Month: February 2026

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ mal-President tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja Koen Lenaerts u l-Imħallef Ramona Frendo fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

F’laqgħa pożittiva, ġew diskussi temi differenti biex tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni u d-djalogu bejn pajjiżna u l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.

Il-Prim Ministru qal li fi żmien li l-Unjoni Ewropea hi kkonfrontata bi sfidi legali u istituzzjonali, il-kontribuzzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tibqa’ waħda kruċjali.

Preżenti fil-laqgħa kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Johan Galea u l-Konsulent dwar l-Affarijiet Ewropej Leandro Borg.

PR260196

Pjan miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika u wara tiftaħ PMC mas-settur privat biex din ir-riġenerazzjoni titwettaq

Il-Prim Ministru Robert Abela ppreżenta l-pjan tal-aqwa Riġenerazzjoni għall-Port il-Kbir li se jkun miftuħ għall-konsultazzjoni pubblika u minnufih wara jibda l-proċess tax-xogħol mas-settur privat biex din ir-riġenerazzjoni titwettaq. Waqt it-tnedija uffiċjali tal-konsultazzjoni pubblika dwar ir-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq kif dan il-proġett li jdur mal-isbaħ port fil-Mediterran se jkun wieħed ambizzjuż, massiċċ u li se jħalli marka dwar kif qed nibdlu u rridu nkomplu nibdlu lil pajjiżna għall-aħjar.

Ir-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir se tkun maqsuma f’erba’ fażijiet, bil-għan li tinħoloq żona ta’ standard internazzjonali li tagħti ġieħ lill-wirt marittimu Malti filwaqt li toffri spazji fejn il-kultura, servizzi u rikreazzjoni jkunu jistgħu jgħixu flimkien. Il-pjan għall-ewwel fażi jiffoka fuq it-trasformazzjoni tal-waterfront tal-Marsa u s-sit tal-eks power station f’żona mħallta u vibranti, b’użu modern, sostenibbli u ta’ kwalità, li joħloq opportunitajiet ġodda u jġib il-port aktar qrib in-nies u l-familji. Id-disinjaturi ta’ dan il-proġett huma l-esperti mid-ditta internazzjonali u rinomata Champan Taylor.

Huwa żied jgħid kif dan il-proġett huwa parti mill-viżjoni ta’ dan il-Gvern biex jagħti valur u kwalità f’żoni u siti li tħallew fi stat t’abbandun għal snin twal. Il-Prim Ministru għamel referenza għal numru ta’ proġetti mhux biss ta’ tisbiħ imma fuq kollox proġetti li jħarsu l-ambjent u s-saħħa tan-nies,  li saru f’dawn l-aħħar snin madwar il-Port il-Kbir.

Il-Prim Ministru Abela fakkar kif din l-amministrazzjoni kienet strumentali biex tingħalaq darba għal dejjem il-power station tal-Marsa. “Irridu nkomplu nagħmlu ġustizzja ma’ din iż-żona u nagħtu l-isbaħ proġett li qatt wettaq Gvern fl-istorja moderna ta’ pajjiżna,” tenna jgħid Dr Abela.

Huwa qal li l-Gvern jemmen tassew fil-potenzjal ta’ din iż-żona u l-lokalitajiet tal-madwar, partikolarment il-Marsa li għandha potenzjal enormi u għalhekk qed jitmexxa ’l quddiem dan il-pjan ħolistiku li se jwassal għall-investiment ta’ kwalità li joħloq il-ġid. Proġett li huwa allinjat mal-Viżjoni Malta 2050.

Dr Abela qali li l-proġett tar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir jgħaqqad ma’ ħames proġetti oħra li l-Gvern nieda riċentament. Dak ta’ Manoel Island, tal-WhiteRocks, Forti San Salvatur, Forti Tigné , u Forti Campbell. “Dawn huma ħames proġetti li se nwettquhom biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji tagħna. Filwaqt li l-ambizzjoni hija waħda kbira, ir-rieda għat-twettieq hija akbar,” sostna l-Prim Ministru.

Dr Abela assigura wkoll li l-karatteristiċi tal-port mhux se jinbidlu anzi se joħorġu aktar bil-wirt li ħallewlna missirijietna. Filwaqt li tenna li kull lokalità li tmiss ma’ dan il-port se tgawdi minn din ir-riġenerazzjoni.

