkolari f’Malta. Il-benefatturi, li huma n-negozji, se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal inċentivi fit-tnaqqis fit-taxxa.

F’indirizz li għamel, il-Prim Ministru Robert Abela fisser l-importanza tal-provvista tal-ikel, aspett li nħass aktar waqt il-pandemija u quddiem sfidi ġeo-politiċi kurrenti madwar id-dinja. Il-Prim Ministru qal li apparti l-għan ewlieni ta’ din l-inizjattiva kontra l-ħela tal-ikel hemm miri oħra fosthom li nilħqu aktar nies bit-tqassim tal-ikel minn għaqdiet volontarji u anki bil-bejgħ ta’ prodotti tal-ikel bi prezz ridott. Semma wkoll il-fatt li b’din l-inizjattiva se jiġu ppremjati n-negozji parteċipi li ma jinteressahomx biss mill-profitti li jagħmlu iżda jagħrfu li għandhom ukoll irwol soċjali.

Il-Prim Ministru semma wkoll l-Aġenzija Maltija tal-Ikel li f’temp ta’ ftit snin mindu twaqqfet ġabet bidliet importanti fis-settur tal-ikel. Hawn spjega riżultati marbuta mad-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-ikel lill-għaqdiet volontarji u l-kollaborazzjoni ma’ Wasteserv fuq il-produzzjoni u t-tqassim tal-kompost. Aċċenna wkoll dwar il-ħidma marbuta ma’ prodotti lokali bħall-ħaxix, frott u laħam li qed jiġi ppreżentat aħjar u jidħol f’aktar ħwienet u djar Maltin. Dan apparti l-introduzzjoni ta’ sistemi moderni li wasslu għal żidiet sinifikanti fil-bejgħ li jsir mill-Pitkalija.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata wkoll mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo. Il-Ministru Refalo saħaq, “Bis-saħħa ta’ din l-inizjattiva, il-Gvern ser ikun qed jiffaċilita l-koordinazzjoni bejn in-negozji u l-għaqdiet volontarji sabiex niżguraw l-aħjar użu tal-ikel u fl-istess waqt inkunu qegħdin inaqqsu l-ħela. Persważ li n-negozji se jagħtu s-sehem kollu tagħhom sabiex din l-inizjattiva tkun suċċess. Hawnhekk il-Gvern qed jieħu azzjoni konkreta u fl-istess ħin jsaħħaħ il-ġustizzja soċjali, kif wegħedna fil-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’. Din l-istrateġija mhux biss tnaqqas ir-rimi, imma tgħin ukoll familji Maltin u Għawdxin jiksbu prodotti ta’ kwalità bi prezzijiet aktar raġonevoli.”

Il-pjattaforma diġitali se tipprovdi mekkaniżmu trasparenti u effiċjenti biex id-distribuzzjoni tal-ikel isseħħ b’mod effettiv, u biex jiġi żgurat li l-għajnuna tasal għand dawk li verament għandhom bżonnha. L-organizzazzjonijiet volontarji se jkunu jistgħu jirreġistraw permezz ta’ e-ID biex jiġi żgurat li l-proċess ikun sigur u li l-għajnuna tilħaq lil dawk l-aktar fil-bżonn.

Il-ħela tal-ikel tmur kontra l-prinċipji tal-ġustizzja soċjali u għalhekk din l-inizjattiva hi parti mill-isforzi tal-Gvern biex inaqqas il-ħela tal-ikel u jinkoraġġixxi modi sostenibbli kemm ekonomiċi kif ukoll soċjali hekk kif din l-iskema se tkun ta’ għajnuna għal dawk li l-aktar għandhom bżonn fis-soċjetà. Barra minn hekk, Malta se tkun fost il-pajjiżi li qed jagħmlu avvanzi konkreti fl-implimentazzjoni tal-mudell ta’ ekonomija ċirkolari, fejn il-prodotti ma jintremewx imma jintużaw biex tgawdi l-komunità kollha.

Waqt it-tnedija ta’ din l-inizjattiva ġie ffirmat ftehim dwar din l-iskema bejn l-Aġenzija Maltija tal-Ikel, imsieħba soċjali u għaqdiet volontarji.

PR250374

Fl-okkażjoni ta’ Jum il-Mara, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ppremja lill-14-il mara li spikkaw u ħallew impatt sinifikanti fl-oqsma tagħhom. It-tieni edizzjoni tas-serata MARA serviet biex jintwerew stejjer ta’ suċċess li jservu ta’ eżempju pożittiv għal tant bniet u tfajliet oħra.

Fost ir-rebbieħa tal-unuri kien hemm is-Segretarju Eżekuttiv tal-ALS Malta Maria Formosa li rebħet il-People’s Choice Award bil-vot tal-pubbliku. 

