Month: February 2026

PR260302

Il-Prim Ministru Robert Abela jiltaqa’ mal-istudenti fl-MCAST

Għada, 16,600 student se jirċievu pagament ieħor ta’ stipendju, din id-darba biż-żieda ta’ 15% kif imħabbar fil-Budget għall-2026. Din iż-żieda ta’ 15% tirrifletti wkoll fuq l-istipendji supplimentari. Fi żjara li għamel fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li s-suċċess ekonomiku li qed niksbu f’pajjiżna qed iħalli ħafna riżultati pożittivi li jippermettu li nkomplu ninvestu fil-futur tal-istudenti.

L-investiment fiż-żieda fl-istipendji huwa ta’ €6 miljun. Dan apparti sensiela ta’ miżuri oħra li bihom qed igawdu ż-żgħażagħ biex ikomplu bil-vjaġġ edukattiv tagħhom fosthom l-għotja ta’ €500 fis-sena għal massimu ta’ tliet snin, l-għotja ta’ €280 fix-xahar lill-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta u anki l-iffrankar mit-taxxa tad-dħul tal-ġenituri li jaħdmu sakemm uliedhom studenti jagħlqu 23 sena. Studenti li jkomplu bl-istudji tagħhom immedjatament wara s-Sekondarja, jingħataw ukoll voucher għal sena internet b’xejn.

L-istipendju tal-istudenti kollha se jkun qed jiżdied bi 15% fejn illum il-ġurnata jeżistu tliet livelli, dak ġenerali, dak ta’ prijorità medja u dak ta’ prijorità għolja skont il-korsijiet li jkunu qed jistudjaw l-istudenti. Il-Gvern, minn żmien għal żmien, jirrevedi l-istrateġiji ewlenin u l-pjanijiet ta’ azzjoni Nazzjonali ekonomiċi, ambjentali u soċjali ta’ Malta li jiddependu mill-provvista tal-kompetenzi u l-ħiliet meħtieġa ta’ ħaddiema tal-lum u tal-futur. Dan iwassal biex iktar studenti igawdu minn stipendji għola, skond il-klassifikazzjoni ta’ dawn il-korsijiet bħala prijorità medja u dak ta’ prijorità għolja, xhieda ċara ta’ kemm dan il-Gvern jemmen fil-potenzjal tal-istudenti.

Il-pagament tal-25 ta’ Frar 2026 jinkludi ħlas ta’ stipendju tal-aħħar jiem f’Diċembru bir-rata l-antika filwaqt li l-ħlas għal Jannar 2026 huwa bir-rata miżjuda ta’ 15%.

Il-Prim Ministru akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, iltaqa’ mal-istudenti u tkellem magħhom fuq vjaġġ edukattiv li jwassalhom biex jieħdu l-aqwa opportunitajiet li qed jinħolqu f’pajjiżna.

Fil-ġimgħa li l-pajjiż se jippreżenta l-Viżjoni Malta 2050, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li din il-viżjoni tħares li l-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd tkompli titjieb bis-saħħa tal-ġid ekonomiku li pajjiżna qed jesperjenza. Qal li l-istudenti f’pajjiżna jistħoqqilhom kull appoġġ biex jibnu l-futur tagħhom.

Dr Abela żied jgħid li l-esperjenza edukattiva tal-istudenti trid tissarraf fl-aqwa karrieri u għal dan, l-istudenti se jibqgħu jsibu Gvern magħhom u li jinċentivahom f’mument importanti f’ħajjithom biex ifasslu l-ġejjieni tagħhom.

PR260299

Waqt il-laqgħa annwali tal-Konsli Onorarji li jirrappreżentaw lil pajjiżna barra minn xtutna, il-Prim Ministru Robert Abela għadda messaġġ ċar dwar il-prijoritajiet internazzjonali ta’ pajjiżna, filwaqt li saħaq fuq il-kontribut kruċjali tagħhom biex imexxu ’l quddiem l-interessi diplomatiċi, ekonomiċi u nazzjonali ta’ pajjiżna.

Filwaqt li rringrazzjahom għal ħidmithom, il-Prim Ministru ddeskriva l-kontribut tal-Konsli Onorarji bħala waħda indispensabbli, hekk kif saħaq li r-riżultati li dawn jiksbu bil-ħidmatagħhom għandu impatt dirett mhux biss fuq l-objettivi nazzjonali iżda wkoll fuq il-kwalità tal-ħajja.

