Month: April 2026

PR260679

Il-Prim Ministru Robert Abela żar il-proġett tal-Hard Rock Hotel f’San Ġiljan, immexxi mill-Grupp DB, li jinsab fl-aħħar fażi tiegħu qabel jiftaħ il-bibien tiegħu matul is-sajf li ġej. 

Dan il-proġett, b’investiment ta’ madwar €320 miljun, huwa maħsub biex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika ta’ kwalità għolja. Dan hekk kif il-lukanda qed tiġi żviluppata b’enfasi qawwija fuq is-sostenibbiltà, filwaqt li hija mistennija ssir il-lukanda ewlenija ta’ Hard Rock mhux biss fir-reġjun Ewropew, iżda wkoll f’dak Afrikan u tal-Lvant Nofsani. Il-proġett se jinkludi 397 kamra, l-akbar faċilitajiet ta’ wellness f’Malta, kif ukoll mistenni jkun hemm l-akbar ċentru kummerċjali fil-pajjiż.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li dan il-proġett multimiljunarju huwa xhieda oħra tal-fiduċja li l-investituri għandhom f’pajjiżna, fl-ekonomija tagħna u fl-industrija turistika tagħna. Huwa rrimarka li dan l-investiment qed isir fi żmien ta’ sfidi internazzjonali, fejn bosta pajjiżi oħra jinsabu maħkuma mill-instabbiltà u f’pajjiżna għandna l-istabbiltà u ċ-ċertezza. Dr Abela qal li dan qed jiġi nnutat minn aġenziji internazzjonali ta’ kreditu bħad-DBRS Morningstar u anke l-Fond Monetarju Internazzjonali. 

Dr Abela għamel ukoll referenza għar-regolamenti ġodda fis-settur tal-ospitalità. Regolamenti li se jkomplu jgħollu l-kwalità fis-settur. Il-Prim Ministru tenna li s-settur turistiku għandu rwol kruċjali fit-tmexxija tat-tkabbir ekonomiku b’saħħtu li qed jesperjenza pajjiżna. Huwa qal li dawn ir-riżultati ekonomiċi nkisbu bis-saħħa ta’ strateġiji maħsuba sew u miri ambizzjużi, imfassla biex jiġġeneraw tkabbir ekonomiku allinjat mal-Viżjoni Malta 2050, viżjoni msejsa fuq il-kwalità u fuq dak li jħalli valur miżjud.

Huwa nnota li l-industrija turistika tagħna mhux biss qed tkompli tikber imma qed tevolvi. Filwaqt li tenna li l-għan tal-Gvern mhuwiex biss li nikkonsolidaw il-kisbiet li nkisbu, iżda li nkomplu nimbuttaw ’il quddiem mudell turistiku dejjem aktar sostenibbli. “Dan jirrifletti l-impenn tagħna lejn trasformazzjoni kontinwa, biex ngħollu l-prodott turistiku tagħna u nżidu l-livelli ta’ kwalità fis-settur tal-ospitalità kollu”, qal Dr Abela hu u jinnota l-effiċjenza u l-mod kif f’inqas minn tliet snin, dan il-proġett mexa b’pass mgħaġġel biex jitwettaq.

Min-naħa tiegħu, Silvio Debono, iċ-Chairperson tal-istess grupp qal, “Dal-proġett jixpruna lill-kumpanija sabiex tkompli twessa’ l-viżjoni tagħha b’iktar kunfidenza u ambizzjoni. Se nibqgħu ninvestu f’Malta u se nkomplu niġbdu lejn pajjiżna ‘brands’ globali li jikkontribwixxu lejn iktar kwalità u iktar żvilupp pożittiv.” Il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp DB Robert Debono qal li dan il-proġett għandu jattira iktar viżitaturi u residenti li jfittxu l-kwalità f’kollox, nies li jħallu iktar flus fl-ekonomija, b’inqas impatt ambjentali u b’inqas iffullar.

