Nhar il-Ġimgħa se jitlaqqa’ l-MCESD biex l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti jingħataw spjegazzjoni diretta dwar il-pjan preparatorju li pajjiżna għandu biex jilqa’ għal kull sfida
Appoġġ finanzjarju lill-familji fil-kontijiet tal-enerġija, hedging agreements ma’ banek internazzjonali u pjanijiet ta’ ħażna huma fost in-numru ta’ miżuri li qed jittieħdu mill-entitajiet tal-enerġija Maltin sabiex pajjiżna jkompli jiggarantixxi sigurtà fil-provvista u stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija għall-familji u n-negozji.
Dan ħareġ minn laqgħa fil-binja tal-Power Station f’Delimara li l-Prim Ministru Robert Abela, akkumpanjat mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, kellu ma’ rappreżentanti mill-Enemalta, Interconnect Malta, l-IESC u l-Enemed.
Il-laqgħa teknika saret fi sfond tas-sitwazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-enerġija, x’miżuri qed jieħdu l-pajjiż sabiex inkomplu niggarantixxu stabbiltà u l-pajjiż jilqa’ għal xokkijiet esterni.
It-tekniċi mill-entitajiet rispettivi spjegaw kif pajjiżna għandu pjan ċar, filwaqt li jħares ukoll lejn strateġija fit-tul mibnija fuq il-prinċipji tal-istabbiltà fil-prezzijiet u ċertezza fil-provvista.
Il-Prim Ministru Robert Abela sostna li f’ċirkostanzi internazzjonali diffiċli u imprevedibbli, fejn pajjiżi oħra qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ provvista u inflazzjonijiet qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, Malta rnexxielha żżomm il-prezzijiet stabbli grazzi għad-deċiżjonijiet li ttieħdu fil-ħin u għall-investimenti strateġiċi li saru. Huwa enfasizza li l-Gvern se jibqa’ determinat li jkompli jipproteġi lill-familji u n-negozji permezz ta’ politika li jassiguraw sigurtà tal-enerġija u stabbiltà ekonomika.
Il-Prim Ministru żied li dan kollu huwa possibbli minħabba li pajjiżna żamm finanzi pubbliċi b’saħħithom, u li issa, fi żminijiet bħal dawn, qed jippermettu li l-Gvern jibqa’ joffri garanzija ta’ stabbiltà fil-prezz tal-enerġija u ċertezza fil-provvista.
Mal-Ministru Dalli huwa ħabbar ukoll li, nhar il-Ġimgħa se jkun qed jitlaqqa’ l-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD), sabiex l-imsieħba soċjali u l-korpi kostitwiti jingħataw spjegazzjoni diretta dwar il-preparamenti u l-ħidma li qed issir biex pajjiżna jibqa’ preparat għal kull sfida.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli enfasizzat il-ħidma li għaddejja sabiex il-familji u n-negozji jkomplu jgawdu minn stabbiltà fil-prezzijiet u fil-provvista. “Żammejna l-kontijiet stabbli fi żmien il-pandemija, żammejna l-istabbiltà fil-prezzijiet u fil-provvista matul il-gwerra tal-Ukrajna fl-eqqel tal-kriżi tal-enerġija u llum qed nerġgħu niggarantixxu dak l-istess serħan il-moħħ. Qed nagħmlu hekk grazzi għall-għajnuna tal-Gvern u kif ukoll għall-ippjanar li jkun għaddej mal-Enemalta, Enemed, Interconnect Malta u IESC, fost oħrajn,” qalet il-Ministru Dalli.
“Hemm żewġ raġunijiet primarji għalfejn qed jirnexxilna nagħmlu dan: bħala pajjiż Ewropew, konna l-ewwel Gvern li rnexxilna ninnegozjaw u nikkonvinċu lill-Kummissjoni Ewropea sabiex Malta tkun tista’ tilqa’ għall-impatt fl-għoli tal-prezzijiet fuq il-konsumaturi billi ndaħħlu s-sussidju. Fl-istess waqt, Malta hija l-uniku pajjiż Ewropew li għall-fjuwils tal-karozzi tuża s-sistema ta’ hedging. L-Enemalta wkoll tadotta sistema ta’ hedging u tassigura l-ħażna,” tenniet il-Ministru Dalli.
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ing. Ryan Fava, il-Kap Eżekuttiv ta’ Interconnect Malta l-Ing. Ismail D’Amato, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-IESC l-Ing. Johann Zammit, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemed Kevin Chircop.






Recent Comments