Isabelle Bonnici, omm iż-żgħażugħ Jean Paul Sofia, ingħatat The Remarkable Woman Award u Nancy Scerri, li ilha taħdem mal-Caritas Malta għal 35 sena, ingħatat The Lifetime Achievemnt Award. Dawn iż-żewġ rikonoxximenti ngħataw direttament fuq għażla ta’ mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela. 

L-unuri l-oħra kienu bbażati fuq nominazzjonijiet li daħlu mill-pubbliku, imsieħba soċjali u għaqdiet non-governattivi, u li r-rebbieħa tagħhom ġew magħżula mill-bord ta’ MARA 2025 kompost minn Dr Stephanie Fabri, Josette Ciappara, Prof Anton Anton Grech, Sarah-Lee Zammit u Mario Cutajar.

Fid-diskors tal-okkażjoni, mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela qalet li din iċ-ċelebrazzjoni ta’ talent u dedikazzjoni hija prova oħra ta’ kemm għandna nkunu kburin bin-nisa Maltin u Għawdxin. “L-istejjer ta’ suċċess tal-lum huma xhieda ta’ kemm in-nisa jistgħu jagħmlu d-diffrenza. Fil-familja, iżda wkoll fin-negozju. Fil-qasam soċjali, iżda wkoll fix-xjenza u t-teknoloġija,” saħqet Dr Abela.

Dr Abela qalet li, fiċ-ċokon tiegħu, pajjiżna għamel iktar minn min huwa ikbar minnu biex fl-aħħar snin ħareġ lin-nisa fid-dinja tax-xogħol, għen lin-nisa jsiru ommijiet, u ħatar lin-nisa bħala kapijiet tal-istat u fuq il-mejda tad-deċiżjonijiet.

Spjegat kif dawn huma passi li jibagħtu s-sinjal it-tajjeb. “Sfidi kellna, u jibqa’ jkollna. Iżda ejja ngħożżu t-titjib li sar u nużawh bħala determinazzjoni biex naslu iktar,” qalet mart il-Prim Ministru.

Dr Abela tkellmet dwar stejjer umani li huma testimonjanza ta’ mħabba bla limitu li kapaċi tagħti l-mara. 

Mara li tagħti l-ħajja lil ulied. Mara li, waqt li qed trabbi lil uliedha, tieħu ħsieb ukoll lil ommha u missierha. Mara li ġġieldet kontra l-abbuż, f’isimha u f’isem min forsi ma setax jitkellem. Mara li studjat, għandha professjoni u emmnet fil-kapacità tagħha. Mara li fetħet negozju li permezz tiegħu ħarġet it-talent tagħha u ħolqot ix-xogħol. Mara li nsejħulha nanna, li tibqa’ b’qalb żagħżugħa, tgħin lil uliedha fit-trobbija ta’ uliedhom.

Dr Abela qalet li rridu nkomplu nisfidaw l-isterjotipi. “Is-suċċess tal-mara mhuwiex imkejjel bil-ħwejjeġ li tilbes jew bil-moda li ssegwi, imma bl-impatt li nħallu, bl-ostakli li negħlbu, bil-bidliet li nispiraw.”

Mart il-Prim Ministru temmet tgħid li d-dinja tkun dejjem isbaħ meta timxi b’dinjità, rispett u ugwaljanza, id f’id, nisa u irġiel, flimkien, lejn għanijiet indaqs u komuni.

Intant, ir-rebbieħa kollha tas-serata MARA 2025 kienu dawn:

Antoinette Vassallo – Social Justice Advocacy Award

Eleanor Scerri – Excellence in Education & Mentorship Award

Josephine Formosa – Leader in Business and Entrepreneurship Award

Winifred Buhagiar – Resilience in Healthcare & Wellness Award

Marvic Refalo – Environmental Activism Award

Yolanda Chircop – Champion in Sports Award

Isabelle Bonnici – Remarkable Woman Award

Maria Formosa – People’s Choice Award

Maria Attard – Community Impact Award

Nancy Caruana – Dedication in Public Service Award

Charlene Vella – Empowerment through Arts and Culture Award

Jeanesse Scerri – Innovation in Science and Technology Award

Vladyslava Kravchenko – Shape the Future Award

Nancy Scerri – Lifetime Achievement Award

PR250368

In-newtralità u l-paċi fil-qalba tal-pożizzjoni Maltija waqt is-Summit Straordinarju tal-Mexxejja tal-Unjoni Ewropea

Il-Prim Ministru Malti Robert Abela, ilbieraħ ipparteċipa f’laqgħa straordinarja tal-mexxejja tal-Unjoni Ewropea fi Brussell li ffukat fuq it-tema tad-difiża u s-sigurtà, u dwar l-Ukrajna.