Waqt il-preżentazzjoni tal-pjan tar-riġenerazzjoni tkellmet ukoll il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli li sostniet, “Irridu Port il-Kbir li jirrispetta minn fejn ġejjin, il-wirt u l-istorja u li joħodna lejn il-ġejjieni, b’investiment f’setturi ġodda. Għalhekk il-pjanijiet għal din iż-żona jridu jippermettu ferm iktar minn dak li hemm sal-lum.” Spjegat kif il-konsultazzjoni li tħabbret illum trid tkun waħda miftuħa. “Nifhmu li kull bidla ġġib magħha mistoqsijiet. Imma nafu wkoll li hawn ħafna potenzjal li jekk ikun sfruttat tajjeb pajjiżna jmur għall-aħjar,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Iċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC), l-Inġ. Ryan Fava spjega kif dan il-proġett iħares li jirriġenera l-parti tal-power station l-antika, il-parti tal-Menqa u l-parti tad-Deep Water Quay u s-swar tal-Floriana. “Huwa proġett importanti għax għandna port ħaj. Illum tellaqna konsultazzjoni pubblika għax irridu nisimgħu aktar m’għand in-nies u se nkomplu wkoll bil-konsultazzjonijiet mal-istakeholders sabiex dan il-proġett nazzjonali nmexxuh ’il quddiem,” qal l-Inġ. Fava.

Il-Kap Eżekuttiv tal-GHRC, Gino Cauchi spjega kif f’dawn l-aħħar snin, il-Korporazzjoni wettqet diversi proġetti madwar il-Belt Valletta, il-Floriana u l-Kottonera, inkluż il-riġenerazzjoni tal-pjazza tal-Kalkara u d-daħla tal-Isla. “Issa wasal iż-żmien li nħarsu lejn il-Marsa, lokalità importanti ħafna li tul is-snin kellha ġġorr l-piż t’attività industrijali qawwija. Wasal iż-żmien tar-riġenerazzjoni ta’ din iż-żona u permezz ta’ dan il-pjan qed inħabbru l-kunċett ta’ kif tista’ tingħata l-ħajja mill-ġdid, għall-benefiċċju tal-pajjiż kollu kemm hu,” qal Gino Cauchi.

Adrian Griffiths, Direttur tal-bord tal-grupp Chapman Taylor, iddeskriva l-Port il-Kbir bħala “world class” bi storja ta’ difiża li hija viżibbli fl-arkitettura tiegħu. “Bħala periti nemmnu ħafna fl-istorja, fil-kultura u fil-wirt. Dak li ppruvajna nwasslu f’din il-viżjoni huwa kunċett li jidħol b’mod naturali fil-Port il-Kbir,” qal Griffiths. Spjega kif fil-kunċett ingħatat importanza kbira lil spazji li joħolqu opportunitajiet kulturali u li jġibu lin-nies flimkien, b’bosta spazji pubbliċi u aktar konnettività mal-Belt Valletta.

Chapman Taylor hija kumpanija li topera minn 13-il studio tad-disinn madwar id-dinja.

Id-dettalji dwar dan il-proġett jistgħu jinkisbu mis-sit https://ghrc.gov.mt/revival/. Il-konsultazzjoni pubblika se ddum miftuħa sitt ġimgħat.

PR260178

Fil-Berġa ta’ Kastilja ġie ffirmat l-aqwa ftehim għaċ-Childcare b’xejn li jkopri erba’ snin u li jisboq il-kwart ta’ biljun ewro. Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li dan l-aqwa ftehim jibni fuq il-ftehimiet ta’ qabel, iżda jżid l-investiment kull sena tul il-perjodu applikabbli. B’kollox dan l-aqwa ftehim għaċ-Childcare b’xejn ilaħħaq €276.7 miljun.

Dr Abela qal li dan kollu jikkonferma kif ekonomija b’saħħitha tibqa’ ċ-ċavetta għall-prosperità li rridu nkomplu noħolqu għall-familji Maltin u Għawdxin, u kif dan it-tkabbir qed jiġi tradott f’ħidmiet konkreti li jtaffu l-piż u jsaħħu l-kwalità tal-ħajja. Huwa saħaq li għall-Gvern iċ-Childcare b’xejn, mhux spiża iżda investiment fil-familji. Qal li l-Gvern jappoġġja l-għażliet differenti tal-familji fejn anke introduċa drittijiet ġodda favur il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.

