Month: February 2026

PR260248

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur ix-xogħol ta’ preparazzjoni għat-tradizzjonijiet ta’ dawn iż-żminijiet fil-gżira Għawdxija

Il-Prim Ministru Robert Abela, flimkien mal-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri, żar Għawdex fejn segwa mill-qrib il-preparazzjonijiet li għaddejjin għall-attivitajiet tal-Karnival li ta’ kull sena jimlew il-gżira bi ġranet ta’ divertiment, mużika u tradizzjoni.

Iż-żjara bdiet fin-Nadur, fejn il-Prim Ministru ltaqa’ mal-organizzaturi tal-Karnival Spontanju, avveniment li hu ferm popolari u li kull sena jiġbed numru kbir ta’ żgħażagħ, Għawdxin u Maltin lejn din il-lokalità. Hawnhekk seta’ jara l-ħidma li għaddejja fuq il-post u jitkellem kemm mal-organizzaturi minn Malta Daily kif ukoll is-Sindku tan-Nadur Edward Said flimkien man-nies tal-lokal li, b’ħafna impenn, ikomplu jżommu din it-tradizzjoni ħajja sena wara oħra.

Matul il-ġurnata, il-Prim Ministru żar ukoll diversi stabbilimenti u kumpaniji tad-divertiment li qed jorganizzaw attivitajiet f’lokalitajiet differenti madwar Għawdex matul il-weekend tal-Karnival. Dawn l-inizjattivi, immexxija prinċipalment minn żgħażagħ, qed joffru forma ta’ divertiment li tattira ġenerazzjoni aktar żagħżugħa u tkompli ssebbaħ l-atmosfera fil-gżira Għawdxija.

Il-ġurnata kompliet bi żjarat għand ħames kumpaniji tal-karrijiet ġewwa l-imħażen tagħhom, fejn il-Prim Ministru seta’ jara mill-qrib ix-xogħol li għaddej fuq il-karrijiet li se jieħdu sehem fil-Karnival ta’ din is-sena. Hawnhekk spikka l-impenn, il-kreattività u s-sagrifiċċju li jagħmlu bosta voluntiera sabiex jinżamm ħaj dan il-wirt kulturali.

L-aħħar waqfa għall-Prim Ministru kienet fir-Rabat Għawdex fejn attenda għall-parata tradizzjonali tal-Karnival. Hawnhekk iltaqa’ ma’ diversi parteċipanti, voluntiera u familji li kienu qed igawdu l-festi tal-Karnival. Il-parata offriet atmosfera ferriħija mimlija kuluri, kostumi u karrijiet, li wriet mill-ġdid kif il-Karnival f’Għawdex jibqa’ avveniment ta’ għaqda u ferħ għall-komunità kollha.

Fi tmiem iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li, “Il-Karnival f’Għawdex joħroġ l-ispirtu pożittiv u l-impenn tal-komunità lokali. Huwa mument fejn iż-żgħażagħ, il-voluntiera, l-anzjani u l-familji jingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw din il-festa li hi parti mill-identità tagħna. Il-Gvern jibqa’ kommess li jappoġġja dawn l-inizjattivi li jġibu l-ferħ, il-ħajja u l-attività ekonomika fil-gżira Għawdxija.”

PR260236

Waqt laqgħa informali tal-Mexxejja Ewropej li saret fil-kastell storiku ta’ Alden Biesen, il-Belġju, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq dwar l-importanza li l-Unjoni Ewropea twieġeb b’mod strateġiku u koordinat għall-bidliet mgħaġġla li qed iseħħu fl-ambjent ġeoekonomiku u ġeopolitiku. Bidliet li qed iħallu impatt fuq in-negozji u l-kompetittività, speċjalment għal ekonomiji żgħar u miftuħa bħal dik ta’ pajjiżna.

