Month: January 2026

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ lil Aidan Cassar, ir-rappreżentant ta’ Malta għall-Eurovision Song Contest li se jsir f’Mejju ġej, f’Vjenna, l-Awstrija. 

Il-Prim Ministru Robert Abela feraħ lil Aidan Cassar għall-prestazzjoni tiegħu u awguralu kull suċċess kemm għall-Eurovision Song Contest kif ukoll għall-futur.

Dr Abela rrimarka fuq il-livell dejjem jogħla ta’ talent Malti u sostna li l-Gvern jibqa’ kommess li jkompli jinvesti fit-talent artistiku lokali u li jkompli jappoġġja festivals li joffru lill-artisti Maltin pjattaforma anki internazzjonali sabiex juru t-talent tagħhom.

Flimkien ma’ Aidan Cassar kien hemm iċ-Chairperson u l-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services Anna Bonett u Keith Chetcuti rispettivament.

PR260057

Il-Prim Ministru Robert Abela jindirizza lill-Konsli Onorarji ta’ Malta waqt l-iskambju ta’ awguri fil-bidu tas-sena l-ġdida. Id-diskors qed ikun ippubblikat.

PR260053

Waqt l-inawgurazzjoni tal-ftuħ uffiċjali tat-tielet u l-aħħar fażi tal-Kumpless Sportiv fil-Marsa, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif dan il-Kumpless jikkonferma l-investiment kontinwu tal-Gvern fl-isport, fl-atleti u fil-futur tagħhom.

Il-Kumpless Sportiv tal-Marsa jikkonsisti fi tliet fażijiet distinti, li jinkludu l-kumpless sportiv għall-ġinnastika u sport ieħor, il-proġett ta’ riġenerazzjoni tal-binja storika tal-1903, kif ukoll din l-aħħar fażi taċ-ċentru dedikat għall-Weightlifting, Squash, Netball u fitness. B’kollox, l-investiment fuq dawn it-tliet fażijiet jaqbeż is-€16-il miljun.

Dan il-kumpless sportiv jikkonsisti fi tlett sulari ta’ faċilitajiet sportivi u anċillari u joffri faċilitajiet sportivi tal-ogħla livell, kif jixraq fiż-żminijiet tal-llum. Fl-aħħar fażi tlesta investiment f’courts ġodda għall-isport tal-Isquash u tan-Netball, ċentru dedikat għall-Weightlifting, kif ukoll fitness centre ta’ livell għoli, imwettaq permezz ta’ sħubija mal-privat.

Il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif permezz ta’ dawn il-faċilitajiet, il-komunitajiet sportivi issa jistgħu jgawdu ambjent modern, professjonali u aċċessibbli, li jsaħħaħ it-taħriġ, il-kompetizzjoni u l-iżvilupp tal-atleti f’kull stadju tal-karriera tagħhom.

Huwa semma li investiment sportiv bħal dan se jkompli jqiegħed lil Malta fuq il-mappa dinjija tal-kompetizzjonijiet internazzjonali. Is-sena d-dieħla, Malta se tkun qed tilqa’ l-Youth Commonwealth Games, b’parteċipazzjoni ta’ 74 pajjiż differenti. Avveniment ta’ din il-portata li wasal ukoll f’pajjiżna grazzi għal dawn l-investimenti li qed inwettqu u li se jkompli jeleva l-istandards sportivi f’pajjiżna u jpoġġi lil Malta fuq il-mappa sportiva dinjija. “Dan se jkun l-akbar avveniment sportiv,” saħaq il-Prim Ministru hu u jinnota li l-faċilitajiet inawgurati se jintużaw f’dawn il-Logħob.

Dr Abela nnota kif l-investiment fil-qasam sportiv huwa parti minn viżjoni usa’, li biha l-Gvern qed ikompli jpoġġi l-isport bħala pilastru ewlieni tas-soċjetà billi jippromwovi saħħa aħjar, dixxiplina, ħidma f’tim u sens qawwi ta’ komunità. Huwa rrimarka li permezz ta’ SportMalta, il-Gvern qed jaħdem b’mod strateġiku biex joħloq infrastruttura li twieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum kif ukoll dawk tal-ġejjieni.

Matul id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Abela għamel ukoll referenza għall-investiment li sar fil-Padiljun Sportiv u Akwatiku fir-Rabat, Għawdex, fost investimenti oħra li waslu bis-saħħa wkoll ta’ ekonomija b’saħħitha li qed twassalna biex issa nniedu l-Viżjoni Malta 2050 biex Malta titla’ l-livell li jmiss. Fil-Marsa semma wkoll il-pjanijiet tal-Gvern biex jirriġenera l-Marsa u l-inħawi tal-Port il-Kbir f’aktar investiment ta’ kwalità li se jimbotta ’l quddiem il-Gvern. 

