Month: November 2025

PR251970

Il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, żar l-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) f’Pembroke fejn iltaqa’ mal-istudenti li jattendu din l-iskola sabiex jispeċjalizzaw fid-dixxiplini sportivi tagħhom. L-NSS hija skola sekondarja li tgħaqqad l-edukazzjoni akkademika mat-taħriġ sportiv ta’ livell għoli, bil-għan li tiżviluppa l-atleti żgħażagħ Maltin sabiex jilħqu livell professjonali fid-dixxiplina sportiva tagħhom. Din l-skola għandha total ta’ 241 student u toffri taħriġ f’21 dixxiplina sportiva.

Waqt din iż-żjara, il-Prim Ministru Abela kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ studenti li kisbu riżultati barra minn xtutna, fosthom Sophie St John li bħalissa qed tagħmel suċċess fil-ġinnastika. Din l-iskola kienet strumentali sabiex atleti bħall-għawwiema Sasha Gatt li ħadet sehem fl-Olimpjadi u l-player tal-futbol Hailey Bugeja li tilgħab fis-Serie A fl-Italja waslu f’dan il-livelliprofessjonali. Dawn il-kisbiet huma xhieda li pajjiżna kapaċi jkollu atleti ta’ livell għoli bħal kull pajjiż ieħor.

Matul diskussjonijiet mal-edukaturi u t-tmexxija tal-iskola, il-Prim Ministru tkellem dwar l-investiment sinifikanti tal-Gvern fl-edukazzjoni u l-isport. Huwa semma kif fil-Budget ta’ din is-sena, il-Gvern qed jippjana li jinvesti aktar minn €13-il miljun bħala parti mill-EDU Infrastructure Programme, biex isaħħaħ l-infrastruttura u jsir ir-rinnovar fil-kulleġġi filwaqt li joħloqspazji edukattivi moderni u inklużivi. F’dan il-kuntest, huwa semma wkoll l-estensjoni tal-iskema tal-gym b’xejn għaż-żgħażagħ, li issa qed tinkludi wkoll żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-21 sena.

Il-Prim Ministru spejga wkoll kif sal-aħħar ta’ din is-sena se jkunu tqassmu madwar 20,000 apparat diġitali lill-istudenti tas-snin 4, 7, 8 u 9 biex jiġi assigurat aċċess ugwali għat-teknoloġija. Barra minn hekk, il-Gvern se jipprovdi għajnuna finanzjarja ta’ €500 lill-familji kollha li għandhom studenti fis-Sena 10 u 11 biex ikompli jsaħħaħ l-Istrateġija Diġitali għall-Edukazzjoni.

Inizjattivi bħall-espansjoni tal-proġett tal-Handball Pavilion f’kumpless sportiv multifunzjonali u l-ftuħ uffiċjali ta’ faċilitajiet ġodda bħall-Marsa Sports Complex u ċ-Ċentru Nazzjonali tat-Tennis f’Pembroke, juru l-impenn tal-Gvern biex jippromwovi l-attività fiżika u l-edukazzjoni ħolistika.

PR251962

Aktar minn 280,000 ħaddiem bdew jirċievu għotja oħra għat-tmien sena konsekuttiva. Dan huwa ċekk għall-ħaddiema biex il-Gvern ikompli jippremja l-bżulija. Għotja ta’ bejn €60 u €140 għall-ħaddiema li kienu f’impjieg fl-2023. B’kollox, għal din l-għotja, fuq medda ta’ tmien snin, il-Gvern se jkun investa ftit aktar minn €158 miljun.

Din l-għotja hija addizzjonali għall-investiment li qed isir fil-ħaddiema bl-akbar rati ta’ tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema kollha. Tax cut għall-ħaddiema kollha li tfisser li minn tal-inqas kull ħaddiem ma jħallasx taxxa fuq l-ewwel €1,000 fix-xahar li jaqla’.

Il-Gvern ħabbar ukoll Budget għas-sena d-dieħla li fih se jnaqqas iżjed it-taxxa għall-ħaddiema ġenituri fejn familja b’żewġ ġenituri u żewġt itfal b’paga sa €30,000 kull ġenitur mhux se tħallas ċenteżmu taxxa mill-2028 għal kwart ta’ seklu. Ġenituri ħaddiema anki b’wild wieħed se jgawdu b’mod saħħtu t-tnaqqis fit-taxxa. Fil-fatt dawk b’wild wieħed mhux se jħallsu taxxa fuq l-ewwel €1,500 fix-xahar li jaqilgħu u dawk b’żewġ ulied, ma jħallsux taxxa fuq l-ewwel €2,500 fix-xahar li jaqilgħu.