Dr Abela sostna li l-UE għandha tibqa’ miftuħa għal relazzjonijiet kummerċjali ma’ diversi pajjiżi u reġjuni. Dan filwaqt li tara li tkompli ssaħħaħ ir-reżiljenza, l-effettività u l-kompetittività tagħha, kemm internament kif ukoll mal-bqija tad-dinja. Huwa enfasizza li d-diversifikazzjoni tar-relazzjonijiet kummerċjali hija mezz kruċjali biex l-UE u l-Istati Membri jnaqqsu d-dipendenzi, b’mod speċjali f’oqsma essenzjali bħall-enerġija u l-materja prima, fost l-oħrajn.  Fl-istess waqt Dr Abela qal li l-UE trid tiddefendi u ssaħħaħ setturi u teknoloġiji strateġiċi kontra kompetizzjoni inġusta u pressjoni ekonomika. B’hekk jeħtieġ li jiġu evitati miżuri li b’xi mod jew ieħor inaqqsu l-kompetittività jew li jimpattaw b’mod negattiv l-investiment.

Il-Prim Ministru qal li filwaqt li huwa importanti li l-UE tkompli tmexxi ’l quddiem soluzzjonijiet globali favur azzjoni klimatika, din l-istess ambizzjoni jeħtieġ tkun waħda meqjusa, responsabbli u li ssaħħaħ il-kompetittività mhux biss tal-UE imma anke tal-Istati Membri tagħha.  

“Is-suq waħdieni hu wieħed mill-ikbar assi tal-Unjoni Ewropea. Ir-reżiljenza tal-UE, u għalhekk ukoll dik tal-Istati Membri, tiddependi fuq suq waħdieni b’saħħtu, flimkien ma’ policies u strateġiji interni li jsaħħu n-negozji u jġibu benefiċċji reali għaċ-ċittadini, inkluż dak tal-Maltin u l-Għawdxin,” qal Dr Abela. Huwa spjega kif għal pajjiżna, suq waħdieni aktar b’saħħtu jfisser aktar opportunitajiet, aktar investiment, aktar esportazzjoni ta’ servizzi u prodotti, aktar kompetittività, u aktar impjiegi, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji li jridu jinnovaw u jespandu.

Il-Prim Ministru saħaq li pajjiżna se jibqa’ jimbotta politika ta’ inċentiv u tkabbir sostenibbli, u mhux politika ta’ awsterità. Enfasizza wkoll il-ħtieġa li l-UE tkompli ssaħħaħ il-konnettività, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-enerġija, it-trasport u n-netwerks diġitali, hekk kif dawn isarrfu f’infrastruttura essenzjali biex is-suq waħdieni Ewropew jaħdem b’mod effettiv. 

Fl-istess waqt, Dr Abela rrimarka dwar l-importanza li tissaħħaħ ukoll l-ekosistema Ewropea biex il-kumpaniji jirnexxu, b’attenzjoni speċjali għall-intrapriżi żgħar u medji sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jinvestu, iħaddnu dejjem aktar l-innovazzjoni u jespandu.

Din il-laqgħa saret fuq stedina mill-President tal-Kunsill Ewropew, António Costa, biex il-Mexxeja Ewropej jiddiskutu dwar it-tisħiħ  tas-suq waħdieni u l-kompetittività tal-UE. Matul id-diskussjonijiet, Mario Draghi u Enrico Letta taw il-perspettiva tagħhom dwar dawn iż-żewġ temi prinċipali.  Dawn id-diskussjonijiet qed iservu bħala preparazzjoni għall-Kunsill Ewropew skedat li jsir ix-xahar id-dieħel fi Brussell.

PR260223

Waqt avveniment imtella’ mill-kumpanija OZO Group fl-okkażjoni tat-30 anniversarju mit-twaqqif tagħha, il-Prim Ministru Robert Abela nnota kif din il-kumpanija privata, tul is-snin li ilha topera, kibret bħala negozju fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku.

Il-Prim Ministru rrefera għar-riżultati ekonomiċi pożittivi li Malta qed tgawdi minnhom illum. “Illum għandna aktar nies jaħdmu, inqas qgħad u aktar ġid. Dawn ir-riżultati huma frott ta’ politika ekonomika stabbli u mmirata lejn tkabbir sostenibbli,” qal Dr Abela.