PR260675

Sa mill-2022 il-Gvern ikkonkluda madwar 140 ftehim għall-ħaddiema u investa maż-żewġ biljun ewro f’żidiet biss

Fiċ-ċerimonja tal-iffirmar ta’ ftehim ieħor settorjali li fisser l-ikbar investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, il-Prim Ministru Robert Abela saħaq li jħossu kburi li qed immexxi pajjiż li jinvesti bis-saħħa fil-ħaddiema. Il-ftehim kompla jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-progressjoni tal-karriera tal-uffiċjali f’dan il-korp tant importanti għall-pajjiżna.

Waqt l-indirizz tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela tenna li kull ftehim settorjali li jiġi ffirmat ifisser pass ieħor ’il quddiem fit-tisħiħ tal-qagħda tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom. 

Huwa spjega li dan il-ftehim huwa wieħed minn kważi 140 ftehim settorjali li ġew konklużi sa mill-2022 ’l hawn. Fl-istess waqt il-Prim Ministru nnota kif f’żidiet biss, il-Gvern investa madwar żewġ biljun ewro – investiment b’saħħtu fil-ħaddiema u li sar possibbli bis-saħħa tal-ekonomija b’saħħitha li għandu pajjiżna.

Dan huwa ftehim settorjali ieħor għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, wara dak iffirmat fl-2021.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka li kienet din l-amministrazzjoni li bidlet il-liġi fl-2015, biex il-ħaddiema tal-korpi dixxiplinati ngħataw id-dritt li jissieħbu f’unjin, u b’hekk infetħet it-triq biex bdew jiġu nnegozjati u ffirmati dawn il-ftehimiet.

Il-ftehim il-ġdid għall-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili se jwassal għal titjib sostanzjali fil-progressjoni u l-kundizzjonijiet tal-uffiċjali. Fost oħrajn, dan il-ftehim b’saħħtu qed jagħti allowance ta’ elf u ħames mitt ewro u żieda minn tal-inqas ta’ elfejn u mitejn ewro fis-sena għal kull uffiċjal. Dan apparti l-aqwa kundizzjonijiet tax-xogħol bi scale progression aktar mgħaġġel.

Il-Prim Ministru qal li dan huwa eżempju konkret ta’ kif il-prinċipji soċjali favur il-ħaddiema u l-familji qed jissarrfu f’miżuri tanġibbli li jtejbu l-kwalità tal-ħajja. Huwa saħaq li minkejja l-isfidi internazzjonali li qed taffaċċja d-dinja, pajjiżna qed jibqa’ joffri stabbiltà, serħan il-moħħ u pjanijiet b’saħħithom għal setturi importanti bħal dak tal-Protezzjoni Ċivili.

Dr Abela rringrazzja lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili għad-dedikazzjoni u x-xogħol siewi tagħhom, filwaqt li nnota kif dawn ikunu minn tal-ewwel li jwieġbuf’mumenti ta’ emerġenza u sfidi, kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna. 

Huwa semma l-investiment li l-Gvern qed ikompli jagħmel f’dan il-korp permezz ta’ aktar tagħmir, vetturi speċjalizzati, għodod moderni u titjib fl-istazzjonijiet, biex il-pajjiż ikun aktar preparat.

Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-ftehim mhuwiex biss investiment fil-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili, iżda parti minn viżjoni usa’ ta’ Gvern li jrid ikompli joħloq il-ġid ekonomiku li jissarraf f’opportunitajiet aħjar għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, qal li meta jsalvaw jew jipproteġu, forsi l-kelma prosit dawn il-ħaddiema jisimgħuha ħafna, “u jkun ħaqqkom. Però bħala Gvern nemmnu li l-prosit għandna mhux biss ngħiduh, iżda nwettquh bil-fatti. Għaliex verament napprezzaw li tagħmlu, iżda aktar minn hekk dejjem irridu li nkunu f’pożizzjoni aħjar biex insalvaw u nipproteġu – għaliex fl-aħħar mill-aħħar tgawdi s-soċjetà Maltija u Għawdxija.” 