Il-Prim Ministru Abela nnotta kif iċ-ċokon ta’ pajjiżna ma jillimitax l-ambizzjonijiet nazzjonali tagħna. “Malta pajjiż żgħir fid-daqs, iżda b’viżjoni globali, storja għanja u, fuq kollox, b’sens ċar ta’ skop,” qal il-Prim Ministru. Huwa nnota li l-prosperità ta’ pajjiżna tiddependi fuq relazzjonijiet internazzjonali b’saħħithom, kredibbiltà bħala sieħeb ekonomiku, il-ħila tagħna li nipproġettaw il-valuri u s-saħħa komparattiva ta’ Malta lil hinn minn xtutna. Il-Prim Ministru tenna li relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi stabbli għandhom ikunu msejsa fuq “ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli,” u ħeġġeġ lill-Konsli Onorarji biex iżommu dan il-prinċipju fil-qalba tal-ħidma tagħhom.

Huwa rrefera wkoll għan-natura strateġika u prattika tar-rwol tagħhom, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kummerċ, l-investiment u l-faċilitazzjoni tan-negozju. “Malta stabbiliet lilha nnifisha bħala ġuriżdizzjoni stabbli, li tħares ’il quddiem, u li tiffavorixxi n-negozju, appoġġjata minn qafas regolatorju robust, forza tax-xogħol b’ħiliet neċessarji, u post strateġiku f’salib it-toroq bejn l-Ewropa, l-Afrika ta’ fuq, u l-Lvant Nofsani,” tenna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Abela għamel ukoll referenza għat-tnedija tal-Viżjoni Malta 2050 li se ssir nhar il-Ġimgħa, fejn sostna li din il-viżjoni se tkun qed issaħħaħ il-wirt nazzjonali tagħna, tippożizzjona mill-ġdid lil pajjiżna u tintroduċi marka ġdida distintiva li tirrifletti l-istorja nazzjonali tagħna, storja li għadha u se tkompli tevolvi.

Jakkumpanja lill-Prim Ministru għal din il-laqgħa kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg li wkoll irringrazzja lill-Konsli Onorarji għall-impenn tagħhom lejn il-Gżejjer Maltin. “Intom tinsabu fuq quddiem nett tal-impenn ta’ Malta fir-reġjuni rispettivi tagħkom. Permezz ta’ kull sħubija li tinbena u kull opportunità li tiġi identifikata, intom testendu l-preżenza diplomatika, ekonomika u kulturali ta’ Malta, u tiżguraw li leħen pajjiżna jinstema’, il-valuri tagħna jinżammu, u l-interessi tagħna jitmexxew ’il quddiem madwar id-dinja,” qal id-Deputat Prim Ministru Borg.

PR260297


Il-Gvern se jressaq proposta quddiem il-Parlament biex art f’Pembroke tingħata għal skop sportiv kif ukoll użu ġdid u ikbar mill-komunità.

Waqt laqgħa għall-membri u partitarji ta’ Valletta FC, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li minn dan il-proġett se jibbenefika bil-kbir fost oħrajn il-klabb Belti li, wara għexieren ta’ snin mingħajr faċilitajiet, issa jkollu l-art minn fejn jopera u jimxi ’l quddiem.

Din l-art f’Pembroke, li fil-pjan lokali hija skedata għall-bini ta’ uffiċini u residenzi privati, għandha l-valur fis-suq li jlaħħaq bejn il-75 u l-100 miljun ewro.

Bis-saħħa ta’ ekonomija b’saħħitha li tippermetti deċiżjoni bħal din, il-Gvern għamel l-għażla konxja li, minflok żvilupp li jiġġenera iktar finanzi, imur għall-proġett sportiv li jippromwovi ħajja sana u involviment tat-tfal u ż-żgħażagħ fl-attività fiżika.

Id-disinji li ġew abbozzati jixhdu l-pjan li Valletta FC ikollu pitch full-size, pitch ieħor 5-a-side, kif ukoll faċilitajiet għall-amministrazzjoni u għall-akkademja tal-klabb. Il-kunċett huwa mibni fuq l-iżvilupp ta’ kampus sportiv u hub għat-taħriġ tal-football.

Parti oħra minn din l-art se tingħata sabiex il-klabb ta’ Swieqi United ikollu wkoll il-pitch ġdid tiegħu, kif ukoll biex issir l-ewwel faċilità ddedikata speċifikament għall-futsal f’pajjiżna.

Għall-komunità ta’ Pembroke, se jsir investiment fuq spazju miftuħ ta’ iktar minn 4,500 metru kwadru bejn il-faċilitajiet sportivi u r-residenzi, biex jitgawda mill-familji taż-żona. Se jkun assigurat ukoll parkeġġ meħtieġ.

Il-Prim Ministru qal li l-kelma tal-Gvern lill-klabb tal-Belt se tinżamm u li issa din il-ħolma qed titwassal bit-tħabbira tal-proġett u eventwalment bl-implimentazzjoni li jrid isir b’ritmu b’saħħtu. 

“Dan il-proġett huwa konferma tal-fiduċja li għandna fl-attività sportiva u tal-importanza li qed nagħtu lill-isport f’pajjiżna,” temm jgħid Dr Abela.