Huwa żied li l-Gvern fetaħ il-bieb tat-tkabbir u warrab l-awsterità. Fl-istess waqt, il-ħila tas-settur privat, ir-riskji kkalkulati u l-impenn ta’ mijiet u eluf ta’ kumpaniji mmexxija mill-Maltin komplew jibnu u jsaħħu dan is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru spjega li, għall-Gvern, it-tkabbir ekonomiku waħdu qatt ma kien biżżejjed. “Aħna nemmnu f’ekonomija li tikber, iżda mhux li tikber askapitù tal-kwalità, tal-ġustizzja u r-rispett lejn il-bniedem, hu min hu,” qal Dr Abela. Sostna li jeħtieġ li l-ħaddiema jkunu impjegati f’oqsma fejn hemm verament bżonn, li jingħataw kundizzjonijiet ġusti, li jkunu rispettati minn min iħaddimhom.

Dr Abela qal li r-riżultati ekonomiċi li qed naraw illum huma xprun għall-Viżjoni Malta 2050, viżjoni mibnija fuq tkabbir sostenibbli, kwalità ta’ ħajja aħjar u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali. Il-Prim Ministru semma kif din l-istess viżjoni se ssarraf fl-ewwel pjan nazzjonali komprensiv li qatt kellu pajjiżna.

Huwa għamel ukoll referenza għall-fatt li l-esperti tal-Fond Monetarju Internazzjonali (l-IMF) qalulna nhar il-Ġimgħa li Malta hija l-uniku pajjiż tal-Unjoni Ewropea li tant hu fdat li l-IMF ma jħossx il-ħtieġa ta’ sorveljanza ekonomika ta’ kull sena. “Minkejja dan, f’Malta li nemmnu fiha aħna, dik li tħares ’il quddiem, is-suċċess ma jitkejjelx biss bit-tkabbir tal-kejk nazzjonali jew biċ-ċifri. Jitkejjel ukoll b’kemm ikollna ħin għall-familja, b’kemm inkunu nistgħu ngawdu ħajjitna u b’kemm jibqalna flus fil-but biex nużawhom kif nixtiequ. Din hija l-Malta li qed nibnu flimkien,” saħaq il-Prim Ministru.

Fl-istess waqt, huwa rrefera għall-investiment li qed isir fl-ispazji pubbliċi, b’mod partikolari l-proġetti ta’ Manoel Island, White Rocks, Forti Campbell, Forti Tigné u Forti San Salvatur. Dr Abela nnota wkoll li bil-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li ġie mħabbar il-ġimgħa li għaddiet, il-Gvern qed jara li l-investiment mill-privat jagħti lok biex igawdu direttament minnu l-Maltin u l-Għawdxin.

Dr Abela għamel referenza għall-inizjattiva “OZO 30 Initiatives”, programm imfassal apposta li permezz tiegħu l-kumpanija OZO Group se twettaq 30 proġett li se jħallu impatt mhux biss fuq il-kumpanija nnifisha u l-ħaddiema tagħha, iżda wkoll fuq il-komunità inġenerali.

PR260219

Il-Prim Ministru Robert Abela jżur il-forn tal-Maypole f’Tal-Ħandaq u jinnota l-ħila tal-imprenditur Malti li b’ekonomija b’saħħitha se jibqa’ appoġġjat

Fi żjara li għamel fil-fabbrika tal-Grupp Maypole f’Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, il-Prim Ministru Robert Abela nnota l-investiment konġunt li sar bejn tliet kumpaniji Maltin biex twaqqfet akkademja li torganizza korsijiet professjonali għall-furnara u b’hekk din is-sengħa tradizzjonali anki f’pajjiżna, tibqa’ titkattar.

Fil-fatt Maypole ngħaqdet ma’ Cassar Shipyards u St. James Hospital biex waqqfet l-akkademja EVA u qed tagħti korsijiet wara li ssieħbet mal-Kulleġġ ta’ City of Glasgow biex ġie ċċertifikat il-kors mogħti f’pajjiżna.

Akkumpanjat mill-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri, il-Prim Ministru Robert Abela kellu laqgħa mat-tmexxija tal-Grupp Maypole fejn assigura li b’ekonomija b’saħħitha, pajjiżna jibqa’ jappoġġja l-investiment fosthom dak lokali biex ikompli jiġġenera aktar ġid.