Il-Ministru Camilleri sostna li huwa għalhekk li l-Gvern qed jinvesti kontinwament fil-kundizzjonijiet u d-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema.

Fil-Berġa ta’ Kastilja, waqt laqgħa mal-Kummissarju Ewropew għall-Ambjent, ir-Reżiljenza tal-Ilma u Ekonomija Ċirkolari Kompetittiva, Jessika Roswall, il-PrimMinistru Robert Abela sostna li pajjiżna jiffaċċja sfidi bħan-nuqqas ta’ ilma, spazju limitat u insularità – sfidi li jħallu impatt fuq il-mod ta’ kif ngħixu, u nsostnu s-servizzi tagħna.

B’referenza għall-Viżjoni Malta 2050, il-Prim Ministru saħaq li din ir-realtà li għandu pajjiżna wasslet sabiex jinbena pjan fit-tul – pjan li jħares lejn is-sostenibbiltà fil-prattiċità tagħha, u fejn il-ħarsien tal-ambjent, is-sigurtà tal-ilma, l-ekonomija ċirkolari, u l-użu effiċjenti tar-riżorsi huwa meqjus essenzjali sabiex tkompli tissaħħaħ il-kwalità tal-ħajja, ir-reżiljenza u l-kompetittività ta’ pajjiżna.

Il-Prim Ministru semma kif minkejja l-iskarsezza tal-ilma, pajjiżna investa f’sistema tal-ilma b’saħħitha, flimkien mal-programm New Water li qed jappoġġja lill-bdiewa.

Dr Abela tenna li pajjiżna qed ikompli jsaħħaħ l-ekonomija ċirkolari  fosthom permezz tas-separazzjoni tal-iskart, l-iskema ta’ rifużjoni ta’ depożitu għall-kontenituri tax-xorb, investiment f’faċilitajiet bħal EcoHive u aktar għarfien pubbliku.

Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll  il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli u l-Konsulent tal-Prim Ministru fuq l-AffarijietEwropej, Leandro Borg.

PR260639

Hekk kif tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul, iltaqa’ mal-membri tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD).

Waqt din il-laqgħa, il-Prim Ministru Abela nnota li pajjiżna għandu awtoritajiet li jmexxu bil-għaqal f’ċirkostanzi internazzjonali bla preċedent u li għadna qatt ma rajna bħalhom, fejn il-prezzijiet taż-żejt jitilgħu, jinżlu u jerġgħu jisplodu ’l fuq.

Huwa żied jgħid li, għall-kuntrarju ta’ pajjiżi oħra li spiċċaw bla petrol, diesel u fjuwil ieħor, pajjiżna għandu u se jkompli joffri assigurazzjoni mhux biss ta’ provvista, imma wkoll ta’ stabbiltà fil-prezzijiet. “Dan huwa possibbli għaliex il-Gvern baqa’ jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa u fid-direzzjoni t-tajba,” tenna Dr Abela.

Il-Prim Ministru spjega li s-settur tal-enerġija huwa wieħed mir-raġunijiet ewlenin għaliex Malta llum tinsab f’pożizzjoni ekonomika b’saħħitha. F’dan il-kuntest, huwa nnota wkoll it-tbassir tal-Fond Monetarju Internazzjonali, li juri kif sal-2031 Malta mistennija tesperjenza l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, kif ukoll inflazzjoni inqas mill-medja Ewropea.

Dr Abela qal b’mod ċar li s-sussidji fuq l-enerġija se jibqgħu jingħataw, sabiex il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin jibqgħu protetti mill-effetti tal-volatilità internazzjonali fil-prezzijiet taż-żejt u tal-fjuwil. Il-Prim Ministru kompla jisħaq li dawn id-deċiżjonijiet huma possibbli għax Malta ħasbet minn qabel u żammet l-ekonomija u l-finanzi tagħha f’qagħda soda.