Il-Ministru għall-Isport Clifton Grima qal li issa l-Awtorità tal-Artijiet għaddejja bil-proċess biex l-art f’Pembroke tgħaddi uffiċjalment għand Sport Malta, biex imbagħad il-proposta tiġi approvata mill-Parlament u jiġi ffirmat il-kuntratt biex il-klabb tal-Belt ikollu d-dar sportiva tiegħu.

Il-President ta’ Valletta FC Claudio Grech irringrazzja lill-Gvern ta’ din il-ġurnata li se tibqa’ mniżżla fl-istorja tal-klabb għal snin twal. Qal li dan mhuwiex biss l-ewwel pass biex tingħata biċċa art, imma pass importanti biex ikun assigurat futur b’saħħtu għall-klabb tal-Belt u għall-ġenerazzjonijiet żagħżugħa li se jitgħallmu l-football u jsiru membri aħjar tas-soċjetà.

PR260276

Waqt laqgħa oħra dwar ir-riforma tal-użu tal-midja soċjali fost l-adolexxenti, li saret fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela wera sodisfazzjon li bosta persuni għamlu għażla konxja li jipparteċipaw f’din id-diskussjoni dwar settur, dak tal-midja soċjali, li kull ma jmur qed jikber fl-importanza tiegħu. Huwa qal li l-parteċipazzjoni attiva f’din il-konsultazzjoni pubblika timlih bil-kuraġġ, hekk kif innota li bħalissa għaddejja l-fażi li fiha l-Gvern qed jisma’ u, abbażi ta’ dawn id-diskussjonijiet konsultattivi, se jkun qed jasal għal deċiżjoni kollettiva ta’ poplu.

Il-Prim Ministru sostna li l-użu estensiv tal-mobiles u l-midja soċjali fost it-tfal u l-adolexxenti hija realtà li ħafna ġenituri qed jitħadtu magħna dwarha. Huwa sostna kif permezz ta’ din il-konsultazzjoni pubblika l-Gvern qed jagħżel li jieħu azzjoni li ġġib differenza. Huwa żied jgħid li d-deċiżjoni li rridu nieħdu mhijiex jekk għandniex issir xi ħaġa jew le. “Nemmen li l-maġġoranza assoluta tal-poplu tagħna jemmen li xi ħaġa għandha ssir. Għalhekk irridu nitħadtu sa fejn irridu mmorru,” qal Dr Abela.  Huwa żied jgħid li l-għan ta’ din ir-riforma huwa li, kemm jista’ jkun, l-adolexxenti u t-tfal jieħdu aktar interess u jagħtu prijorità lill-attività fiżika b’mod ġenerali. Għalhekk  saħaq dwar l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ. Huwa sostna li, filwaqt li m’aħniex tard għat-teħid tad-deċiżjonijiet, il-Gvern mhux se jkun qed ikaxkar saqajh sabiex jieħu d-deċiżjonijiet neċessarji għall-ġid tas-soċjetà.

Hekk kif fakkar li dan il-perjodu ta’ konsultazzjoni pubblika se jintemm matul il-ġimgħa d-dieħla, il-Prim Ministru Robert Abela temm jgħid li din il-konsultazzjoni pubblika se twassal biex tittieħed deċiżjoni informata fuq settur li huwa fluwidu u li l-Gvern se jkun qed jieħu deċiżjonijiet konsultati u informati b’risq il-ġenerazzjoni żagħżugħa u l-ġenerazzjonijiet kollha ta’ pajjiżna.

Parteċipi għal din id-diskussjoni kien hemm ukoll Dr Lydia Abela. Hija qalet li din hija diskussjoni kruċjali għax tmiss direttament lill-ulied. Fl-istess waqt esprimiet sodisfazzjon għal din l-inizjattiva. “Nafu li għalkemm il-midja soċjali għandha t-tajjeb tagħha qed ikollha wkoll numru ta’ effetti negattivi speċjalment fuq it-tfal u anke fuq is-saħħa mentali tagħhom fost affarijiet oħra,” qalet Dr Lydia Abela. 

Hija ħadet ukoll l-opportunità biex tirringrazzja lil dawk li huma attivi fuq il-midja soċjali, bħall-content creators u l-influencers, li permezz tal-kontenut li jtellgħu fuq il-mezzi soċjali jgħinu biex titqajjem kuxjenza dwar suġġetti importanti u ta’ interess pubbliku. Fl-istess waqt, hija appellat għal użu aktar responsabbli tal-midja soċjali, b’sens ta’ rispett u b’għarfien akbar tal-impatt li l-kontenut jista’ jkollu.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon spjega kif il-midja soċjali, speċjalment fost iż-żgħażagħ, tista’ tintuża b’mod pożittiv biex tiffaċilita t-tagħlim, il-komunikazzjoni u l-kreattività, iżda wkoll tista’ tintuża b’mod ħażin b’konsegwenzi serji. Huwa fakkar li, illum il-ġurnata, is-cyber bullying u is-cyber stalking huma reati fihom infushom.