Matul din il-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li filwaqt li pajjiżna jirrikonoxxi l-isfidi marbuta mas-sigurtà tal-Unjoni Ewropea, it-triq ’il quddiem trid tibqa’  tkun waħda li tipprijoritizza d-djalogu u d-diplomazija. Huwa tenna li gwidat mill-prinċipju tan-newtralità, pajjiżna ma jemminx li s-soluzzjoni għall-gwerer huma l-armi, u għaldaqstant saħaq fuq il-ħtieġa ta’ kumplimentarità fl-approċċi madwar il-mejda. 

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-bżonn li jiġu mħarsa d-diversi aspetti tas-sigurtà u d-difiża, inkluż dawk taċ-ċibersigurtà, theddid ibridu u s-sigurtà ta’ infrastruttura kritika. Huwa tenna li għaldaqstant kull pajjiż għandu jkollu l-għażla li jiddeċiedi hu fejn jinvesti u saħaq li d-deċiżjonijiet meħuda fuq livell tal-Unjoni Ewropea għandhom ikunu inklużivi, tali li ma jeskludux pajjiżi bħal Malta li ma jridux jinvestu f’armi letali.

Dr Robert Abela tenna li fil-qofol ta’ din id-diskussjoni importanti irid ikun aktar ċar il-messaġġ li l-Unjoni Ewropea qed taħdem biss lejn aktar sigurtà, reżiljenza u stabbiltà, mhux lejn aktar konflitti u eskalazzjoni.

“Irridu nibnu Ewropa aktar b’saħħitha u sovrana—waħda li tħares is-sigurtà tagħha filwaqt li tibqa’ forza għall-paċi. Iżda rridu nagħmlu dan b’mod responsabbli, inklużiv, u b’rispett sħiħ għall-valuri tagħna u r-realtajiet tal-Istati Membri kollha.”

Matul is-Summit, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li għall-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja jemmen li hemm soluzzjoni waħda u dejjiema: dik tal-paċi. Għal darb’oħra, Malta appellat li l-Unjoni Ewropea trid tieħu l-okkażjoni u tassigura li tieħu vantaġġ mill-iżviluppi li qed iseħħu sabiex fl-Ukrajna jinkiseb paċi sostenibbli, djalogu u rispett sħiħ lejn l-ordni li jsibu l-qofol fil-liġijiet internazzjonali. 

Dr Abela qal li pajjiżna jibqa’ kommess li jagħti l-appoġġ lill-Ukrajna, u qal li fl-ispirtu li pajjiżna mexa fl-irwoli li kellu fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda u anke fl-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, ser jibqa’ jkun aġent għad-djalogu u l-paċi fejn semma wkoll l-offerta li għamel biex pajjiżna jservi ta’ spazju sigur għal dawn id-diskussjonijiet diplomatiċi. 

Matul id-diskussjoni, il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li filwaqt li pajjiżna jifhem l-urġenza marbuta mal-aggressjoni Russa fuq l-Ukrajna u l-impatt li fuq il-pajjiżi tal-Lvant, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tinjora l-fruntieri l-oħra tagħha, inkluż dik tan-Nofsinhar u għaldaqstant, għandha tingħata attenzjoni sħiħa lill-fruntieri kollha.

Nhar it-Tnejn filgħodu, fil-Furjana, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-parteċipanti tal-Karnival qabel ma taw bidu għal ġurnata oħra mimlija attivitajiet organizzati minn Festivals Malta fil-Belt Valletta.

Waqt iż-żjara, Dr Abela ra l-ħidma mwettqa b’mod volontarju u b’tant dedikazzjoni mid-dilettanti tal-Karnival biex joħolqu l-karrijiet tagħhom, kif ukoll kostumi u żfin biex jitgawdew mill-pubbliku kif ukoll mit-turisti li jżuru pajjiżna waqt dawn il-ġranet tal-Karnival.

Il-Prim Ministru rringrazzja lill-parteċipanti kollha u l-organizzaturi għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom sabiex ikomplu jżommu ħaj it-tradizzjoni tal-Karnival. Huwa saħaq li dawn it-tradizzjonijiet kulturali huma parti mill-identità tagħna u għaldaqstant il-Gvern kommess li jibqa’ jżid l-investiment fil-qasam kulturali sabiex tibqa’ tiġi ppreservata l-identità ta’ pajjiżna.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru Robert Abela kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u d-Direttur Artistiku tal-Karnival Jason Busuttil, flimkien ma’ rappreżentanti minn Festivals Malta.