Il-Prim Ministru Robert Abela rrefera wkoll għall-politika ambizzjuża li pajjiżna għandu biex ikompli jersaq dejjem aktar lejn l-enerġija rinnovabbli, politika li mistennija tgħin biex jitnaqqsu drastikament l-emissjonijiet, filwaqt li tkompli tagħti garanzija sostnuta lill-Maltin u l-Għawdxin.

Il-Prim Ministru temm jgħid li Gvern immexxi minnu se jkompli jinvesti u jsaħħaħ il-politika ta’ inċentivi u sostenn mhux biss fis-settur tal-enerġija, imma f’kull qasam.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet li l-istabbiltà fil-prezz u l-istabbiltà fil-provvista tal-enerġija huma pilastriimportanti li fuqhom qed inħadmu u nimplimentaw il-pjan usa’ tagħna fil-qasam tal-enerġija. “Fiċ-ċirkostanzi preżenti qed nerġgħu naffermaw mill-ġdid dak li dejjem bqajna konvinti minnu, partikolarment mill-2022 ’il quddiem, meta d-dinja bdiet tiffaċċja sitwazzjonijiet volatili bil-prezzijiet tal-enerġija jisplodu f’diversi pajjiżi,” żiedet tgħid il-Ministru Dalli. 

“Aħna bqajna u nibqgħu niggarantixxu prezz stabbli għax hekk nagħtu ċertezza lill-familji u n-negozji. Bl-istess mod dejjem bqajna u se nibqgħu niggarantixxu provvista stabbli. L-istabbiltà kienet u hija l-bażi li fuqha komplejna mmexxu lil dan il-pajjiż ’il quddiem; ekonomikament u soċjalment u għalhekk dejjem iddefendejna din il-politika minkejja l-pressjonijiet kollha li kellna. Fl-istess ħin għandna pjan ambizzjuż ta’ investiment fis-settur li jkompli jagħmel lil pajjiżna iktar reżiljenti,” temmet tgħid il-Ministru Dalli.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni, Andy Ellul, qal li din id-diskussjoni hija waħda ferm importanti fejn qed tixpruna djalogu ħaj, immirat li jiddiskuti modi ta’ kif bħala pajjiż nimxu ’l quddiem fl-interess ta’ kulħadd. “Din il-laqgħa turi b’mod ċar id-djalogu soċjali miftuħ li qed iħalli l-ġid, hekk kif l-imsieħba soċjali  kienu parteċipi f’din id-diskussjoni li qed taffettwa l-ġejjieni ta’ dan il-pajjiż. Hekk biss jista’ jkollna diskussjonijiet li verament jirriflettu r-realtajiet ta’ Malta u l-bżonnijiet tal-poplu u niesu,” sostna s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

Il-Membri tal-MCESD ingħataw preżentazzjoni dettaljata dwar il-pjan preparatorju tal-enerġija miċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Inġ. Ryan Fava, il-Kap Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta l-Inġ. Ismail D’Amato, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-IESC l-Inġ. Johann Zammit u ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop.

PR260615

Waqt avveniment li mmarka l-iffirmar tal-aqwa ftehim għall-impjegati tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati, fil-binja tal-Qorti fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru ddeskriva dan il-ftehim bħala pass ieħor importanti ’l quddiem fil-qasam tal-ġustizzja. Huwa qal li dan il-ftehim qed jibgħat messaġġ ċar li l-ħaddiema li jsostnu l-amministrazzjoni tal-ġustizzja, iħejju l-ħidma ta’ kuljum, jassistu lill-ġudikatura, jiggwidaw liċ-ċittadini, iżommu l-ordni u jżommu r-rekords, għandhom ikunu rispettati, appoġġjati u apprezzati.

Huwa sostna li dan il-pass wasal fi żmien fejn pajjiżna qed ikompli jimmodernizza s-servizzi tal-ġustizzja. “Qed inżidu l-investiment, inkomplu nsaħħu r-riżorsi umani, intejbu l-infrastruttura u nħaffu t-trasformazzjoni diġitali, biex il-ġustizzja tkun aktar effiċjenti, aktar trasparenti u aktar aċċessibbli għal kulħadd,” saħaq il-Prim Ministru Robert Abela.