Fil-messaġġ tiegħu l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar is-snin ta’ ħidma fis-settur importanti tal-isport f’pajjiżna. Huwa qal li matul is-snin riċenti kien hemm u se jkompli jkun hemm investiment kbir li permezz tiegħu pajjiżna qed jagħmel qabża ta’ kwalità fis-settur. Ħidma mhux biss fit-twettiq ta’ proġetti infrastrutturali, imma wkoll fl-għajnuna li qed tingħata lill-assoċjazzjonijiet, għaqdiet u klabbs sportivi, anke fl-għajnuna finanzjarja diretta lill-atleti u l-isportivi. “L-infrastruttura ġdida u l-faċilitajiet mtejba qed jagħtu opportunitajiet aħjar għall-atleti li jħejju għal-logħobkompetittiv u għall-formazzjoni sportiva tagħhom. Din il-ħidma qed twassal biex pajjiżna qed dejjem aktar isir ċentru fejn nilqgħu avvenimenti sportivi ta’ kalibru internazzjonali, apparti li qed nagħtu faċilitajiet mill-aqwa lill-atleti u sportivi u lill-poplu kollu”, qal il-Ministru Grima.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar saħaq kif SportMalta biddlet il-faċilitajiet sportivi tal-Marsa, li qabel kienu fi stat ħażin, f’kumplessi sportivi ta’ livell għoli li jaqdu lill-assoċjazzjonijiet, lill-klabbs, jospitaw avvenimenti internazzjonali, kif ukoll l-isport u l-attività fiżika għall-komunità inġenerali.

Matul iċ-ċerimonja saret ukoll diskussjoni bejn tliet atleti li jirrappreżentaw dixxiplini differenti, fejn l-atleti qasmu l-esperjenza tagħhom dwar l-importanza ta’ faċilitajiet moderni, il-preparazzjoni għall-kompetizzjoni u r-rwol tal-isport fil-ħajja taż-żgħażagħ. Fid-diskussjoni ħadu sehem atleti mill-isport tal-iSquash, in-Netball u l-Weightlifting, li enfasizzaw kif dawn l-investimenti qed jagħtu opportunitajiet ġodda lill-atleti Maltin biex jikkompetu b’suċċess fuq livell internazzjonali.

PR260047

Prime Minister Robert Abela addresses the Diplomatic Corps during exchanges of New Year Greetings. The speech is being published.

PR260033

F’laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ li matulha ġie ppreżentat ir-rapport ta’ ħidma tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ 2025, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar l-importanza tal-intelliġenza artifiċjali u l-użu responsabbli tagħha. Huwa ħabbar li l-Gvern qed janalizza l-liġijiet eżistenti u jipprepara rakkomandazzjonijiet kontra l-użu tad-deepfake biex jikkawża fastidju, rikatt jew bullying.

“Hekk kif għamilna fil-każ tas-cyberbullying u cyberstalking, se naħdmu wkoll biex l-użu tad-deepfake biex ikisser lin-nies jiġi penalizzat kif jixraq fil-liġijiet ta’ pajjiżna,” qal Dr Abela. Huwa spjega li waqt li bdiet l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget relatati mal-promozzjoni tal-użu tal-intelliġenza artifiċjali, il-Gvern se jkun qed jaħdem ukoll biex iċ-ċittadini jużaw dawn l-għodod diġitali f’ambjent sigur għal kulħadd.

L-użu tal-intelliġenza artifiċjali u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja pubbliku kienu ż-żewġ temi ewlenin li indirizza l-Parlament taż-Żgħażagħ fl-2025. Waqt li kien qed jiddiskuti il-proposti taż-żgħażagħ, il-Prim Ministru spjega li ż-żgħażagħ qed jgħinu fit-tfassil ta’ Viżjoni Malta 2050 u se jkunu huma l-muturi ewlenin fl-implimentazzjoni tagħha.

“Din hija viżjoni li tipprepara lill-pajjiż għall-ħamsa u għoxrin sena li ġejjin u allura tolqot direttament lil dawk li bħalissa qed jippreparaw ruħhom għad-dinja tax-xogħol jew biex jibnu familja. Iż-żgħażagħ huma katalisti biex jifformaw il-politika tal-pajjiż fuq suġġetti importanti, fosthom ir-rata tal-fertilità, l-ambjent u l-bilanċ bejn il-familja u x-xogħol,” sostna l-Prim Ministru.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, is-Segretarji Parlamentari Andy Ellul u Keith Azzopardi Tanti, is-Segretarju tal-Kabinett Ryan Spagnol u l-membri tal-Youth Advisory Forum.