F’pajjiżna qed jiġu allokati 210 sigħat ta’ Childcare b’xejn fix-xahar, b’medja ta’ 50 siegħa fil-ġimgħa, għal kull wild. Studju tal-Bank Ċentrali juri li l-iskema taċ-Childcare b’xejn wasslet għal żieda ta’ 6,200 mara fid-dinja tax-xogħol, li tfisser kważi €180 miljun aktar dħul f’pagi għall-familji. Illum ir-rata tan-nisa fid-dinja tax-xogħol laħqet kważi 75%, meta qabel l-2013 kienet taħt il-50%. Dan kollu wassal biex Malta, minn pajjiż bit-tieni l-inqas rata ta’ impjiegi fl-Ewropa, illum tinsab fost l-aqwa. “Għalhekk, iċ-Childcare b’xejn jitqies bħala investiment li jkompli jġib ġid ekonomiku u soċjali għall-pajjiż,” saħaq il-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru Robert Abela semma kif dan il-ftehim qed jitħaddem flimkien ma’ miżuri u inċentivi soċjali oħra li qed jiġu implimentati permezz tal-Budget ta’ din is-sena, fosthom żewġ tax cuts konsekuttivi fosthom dik introdotta din is-sena għall-ħaddiema kollha ġenituri kemm b’wild wieħed jew żewġt ulied jew aktar, żidiet fiċ-Children’s Allowance fejn twettaq aktar milli kien imwiegħed u t-tisħiħ fl-in-work benefit biex ikompli jinċentiva n-nies jikkontribwixxu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-miżura ġdida li jinkludi l-aqwa ftehim għaċ-Childcare b’xejn, dik t’allowance ta’ €520 fis-sena, apparti l-paga, li se tingħata lil kull childcarer li jitkellem bil-Malti, kemm Maltin kif ukoll oħrajn li llum jitħaddtu bl-ilsien Malti. Dr Abela nnota wkoll il-bażi importanti għal żvilupp edukattiv li jagħti s-servizz taċ-Childcare.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal, “Waħda mill-prijoritajiet li poġġejna quddiemna meta bdejna ninnegozjaw dan il-ftehim, mhux biss bħala Ministru responsabbli, iżda wkoll bħala missier ta’ tifla li tgawdi miċ-Childcare u li nixtieqha titkellem Malti tajjeb, hu li childcarers li jitkellmu l-Malti mhux biss inżommuhom fis-settur iżda nħajru oħrajn li jagħżlu din il-karriera.”

“Dan li ġie ffirmat illum huwa l-aqwa ftehim tal-iskema taċ-Childcare b’xejn. Investejna aktar fih biex dan is-servizz ikompli b’saħħtu u jkompli jingħata b’xejn, biex insaħħu d-dħul tal-ħaddiema fis-settur u biex ikollna servizz konsistenti u dejjem aħjar għall-familji. Ġieli naħbtu se ninsew kemm mexa ’l quddiem dan il-pajjiż fl-aħħar ftit snin. Iżda, il-bidliet pożittivi kienu kbar u enormi. Bħall-edukazzjoni b’xejn, bħas-saħħa b’xejn, bħall-pensjonijiet, illum iċ-Childcare b’xejn huwa dritt għal kulħadd. F’dawn il-ftit iktar minn għaxar snin gawdew minnu eluf ta’ familji u l-istess se jibqa’ jiġri. Sal-lum kien hemm 40,643 tifel u tifla li attendew għal dan is-servizz. Din kienet waħda mill-ikbar miżuri biex tgħin u twieżen lill-familji fl-aħħar snin. Hekk għenna lil kulħadd. Hekk ħloqna middle-class ġdida,” ikkonkluda l-Ministru Camilleri.

Flimkien mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru Byron Camilleri, għal dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana, iċ-Chairperson ta’ Jobsplus Charmaine Cristiano, iċ-Chief Operations Officer tal-Malta Chamber of SMEs Andrew Aquilina u Elizabeth Parnis miċ-Childcare Centre Providers Association.

Waqt li s-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Joyce Dimech, il-Kap Eżekuttiv ta’ Jobsplus Celia Falzon, il-President tal-Malta Chamber of SMEs Paul Abela u l-President taċ-Childcare Centre Providers Association Simon Zammit iffirmaw dan il-ftehim.

PR260175

Fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela nieda l-ewwel fażi tar-riforma tal-Qorti tal-Familja bi prinċipji importanti favur l-aħjar interess tat-tfal, ġustizzja ċċentrata fuq in-nies u effiċjenza u kwalità fis-sistema ġudizzjarja. F’konferenza tal-aħbarijiet il-Prim Ministru Robert Abela qal li pajjiżna qed jieħu pass storiku ieħor favur il-familji permezz tat-twettiq ta’ riformi li ilhom tant mistennija u li jġibu magħhom tama ġdida u sens qawwi ta’ umanità.

Il-Prim Ministru saħaq kif din ir-riforma hija msejsa fuq konsultazzjoni wiesa’. “F’dawn l-aħħar xhur smajna bosta vuċijiet u esperjenzi li juru b’mod ċar kif is-sistema attwali mhux dejjem kienet qed taqdi biżżejjed. Kien hemm ġenituri li għal snin twal ġew imċaħħda mill-aċċess għat-tfal tagħhom minħabba proċessi li jdumu, u nanniet li wara separazzjoni spiċċaw maqtugħin għal kollox min-neputijiet tagħhom. Fuq kollox, rajna kif it-tfal, dawk li suppost nipproteġu l-aktar, xi kultant spiċċaw iġorru piż emozzjonali li sistema sensittiva kellha fil-verità tevita. Għalhekk, din ir-riforma hija pass kruċjali biex il-ġustizzja tal-familja ssir aktar aċċessibbli, aktar effiċjenti u fuq kollox, aktar umana”, qal Dr Abela.