Il-Gvern baqa’ jipproteġi l-interessi tal-ħaddiema u l-familji fi żmien li pajjiżi lil hinn minn Malta qed jaffaċċjaw sfidi bla preċedent u Gvernijiet fl-Ewropa qed ikunu kostretti jimponu l-awsterità. Min-naħa l-oħra, frott ekonomija b’saħħitha li tagħti garanzija għal uliedna, il-Gvern Malti mmexxi mill-Prim Ministru Robert Abela qed ikompli jinċentiva s-settur tax-xogħol favur ħolqien ta’ karrieri ta’ kwalità u li jrendu. Fil-fatt il-Budget 2026 se jinċentiva wkoll lin-negozji billi ġew introdotti skemi li bihom jissussidja sa 80% taż-żidiet fil-pagi, sa €960 fis-sena, li min iħaddem jagħti lil ħaddiema li ilhom jaħdmu miegħu aktar minn erba’ snin f’Għawdex u l-istess għall-ħaddiema f’kumpaniji f’Malta b’sussidju sa 60% taż-żieda fil-paga, sa massimu ta’ €780 fis-sena.

Il-Gvern isostni li se jkompli jippremja l-bżulija tal-ħaddiema b’miżuri mmirati li jkomplu jżidu d-dħul tagħhom wara li huma l-kontributuri ewlenin għas-suċċess ta’ pajjiżna.

PR251961

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, żar is-swali tal-operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei biex jara mil-qrib kif l-investiment rekord li l-Gvern qed jagħmel fis-settur tas-saħħa qed iwassal għal aktar interventi u servizzi aħjar għall-pazjenti Maltin u Għawdxin.

Matul iż-żjara tiegħu fit-taqsima tal-Operating Theatres, il-Prim Ministru kellu l-opportunità jiltaqa’ ma’ pazjenti li kienu se jiġu operati matul il-jum. Hawnhekk ukoll żar il-kirurgi waqt li kienu lesti biex jibdew iwettqu l-interventi tal-ġurnata, filwaqt li ra mill-qrib l-apparat robotiku kirurġiku li permezz tal-investiment tiegħu qed jonqsu r-rati ta’ kumplikazzjonijiet u ż-żmien tal-irkupru. Waqt din iż-żjara il-Prim Ministru żar ukoll il-binja tal-amministrazzjoni tal-isptar li bħalissa tinsab taħt manutenzjoni u tibdil intensiv biex minn binja bl-uffiċini tinbidel għal żewg swali b’47 sodda.

Fl-aħħar sena, in-numru ta’ operazzjonijiet żdied b’rata kbira grazzi għall-investiment fil-kirurġija robotika u fis-sistema ta’ outsourcing mal-isptarijiet privati. Fl-2025, l-interventi bħal dawk tal-hip u knee replacements żdiedu b’mod qawwi. L-interventi ta’ knee replacements biss żdiedu għal 890 meta mqabbla ma’ 390 fl-2024, filwaqt li l-interventi tal-endoskopija  laħqu aktar minn 13,000, żieda ta’ kważi 2,400 fuq is-sena ta’ qabel. Dan grazzi għall-introduzzjoni ta’ proċeduri avvanzati bħal Capsule Endoscopy, li permezz ta’ kapsula tippermetti li jittieħdu ritratti tal-intern mingħajr ebda uġigħ jew loppju.

Dawn l-avvanzi kollha setgħu isiru grazzi għal investiment mill-Gvern fis-settur tas-saħħa. Is-sena l-oħra il-Gvern investa €14-il miljun f’sistema ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat li rriżultat fit tnaqqasi tal-istennija tal-pazjenti għal diversi tipi ta’ interventi, fosthom tal-għadam, tal-ftuq, u dawk radjoloġiċi bħall-CT u MRI scans. Bil-Budget għas-sena d-dieħla, l-investiment kapitalifis-saħħa se jiżdied għal €107 miljun, żieda ta’ 4% fuq din is-sena. Dan hekk kif il-Gvern se jibda tliet proġetti kbar: sptar ta’ 300 sodda f’San Vinċenz de Paul, sptar ġdid għas-saħħa mentali u l-estensjoni tad-Dipartiment tal-Emerġenza.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal: “L-investiment bla preċedent fil-qasam tas-saħħa hu xhieda konkreta ta’ Gvern li jpoġġi lill-bniedem fiċ-ċentru tal-politika tiegħu. Għall kull operazzjoni oħra li jirnexxilena nżidu, għall kull pazjent li jirkupra aktar malajr, nkunu qed nagħtu ħajja aħjar għall-familji Maltin u Għawdxin.” Huwa faħħar il-professjonisti kollha għax-xogħol li jwettqu ta’ kuljum biex is-sistema tas-saħħa Maltija tibqa’ toffri l-aqwa servizz.

PR251951

Il-Prim Ministru Robert Abela jinnota kif Tribunal reputabbli xejjen il-gidba tal-€400 miljun

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar id-deċiżjoni tal-Arbitraġġ Internazzjonali tal-Kamra Internazzjonali tal-Kummerċ, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li b’ħila, b’kompetenza u b’għarfien tas-suġġett, il-Gvern Malti rnexxielu jiddefendi l-interessi ta’ pajjiżna. Dan wara li l-interessi ta’ Malta ipprevalew fil-proċeduri kontra Steward Healthcare.