Waqt li kien qed jiltaqa’ mal-ħaddiema, it-tmexxija tal-Maypole spjegat lill-Prim Ministru kif il-Grupp wettaq investiment qawwi billi xtara binja sħiħa li fiha topera l-fabbrika tal-forn tal-Maypole. Investiment ta’ €11-il miljun li miegħu ntefqu wkoll €2 miljun oħra biex is-sular t’isfel tal-binja ġie kkonvertit ħalli jaqdi l-operat.

Maypole għaddejja wkoll b’investiment ta’ €2.5 miljun f’makkinarju ġdid, dan filwaqt li f’dawn l-aħħar seba’ snin, Maypole kompliet tinvesti fil-ftuħ t’aktar ħwienet biex tlaħħaq mad-domanda fis-suq.

Il-Prim Ministru awgura kull suċċess lill-Grupp u nnota r-reżiljenza, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-imprenditur Malti li b’ħila kompla jespandi u jkattar il-ġid fl-ekonomija Maltija. Qal li ekonomija b’saħħitha li fl-aħħar jiem ġiet anki ċċertifikata mill-Fond Monetarju Internazzjonali bħala waħda li m’għandhiex bżonn sorveljanza ta’ kull sena, issa nistgħu nħarsu ’l quddiem biex inkomplu nagħfsu fuq il-kwalità. Dan fi sfond li pajjiżna issa se jkollu l-Viżjoni Malta 2050 fejn għandna l-lussu li nagħżlu l-investiment li jaqbel lil pajjiżna, allinjat mal-qalbiet diġitali u sostenibbli.

PR260212

Waqt avveniment li mmarka t-tnedija uffiċjali ta’ vettura Changan, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li t-tnedija ta’ din il-marka ġdida ta’ vetturi f’Malta, tallinja mal-viżjoni tal-Gvern għall-futur tat-trasport. “Futur definit mit-teknoloġija, l-effiċjenza u r-responsabbiltà ambjentali,” sostna Dr Abela. Huwa tenna l-impenn tal-Gvern li jkompli jappoġġja t-tranżizzjoni ekoloġika, li qed tiġi implimentata permezz ta’ miżuri konkreti.

Il-Prim Ministru Abela rrefera għall-inċentivi li l-Gvern joffri sabiex wieħed jixtri vetturi elettriċi ġodda. Huwa saħaq li dawn il-miżuri qed jiżguraw li għażliet sostenibbli jibqgħu aċċessibbli kemm għall-familji kif ukoll għan-negozji.

Dr Abela żied jgħid li dawn l-isforzi jiffurmaw parti minn approċċ nazzjonali aktar wiesa’ favur azzjoni konkreta li qed tindirizza t-tibdil fil-klima. “Malta qed tinvesti fi trasport aktar nadif, f’enerġija rinnovabbli u f’infrastruttura aktar innovattiva biex tnaqqas l-emissjonijiet, ittejjeb il-kwalità tal-arja, u fuq kollox il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Dan kollu jmur id f’id mal-Viżjoni Malta 2050, li tpoġġi s-sostenibbiltà, l-innovazzjoni u r-reżiljenza fuq quddiem nett tal-iżvilupp nazzjonali tagħna,” żied jgħid il-Prim Ministru.

“Ilum nistgħu ngħidu bi kburija li disgħa minn kull għaxar vetturi ġodda li qed jidħlu fis-suq Malti jaħdmu b’enerġija alternattiva,” saħaq il-Prim Ministru hekk kif iddeskriva din il-bidla bħala xhieda ta’ kemm l-għarfien pubbliku, f’dan ir-rigward, qed dejjem jikber.

Changan Automobile għandha preżenza u esperjenza internazzjonali. Kull ma jmur din il-marka qed tespandi fil-manifattura, ir-riċerka u l-iżvilupp tal-karozzi. L-ewwel mudell li qed jiġi introdott lokalment huwa Changan Deepal S07, b’aktar mudelli ppjanati ’l quddiem.