Il-Prim Ministru spjega li l-qalba tar-riforma tinkludi fost l-oħrajn Qorti tal-Familja awtonoma, jiġifieri issa din il-Qorti mhux se tibqa’ sempliċiment sezzjoni fi ħdan il-Qorti Ċivili, iżda Qorti b’riżorsi speċjalizzati sabiex kwistjonijiet delikati tal-familja jiġu trattati b’urġenza u sensittività. Barra minn hekk issa hemm proċeduri aktar ċari u aktar spediti, biex il-familji ma jibqgħux jistennew snin għal deċiżjoni, għaliex ġustizzja li ddum wisq hija ġustizzja miċħuda.

Il-Prim Ministru żied jgħid li din ir-riforma qed issarraf ukoll f’tisħiħ u titjib fil-medjazzjoni, dan biex il-koppji jsibu triq komuni aktar malajr u l-familji ma jibqgħux f’qagħda ta’ inċertezza għal xhur sħaħ. Dan flimkien ma’ protezzjoni iktar b’saħħitha għat-tfal, fejn l-interess tal-ulied ikun verament fiċ-ċentru ta’ kull deċiżjoni. Kif ukoll trattament ġust u bilanċjat tal-ġenituri, b’drittijiet u obbligi rikonoxxuti b’mod ekwu għall-ġenituri, u infurzar effettiv tad-deċiżjonijiet tal-Qorti, u finalment sabiex ordnijiet dwar manteniment jew aċċess ma jibqgħux jiġu injorati.

Dr Abela qal li din ir-riforma tifforma parti minn impenn usa’ favur il-familja u t-tfal. Huwa żied jgħid li ftit jiem ilu tnediet Green Paper dwar l-użu tal-midja soċjali fost l-addoloxxenti u li tħares li tipproteġi lit-tfal u persuni vulnerabbli fid-dinja diġitali, flimkien ma’ miżuri oħra bħal tax cuts għall-familji, u investiment fi spazji miftuħa u servizzi komunitarji.

Il-Prim Ministru rrimarka li r-Riforma tal-Qorti tal-Familja qed timmarka t-twettiq ta’ wegħda elettorali, hekk kif sostna li permezz tagħha nfetaħ kapitlu ġdid. “Kapitlu fejn il-Qorti tal-Familja issa mhux biss tapplika l-liġi, imma tagħmel dan b’qalb, b’ġustizzja u b’umanità”, tenna jgħid Dr Abela.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon stqarr li riforma bħal din, ħadet ħsieb illi fil-qofol tagħha, ikun hemm it-tfal. Dan minħabba n-natura sensittiva ta’ dawn il-każijiet, li jħallu tant pressjoni psikoloġika fuq il-partijiet konċernati, speċjalment it-tfal infushom. ‘‘B’din ir-riforma ser inkunu aktar għajnejna miftuħa lejn manipulazzjoni intenzjonata, filwaqt li nipprovdu avukat tat-tfal anke waqt il-proċess ta’ medjazzjoni, u nagħtu ħin stipulat għal dawk li huma proċessi u medjazzjoni legali. Dawn ir-riformi huma lkoll intiżi sabiex intaffu mill-pjagi li ġġib magħha kull separazzjoni fil-familja,” stqarr il-Ministru Michael Falzon.

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard sostna li matul dawn is-snin iltaqa’ ma’ varji persuni li qassmu miegħu d-diffikultajiet li għaddew minnhom minħabba kwistjonijiet fil-familja.  “Esperjenzi li wrew ċar li kellna niskattaw proċess ta’ Riforma fil-Qorti tal-Familja, proċess li jkun sensittiv, effiċjenti u uman. Illum qed inħabbru riforma li tpoġġi s-sistema kollha f’pożizzjoni li tagħti riżultati aħjar, aktar ġusti u aktar umani. Fiċ-ċentru tagħha hemm l-aħjar interess tat-tfal, mhux bil-kliem iżda bħala modus operandi li għandu jiggwida lill-ġudikatura, lill-professjonisti u lill-partijiet.

Din ir-riforma tistabbilixxi bażi legali ċara għall-prinċipju ta’ co‑parenting, filwaqt li ssaħħaħ il-protezzjoni f’każijiet ta’ vjolenza domestika u manipulazzjoni. L-għan tagħna hu wieħed: ġustizzja li tasal fil-ħin, li tħares lill-familja u li tpoġġi lit-tfal fuq quddiem nett f’kull deċiżjoni”, temm jgħid il-Ministru Attard.