Il-Prim Ministru Robert Abela spjega kif wara li sentejn u nofs ilu kien hemm is-sentenza tal-Prim Awla Ċivili li ħassret il-konċessjoni tal-isptarijiet, il-Gvern daħal minnufih fil-pussess tal-isptarijiet, qabel ma’ fl-istadju tal-appell tal-Qorti Maltija irrifurmat is-sentenza inizjali.

Il-Prim Ministru nnota li t-Tribuna xejjen għal kollox dak li ngħad mill-Oppożizzjoni, li Steward Healthcare kienu ħarbu minn Malta b’€400 miljun u l-Gvern ta’ Malta ħallashom ta’ servizz li ma għamlux. Dr Abela qal li t-Tribunal, bl-esperti tekniċi tiegħu għamel eżerċizzju li bih eżamina x’ħallas il-Gvern lil Steward Healthcare u x’ta lura f’servizz Steward Healthcare. Hawn it-Tribunal iddikjara li l-Istat Malti ħa l-valur ġust ta’ dak li ħallas.

Il-Prim Ministru Robert Abela għalhekk spjega li t-Tribunal ikkonkluda li l-konċessjonarju ta b’aktar servizzi milli ġew imħallsa u meta wieħed iqis ukoll spejjeż li għandu jirrifondi Steward Healthcare favur l-Istat Malti, id-differenza dovuta għall-kumpanija hija ta’ ftit aktar minn erba’ miljun u nofs ewro.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru rrimarka wkoll li l-Gvern ġie espost li għax ħassar il-konċessjoni wara l-ewwel deċiżjoni tal-Qorti Maltija, saret talba minn Steward li tlaħħaq il-€148 miljun biex titħallas mill-Gvern. Dik it-talba ġiet miċħuda mit-Tribunal u għalhekk il-Gvern Malti mhu se jħallas xejn minn din is-somma.

Dr Abela fakkar li t-Tribunal tal-ogħla kalibru b’reputazzjoni internazzjonali llum ta deċiżjoni awtorevoli fuq ukoll Oppożizzjoni li biegħet falsità li baqgħet tirrepetiha bit-tama li titwemmen. Saħaq li b’differenza, il-Gvern iddefenda l-interessi nazzjonali u hekk se jibqa’ jagħmel.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard ta elenku għal dak li wettqet din l-amministrazzjoni biex kompliet tiddefendi l-interess nazzjonali. Il-Ministru sostna li d-deċiżjoni tal-lum mhijiex biss eżitu ta’ natura legali iżda wkoll ċertifikat favur il-governanza t-tajba li biha jgawdi l-poplu Malti. Fakkar kif f’nofs proċeduri quddiem Arbitraġġ Internazzjonali, l-Oppożizzjoni għamlet proċess biex diżnatura l-irwol tal-Avukat tal-Istat billi ħadet it-triq tal-irresponsabbiltà u fetħet kawża biex l-Avukat tal-Istat ifittex nies bħall-Prim Ministru u Ministri fil-Kabinett. Dr Attard ingħaqad mal-Prim Ministru u rringrazzja lit-tim legali li ħadem b’impenn sħiħ favur l-interessi tal-Istat Malti.

PR251947

Government succeeds in its defence and core position vindicated at the International Chamber of Commerce

The Government of Malta earlier this morning received a copy of the award delivered by the arbitration tribunal in the international arbitration proceedings involving Steward Healthcare and rendered under the Rules of the International Chamber of Commerce (ICC).

The tribunal upheld the Government’s primary defence and rejected Steward Healthcare’s contractual claim of circa €148 million.

The arbitral tribunal has rejected Steward’s claims and applied the restitution principles in accordance with Maltese Law. No damages have been awarded to either party. The arbitral tribunal has recognised that Malta received fair value for services delivered by Steward and payments made by the Government of Malta under the concession.

According to the ICC award, the total benefits received by the Government of Malta stand at €889,434,091 while the benefits received by Steward Healthcare stand at €884,644,629, with a shortfall of €4.78 million owed to Steward Healthcare.

The ICC tribunal rejected Steward’s claim that the Government of Malta had unlawfully terminated the concession and owed it contractual damages. 

The Government of Malta will continue reviewing the full decision with the State Advocate and its legal advisors to consider the legal implications of the award.

The outcome of the arbitration proceedings vindicates the Government’s approach in protecting the national interest and ensures that public resources continue to be managed in the best interests of Maltese citizens. 

The Government of Malta thanks the civil servants and legal advisors who assisted in safeguarding the public interest in this matter.

Further information will be provided once the Government’s legal team completes its assessment of the tribunal’s detailed findings.