Il-Ministru Falzon qal li jeżistu diversi possibilitajiet li jistgħu jiġu kkunsidrati dwar kif din ir-riforma tista’ titmexxa, fosthom miżuri ta’ prevenzjoni u edukazzjoni, kif ukoll interventi li jsaħħu l-protezzjoni u s-sigurezza tat-tfal u l-adolexxenti online. Huwa saħaq li, permezz ta’ dan il-proċess konsultattiv, il-Gvern se jkun qed jasal għal deċiżjoni li biha se jkunu qed ninvesti mhux biss fil-ġid tat-tfal, iżda wkoll fil-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi.

Fl-intervent tagħha s-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg qalet li kemm bħala politiku kif ukoll bħala omm temmen li għandu jkun hemm din ir-riforma biex ikun hemm regolamentazzjoni li tagħti protezzjoni lit-tfal u l-adolexxenti. Hija qalet li f’dawn  il-laqgħat ta’ konsultazzjoni pubbliku inħass sentiment komuni li barra l-aspetti pożittivi tal-midja soċjali hemm ukoll aspetti oħrajn negattivi speċjalment għat-tfal li jeħtieġ li jiġu regolarizzati.

Rebecca Buttigieg qalet li numru ta’ pajjiżi bdew jieħdu azzjonijiet biex jirregolaw il-midja soċjali. Qalet li bħal nazzjon għandha dmir li nirregolaw ukoll il-midja soċjali u għalhekk qiegħed isir dan il-proċess ta’ konsultazzjoni biex ir-riforma tkun l-aħjar skont ir-realtajiet ta’ pajjiżna għaliex m’aħniex sempliċiment naddottaw dak li qed isir f’pajjiżi oħra anke għaliex kull pajjiż qiegħed jadatta r-regolamentazzjoni skont ir-realtajiet tiegħu. 

Waqt din id-diskussjoni pparteċipaw bosta persuni, fosthom ġenituri, adolexxenti, edukaturi, content creators, influencers, rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet non-governattivi, kif ukoll il-Kummissarju għat-Tfal. Id-diskussjoni messet diversi temi, fosthom jekk ir-regolamentazzjoni għandhiex tkun biss f’idejn il-Gvern jew jekk l-operaturi u l-pjattaformi għandhomx ukoll iġorru parti mir-responsabbiltà. Ġiet enfasizzata wkoll il-ħtieġa li t-tfal u l-adolexxenti jingħataw opportunitajiet biex jagħmlu użu minn għodod diġitali u jitgħallmu jużawhom b’mod sigur, responsabbli u bilanċjat. Fl-istess waqt, ġew diskussi l-elementi pożittivi u dawk negattivi li jistgħujirriżultaw mill-użu tal-midja soċjali. Ġie diskuss ukoll kif l-użu tal-midja soċjali qed jinfluwenza l-mod kif it-tfal u l-adolexxenti jissoċjalizzaw mal-kumplament tas-soċjetà, u l-impatt li dan qed ikollu fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-adolexxenti.

Il-pubbliku jista’ jagħmel is-sottomissjonijiet għall-green paper dwar din ir-riforma permezz tas-sit elettroniku publicconsultation.gov.mt. Il-konsultazzjoni pubblika se tkun qed ittemm nhar is-27 ta’ Frar 2026.

Nhar it-Tnejn filgħodu, fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u t-tmexxija ta’ Festivals Malta ltaqa’ mal-parteċipanti u dilettanti tal-Karnival.

Waqt iż-żjara, il-Prim Ministru tkellem mal-parteċipanti u seta’ jara mill-qrib ix-xogħol artistiku li jwettqu b’mod volontarju u b’dedikazzjoni liema bħalha, biex ikomplu jżommu ħaj it-tradizzjoni tal-Karnival li hija parti mill-identità ta’ pajjiżna. 

Fil-foss ta’ San Ġakbu, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-isforzi mill-organizzaturi flimkien mal-parteċipanti fi żmien anki ta’ sfidi marbuta mal-maltemp.

Dr Abela faħħar ukoll il-ħidma u rringrazzja lill-parteċipanti kollha u lill-organizzaturi għad-dedikazzjoni tagħhom biex jittellgħu dawn l-attivitajiet fil-Belt Kapitali u anki fil-Floriana b’mod partikolari, biex jitgawdew mill-pubbliku u mit-turisti li jżuruna. Il-Prim Ministru tenna li l-Gvern jibqa’ impenjat li jkompli jappoġġja dawn l-inizjattivi li jżommu ħaj il-wirt kulturali tagħna.