B’referenza għall-Budget 2026, il-Prim Ministru tenna li l-Gvern impenjat li jkompli jagħti l-għodda neċessarja biex ikompli jsaħħaħ il-qasam tal-ġustizzja. Fl-istess waqt qed isiru riformi leġislattivi importanti, aktar speċjalizzazzjoni fil-qrati bħall-Qorti Kummerċjali u dik tal-Familja u sezzjonijiet ġodda bħal dik tal-Maġistratura speċjalizzata fuq l-Inkjesti Maġisterjali. Dan apparti tisħiħ kontinwu tal-ġudikatura u tas-servizzi li jduru magħha. 

Il-Gvern qed jinvesti ukoll wkoll fl-ispazji li fihom issir il-ġustizzja, b’aktar awli, sigurtà mtejba u binjiet ġodda għall-Qrati bħal dik ta’ Palazzo Conte. Apparti minn hekk qed ikompli l-ippjanar għall-infrastruttura moderna u aċċessibbli, inkluż f’Għawdex, u qed inħaddnu t-teknoloġija permezz ta’ tagħmir ġdid fil-qrati, konnettività aħjar u sistemi diġitali li jissimplifikaw il-mod kif jimxu l-każijiet.

Dan kollu, saħaq il-Prim Ministru, qed iwassal sabiex jittieħdu aktar deċiżjonijiet  fil-ħin, ikompli jissaħħaħ is-servizz u tkompli tikber il-fiduċja mill-pubbliku.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal ukoll li dan il-ftehim huwa importanti biex tissaħħaħ l-istabbiltà u l-professjonalità. Fl-istess waqt qed jgħin ukoll biex tinżamm l-esperjenza, jiġu attirati ħiliet ġodda u rikonoxxuti r-responsabbiltajiet dejjem jikbru li ġġib magħha sistema ta’ ġustizzja moderna.

“Għall-Gvern il-ħaddiema tassew jiġu l-ewwel. Għalina huma u l-familji tagħhom huma s-sisien ta’ dak li hu pajjiżna,” sostna Dr Abela, hekk kif għamel referenza għall-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, kif ukoll b’referenza għat-tax cut għall-ħaddiema kollha li daħlet fit-tieni sena tagħha u tax cut oħra għall-ħaddiema ġenituri.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard qal li b’dan il-ftehim mhux biss qed isaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, iżda qed joħolqu karigi ġodda, strutturi ta’ progress u opportunitajiet ta’ karriera. “Qed nibagħtu messaġġ ċar: li f’din l-Aġenzija tista’ tikber, titgħallem u timxi ’l quddiem. L-intenzjoni tagħna hija ċara: li nkomplu ninvestu fir-riżorsi umani, fl-infrastruttura u fir-riformi legali, bħala parti minn pjan għal sistema ta’ ġustizzja aktar speċjalizzata,” tenna l-Ministru Jonathan Attard.

Dr Vanessa Grech, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati qalet, “Illum qed niċċelebraw tragward importanti għall-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati. Dan il-ftehim huwa xhieda tal-impenn tagħna li noffru kundizzjonijiet b’saħħithom u nattiraw aktar ħaddiema fi ħdan l-aġenzija. Kommessi li nkomplu nsaħħu l-Aġenzija, inwettqu proġetti infrastrutturali ġodda u nibnu sistema tal-ġustizzja aktar moderna, effiċjenti u aktar viċin tan-nies.”

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri qal li dan il-Ftehim Kollettiv huwa riżultat ta’ kollaborazzjoni bejn l-Amministrazzjoni tal-Qorti u l-General Workers’ Union. Permezz ta’ djalogu kostruttiv u rispett reċiproku, intlaħaq bilanċ li jsaħħaħ kemm l-istabbiltà tas-sistema ġudizzjarja kif ukoll il-benesseri tal-ħaddiema, u jistabbilixxi bażi soda għal servizz aktar effiċjenti u sostenibbli fil-futur.